18.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 322/27


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/2010

tas-17 ta' Diċembru 2018

b'appoġġ għall-Ġlieda Kontra l-Proliferazzjoni u t-Traffikar Illeċiti ta' Armi Ħfief, ta' Kalibru Żgħir (SALW) u l-Munizzjon u l-Impatt tagħhom fl-Amerka Latina u l-Karibew fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE kontra Armi tan-Nar, Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir Illeċiti u l-Munizzjoni tagħhom “Aktar Sigurtà fuq l-Armi Biex Nipproteġu liċ-Ċittadini”

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fid-19 ta' Novembru 2018, il-Kunsill adotta l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea kontra Armi tan-Nar, Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir illeċiti u l-Munizzjoni tagħhom intitolata “Aktar Sigurtà fuq l-Armi Biex Nipproteġu liċ-Ċittadini” (l-“Istrateġija tal-UE dwar is-SALW”), li tistabbilixxi l-linji gwida għal azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-armi ħfief u ta' kalibru żgħir (“SALW”).

(2)

L-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW tinnota li l-Unjoni ser tfittex li jkun hemm sinerġija mal-istati Amerikani u l-organizzazzjonijiet reġjonali rilevanti sabiex jitnaqqsu l-proliferazzjoni u t-traffikar illeċiti tas-SALW, bil-għan li jitnaqqsu l-vjolenza bl-armi u l-attività kriminali.

(3)

L-Amerka Latina u l-Karibew ġew identifikati bħala reġjuni milquta serjament mill-proliferazzjoni u l-akkumulazzjoni eċċessiva ta' SALW.

(4)

Fis-Sitt Laqgħa Biennali tal-Istati tal-2016 dwar il-Programm ta' Azzjoni tan-NU sabiex Jipprevjeni, Jikkumbatti, u Jeqred il-Kummerċ Illeċitu fis-SALW fl-Aspetti Kollha Tiegħu (il-“Programm ta' Azzjoni tan-NU”), li ġie adottat fl-20 ta' Lulju 2001, l-Istati Membri kollha tan-NU affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom lejn il-prevenzjoni tat-traffikar illeċitu tas-SALW. L-Istati laqgħu l-progress li sar fir-rigward tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni subreġjonali u reġjonali u impenjaw ruħhom li jistabbilixxu jew isaħħu, fejn xieraq, tali kooperazzjoni, koordinazzjoni u mekkaniżmi ta' kondiviżjoni ta' informazzjoni, inkluż il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, sabiex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni.

(5)

L-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OSA) hija s-Segretarjat għall-Konvenzjoni Inter-Amerikana kontra l-Iffabbrikar Illeċitu u t-Traffikar tal-Armi tan-Nar, il-Munizzjon, l-Isplussivi u Materjal Relatat Ieħor (CIFTA) u qed tikkoordina u timplimenta inizjattivi reġjonali fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' SALW fl-Amerka.

(6)

L-Unjoni tixtieq tiffinanzja proġett dwar it-tnaqqis tat-theddida tat-tixrid u t-traffikar illeċiti ta' SALW u l-munizzjon tagħhom fl-Amerka Latina u l-Karibew,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Bil-ħsieb tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra Armi tan-Nar, Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir illeċiti (SALW) u l-Munizzjon tagħhom intitolata “Aktar Sigurtà fuq l-Armi Biex Nipproteġu liċ-Ċittadini” (l-“Istrateġija tal-UE dwar is-SALW”), u għall-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà, il-proġett tal-OSA dwar it-tnaqqis tat-theddida tat-tixrid u t-traffikar illeċiti tas-SALW u l-munizzjon tagħhom fl-Amerka Latina u l-Karibew li għandhom jiġu appoġġati mill-Unjoni għandu jkollu l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

Jissaħħu s-sigurtà fiżika u s-sistemi ta' ġestjoni għall-ħażniet militari nazzjonali u dawk istituzzjonali oħra permezz ta' miżuri ta' sigurtà tas-siti u kontroll tal-inventarju mtejba;

Jissaħħu l-kapaċitajiet nazzjonali għall-qerda ta' SALW u munizzjon maqbuda, eċċessivi jew mhux sikuri;

Tissaħħaħ il-kapaċità nazzjonali tal-immarkar u t-traċċar tas-SALW u tiġi mħeġġa l-kooperazzjoni reġjonali dwar it-traċċar ta' armi u munizzjon ikkonfiskati;

Jittejbu l-mekkaniżmi ta' trasferiment ta' SALW permezz tal-leġislazzjoni nazzjonali, il-kontrolli fil-fruntieri, u l-koordinazzjoni reġjonali; u

Tiġi promossa mġiba soċjalment responsabbli f'komunitajiet magħżula, immirata lejn gruppi li huma serjament milquta mill-vjolenza armata, inkluż l-użu ta' kampanji ta' għoti lura jew strateġiji oħra mfassla biex inaqqsu l-inċidenza lokali ta' delitti vjolenti.

L-Unjoni għandha tiffinanzja l-proġett, li hu deskritt fid-dettall fl-Anness.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (Ir-Rappreżentant Għoli) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1 għandha titwettaq mill-OSA.

3.   L-OSA għandha twettaq il-kompitu tagħha taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli. Għal dak il-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-OSA.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett iffinanzjat mill-Unjoni msemmi fl-Artikolu 1 għandu jkun ta' EUR 3 000 000. Il-programm għandu jiġi ffinanzjat kompletament mill-Unjoni, b'kontribuzzjonijiet in natura mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tar-Renju ta' Spanja u l-benefiċjarju.

2.   L-infiq iffinanzjat mill-ammont ta' referenza li jinsab fil-paragrafu 1 għandu jiġi amministrat f'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta tal-infiq imsemmi fil-paragrafu 1. Għal dak il-għan, hija għandha tikkonkludi l-ftehim meħtieġ mal-OSA. Il-ftehim għandu jistipula li l-OSA għandha tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribut tal-UE, b'mod xieraq skont id-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tgħarraf lill-Kunsill dwar kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u dwar id-data tal-konklużjoni tal-ftehim.

Artikolu 4

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti regolari kull tliet xhur imħejjija mill-OSA. Dawk ir-rapporti għandhom jifformaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill.

2.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1.

Artikolu 5

1.   Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 3(3) jew, jekk ma jiġi konkluż l-ebda ftehim f'dak il-perijodu, sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

E. KÖSTINGER


ANNESS

PROĠETT DWAR IL-ĠLIEDA KONTRA L-PROLIFERAZZJONI U T-TRAFFIKAR ILLEĊITI TA' ARMI ĦFIEF, TA' KALIBRU ŻGĦIR (SALW) U L-MUNIZZJON U L-IMPATT TAGĦHOM FL-AMERKA LATINA U L-KARIBEW FIL-QAFAS TAL-ISTRATEĠIJA TAL-UE KONTRA ARMI TAN-NAR, ARMI ĦFIEF U TA' KALIBRU ŻGĦIR ILLEĊITI U L-MUNIZZJON TAGĦHOM “AKTAR SIGURTÀ FUQ L-ARMI BIEX NIPPROTEĠU LIĊ-ĊITTADINI”

1.   Introduzzjoni u objettivi

1.1.   Introduzzjoni

Il-proliferazzjoni ta' armi ħfief, ta' kalibru żgħir u munizzjon illeċiti hija wieħed mill-fatturi prinċipali li jikkontribwixxi għal livelli għoljin ta' vjolenza u instabbiltà f'diversi pajjiżi fl-Amerka Latina u l-Karibew. Kważi nofs il-każijiet ta' vittmi ta' omiċidju għandhom bejn il-15 u d-29 sena u l-użu ta' armi tan-nar huwa partikolarment prevalenti fir-reġjun, fejn żewġ terzi (66 %) tal-omiċidji twettqu b'armi tan-nar. L-istatistika miġbura minn Small Arms Survey għall-pubblikazzjoni tiegħu Global Burden of Armed Violence, 2015 jiżvelaw ukoll li l-għaxar nazzjonijiet bl-ogħla rati ta' mwiet relatati mas-SALW bejn l-2010 u l-2015 kienu kollha Stati Amerikani, b'kull wieħed minn dawn b'rata ta' omiċidji b'arma tan-nar ta' iktar minn 20 għal kull 100 000 tal-popolazzjoni.

Il-gvernijiet tal-Amerka Latina u l-Karibew ċaħdu l-iffabbrikar u t-traffikar illeċitu ta' armi permezz tal-appoġġ tagħhom għal diversi strumenti internazzjonali, inkluż il-Konvenzjoni Inter-Amerikana kontra l-Iffabbrikar Illeċitu u t-Traffikar tal-Armi tan-Nar, il-Munizzjon, l-Isplussivi u Materjal Relatat Ieħor (CIFTA), il-Programm ta' Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għal Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir, u l-Istrument Internazzjonali ta' Traċċar. Madankollu, il-forzi militari u forzi oħra tas-sigurtà jżommu ħażniet kbar ta' SALW u munizzjon li spiss ma jkunux siguri jew ikollhom akkontabbiltà laxka. Kull sena, il-forzi tas-sigurtà fir-reġjun jaqbdu eluf ta' SALW illegali u tunnellati ta' munizzjon. Uħud mill-materjal maqbud kien traċċat għal ħażniet militari kemm minn ġewwa u kif ukoll minn barra r-reġjun, billi intrapriżi kriminali ffinanzjati sew, inkluż organizzazzjonijiet tat-traffikar tad-droga, gangs transnazzjonali, u traffikanti tal-armi internazzjonali għelbu l-kapaċitajiet ta' interdizzjoni nazzjonali.

Il-proliferazzjoni ta' armi ħfief, iżda wkoll id-disponibbiltà ta' armi tan-nar għall-popolazzjoni ġenerali wrew li jżidu r-riskju ta' vjolenza bl-armi tan-nar. Ir-Rapport tal-Istatus Globali dwar il-Vjolenza 2014 tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), juri permezz ta' studji trasversali fost il-pajjiżi parteċipanti li d-disponibbiltà tal-armi hija, fil-fatt, fattur ta' riskju għall-omiċidji. Ir-rapport jinnota wkoll li l-armi tan-nar b'mod ġenerali huma prevalenti ħafna fl-Amerki, u li huma l-arma predominanti f'inkontri vjolenti. Sejba oħra tar-rapport hija li l-faċilità ta' aċċess għal armi tan-nar u armi oħra u użu eċċessiv tal-alkoħol huma wkoll assoċjati b'mod qawwi ma' diversi tipi ta' vjolenza.

Kwistjoni oħra li għandha titqies hija dik li d-disponibbiltà tal-armi taffettwa lin-nisa u lill-irġiel b'mod differenti. Id-disponibbiltà mifruxa ta' armi tikkontribwixxi għall-għadd ta' theddid bl-użu tal-armi ta' dan it-tip, kif ukoll għar-rata ta' fatalità għall-vjolenza mis-sieħeb intimu (IPV) fid-djar ta' nisa msawwta. Skont id-Dipartiment tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet tad-Diżarm, persentaġġ sproporzjonat ta' sidien u utenti ta' armi żgħar huma rġiel, kemm f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt kif ukoll f'sitwazzjonijiet mhux ta' kunflitt. Il-biċċa l-kbira tal-inċidenti li jinvolvu raġel kontra mara jiżvelaw l-użu ta' armi tan-nar bħala intimidazzjoni jew arma fatali. Meta ntużat arma tan-nar, vittmi ta' IPV kellhom inqas probabbiltà ta' ġrieħi viżibbli. Fl-istess ħin, dawn x'aktarx l-aktar li kienu mbeżża'. L-armi tan-nar jintużaw l-aktar biex jheddu is-sieħeb (69.1 %), u meta jużaw din it-tip ta' arma, hemm inqas probabbiltà li t-trasgressuri jagħtu daqqa' ta' ponn jew sieq lill-vittma, pereżempju.

L-użu ta' kwalunkwe tip ta' arma hija assoċjata ma' firxa wiesgħa ta' mġiba vjolenti b'eżiti għall-vittmi li jmorru lil hinn minn ġrieħi fiżiċi. Theddid u intimidazzjoni jiġġeneraw effetti u trawmi psikoloġiċi u ħafna mill-vittmi jevitaw milli jirrappurtaw din il-vjolenza lill-awtoritajiet minħabba li jibżgħu mir-ritaljazzjoni. Professjonisti, bħall-fornituri ta' kura tas-saħħa, ħaddiema soċjali u uffiċjali tas-sigurtà pubblika jeħtieġu taħriġ biex ikunu jistgħu jirrispondu għal sitwazzjonijiet li jinvolvu l-użu vjolenti ta' SALW.

L-involviment tal-komunità u l-ħolqien ta' netwerk ta' appoġġ komunitarju jistgħu jassistu aħjar lill-vittmi ta' delitti marbuta mal-armi tan-nar u jgħinu biex jipprevjenu mġiba vjolenti speċjalment dik li tista' twassal għal omiċidji intenzjonali. Komunità attiva tikkontribwixxi biex tinbena l-fiduċja, it-trasparenza, il-komunikazzjoni u l-impenn fl-isforzi tagħha.

Mill-2009, id-Dipartiment tas-Sigurtà Pubblika (DSP) tas-Segretarjat Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OSA) (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “id-DSP tal-OSA”) appoġġa l-isforzi tal-Istati Membri tal-OSA biex jikkontrollaw il-fluss ta' SALW u munizzjon illegali u jamministraw il-ħażniet istituzzjonali permezz tal-Programm ta' Assistenza għall-Kontroll ta' Armi u Munizzjon (PACAM). Il-PACAM implimenta proġetti f'kooperazzjoni mal-biċċa l-kbira tal-34 Stat Membru attiv tal-OSA, taħt id-dispożizzjonijiet ta' CIFTA. Dawn l-attivitajiet irriżultaw fl-immarkar ta' aktar minn 290 000 arma tan-nar u l-qerda ta' 60 000 arma oħra u aktar minn 1 700 tunnellata ta' munizzjon fir-reġjun kollu.

Għalkemm inkisbu riżultati sinifikanti fl-immarkar ta' SALW, is-sigurtà fiżika u l-ġestjoni tal-ħażniet, jippersistu assimetriji sinifikanti fil-kapaċitajiet nazzjonali, b'mod partikolari fost il-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali u l-Karibew. L-implimentazzjoni sistematika ta' protokolli relatati mal-ġestjoni tal-ħażniet tibqa' mhux kompluta fi kważi l-pajjiżi kollha tar-reġjun, u d-domanda għal assistenza teknika, pariri u kooperazzjoni żdiedet minħabba l-eżekuzzjoni b'suċċess ta' attivitajiet preċedenti tal-PACAM u l-fiduċja akbar li żviluppat fost l-awtoritajiet nazzjonali fir-rwol tal-OSA f'dan il-qasam.

Matul l-eżekuzzjoni ta' proġetti preċedenti tal-PACAM, kif ukoll waqt laqgħat reċenti ta' CIFTA, diversi Stati Membri tal-OSA talbu assistenza teknika fl-oqsma li fihom huwa maħsub li jiffoka l-proġett propost. Pajjiżi li jitolbu appoġġ għat-titjib tas-sigurtà fiżika u l-kapaċitajiet ta' ġestjoni tal-ħażniet jinkludu l-Belize, il-Gwatemala, El Salvador, il-Honduras, il-Costa Rica, il-Ġamajka, ir-Repubblika Dominicana, u Dominica. Il-Belize, il-Gwatemala, El Salvador, il-Honduras, il-Costa Rica u l-Panama talbu l-appoġġ għall-qerda ta' SALW u munizzjon eċċessivi, obsoleti jew konfiskati. Sadanittant, id-domanda ta' taħriġ u assistenza fil-qasam tal-immarkar u t-traċċar ta' SALW kienet għolja, bil-Gwatemala, El Salvador, il-Honduras, il-Costa Rica, il-Panama, il-Bahamas, il-Barbados, il-Ġamajka, ir-Repubblika Dominicana, Trinidad u Tobago, il-Guyana, is-Suriname, l-Urugwaj u l-Paragwaj jitolbu l-għajnuna.

Dan il-proġett ser jinkludi wkoll komponent ta' prevenzjoni li jikkonsisti f'interventi kollaborattivi transsettorjali u ffokati fuq il-komunità bl-għan li jnaqqsu l-fatturi ta' riskju relatati mal-vjolenza bil-professjonisti msemmija preċedentement u l-komunità bħala l-benefiċjarji diretti u l-awturi tar-reati u l-vittmi tagħhom bħala miri indiretti.

Il-komponent ta' prevenzjoni ser jitwettaq f'komunità waħda magħżula tat-tliet pajjiżi magħżula. L-interventi jistgħu jeħtieġu li jiġu adattati sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta' popolazzjonijiet speċifiċi, metodi ta' involviment tal-komunità, u l-istabbiliment distint ta' sfidi u opportunitajiet għat-twettiq ta' inizjattivi kollaborattivi ta' prevenzjoni tal-vjolenza bl-armi tan-nar f'komunitajiet b'diversità. Filwaqt li l-pajjiżi ta' enfasi għal dawn l-isforzi ma ġewx identifikati b'mod speċifiku, il-Gwatemala, El Salvador, il-Honduras u l-Ġamajka huma kandidati potenzjali għal appoġġ għal proġetti minħabba l-livelli għoljin ħafna ta' kriminalità vjolenti u l-użu ta' armi tan-nar assoċjati tagħhom.

1.2.   Objettivi

Permezz ta' dan il-proġett ta' tliet snin, id-DSP għandu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċità tal-gvernijiet tal-Istati Membri tal-OSA li jikkontrollaw u jnaqqsu l-proliferazzjoni u t-traffikar illeċiti ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħar (SALW) u l-munizzjoni konvenzjonali fir-reġjun, u biex tissaħħaħ il-kapaċità ta' komunitajiet magħżula li jipprevjenu l-vjolenza bl-armi. L-assistenza teknika u l-kooperazzjoni ma' Stati Membri li jappoġġaw l-għan ġenerali tal-proġett ser ikunu bbażati fuq l-objettivi li ġejjin biex:

Jissaħħu s-sigurtà fiżika u s-sistemi ta' ġestjoni għall-ħażniet militari nazzjonali u dawk istituzzjonali oħra permezz ta' miżuri ta' sigurtà tas-siti u kontroll tal-inventarju mtejba;

Jissaħħu l-kapaċitajiet nazzjonali għall-qerda ta' SALW u munizzjon maqbuda, eċċessivi jew mhux sikuri;

Tissaħħaħ il-kapaċità nazzjonali tal-immarkar u t-traċċar ta' SALW u tiġi mħeġġa l-kooperazzjoni reġjonali dwar it-traċċar ta' armi u munizzjon ikkonfiskati;

Jittejbu l-mekkaniżmi tat-trasferiment ta' SALW permezz tal-leġislazzjoni nazzjonali, il-kontrolli fil-fruntieri, u l-koordinazzjoni reġjonali; u

Tiġi promossa mġiba soċjalment responsabbli f'komunitajiet magħżula, immirata lejn gruppi li huma serjament milquta mill-vjolenza armata, inkluż l-użu ta' kampanji ta' għoti lura jew strateġiji oħra mfassla biex inaqqsu l-inċidenza lokali ta' delitti vjolenti.

2.   Għażla tal-aġenzija ta' implimentazzjoni u koordinazzjoni ma' inizjattivi ta' finanzjament rilevanti oħra

2.1.   Aġenzija ta' Implimentazzjoni – l-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OSA)

L-OSA għandha rwol kruċjali fil-qafas reġjonali għall-prevenzjoni tal-proliferazzjoni illeċita ta' armi ħfief, ta' kalibru żgħir, munizzjon u splussivi fl-Amerka Latina u l-Karibew. Fl-1997, ir-reġjun sar l-ewwel fid-dinja li adotta strument reġjonali għall-kontroll ta' dawn l-armi bl-iffirmar ta' CIFTA. Billi tipprovdi s-Segretarjat Tekniku għas-CIFTA, l-OSA għandha pożizzjoni unika fil-koordinazzjoni tal-isforzi madwar l-Emisferu tal-Punent li jippruvaw jiġġieldu t-tixrid bla kontroll ta' armi ħfief, ta' kalibru żgħir u munizzjon illeċiti bħala pass meħtieġ biex tissaħħaħ is-sigurtà taċ-ċittadini u titnaqqas il-vjolenza bl-armi. F'dan ir-rwol, id-DSP tal-OSA implimenta proġetti u programmi biex jappoġġa lill-Istati Membri tal-OSA fl-issodisfar tal-obbligi tagħhom li jiżguraw is-sigurtà ta' ħażniet tal-armi tan-nar nazzjonali, li jimplimentaw miżuri leġislattivi li jistabbilixxu l-manifattura illeċita u t-traffikar tal-armi tan-nar bħala reati kriminali taħt il-liġi domestika, li jeħtieġu l-immarkar tal-armi tan-nar, u li jiskambjaw informazzjoni ma' firmatarji oħrajn tas-CIFTA fir-rigward tal-informazzjoni dwar it-traċċar u x-xejriet ta' traffikar illeċitu. Mill-2007, il-proġetti tal-OSA sostnuti minn donaturi internazzjonali pprovdew taħriġ, assistenza teknika u tagħmir lil 29 pajjiż tar-reġjun, li rriżultaw fl-immarkar ta' kważi 300 000 arma tan-nar, il-qerda ta' 65 000 arma tan-nar eċċessiva jew konfiskata oħra, u l-eliminazzjoni ta' aktar minn 1 700 tunnellata ta' munizzjon eċċessivi, skaduti jew mhux sikuri. L-ebda organizzazzjoni reġjonali jew subreġjonali oħra li tkopri l-Amerki kollha ma għandha l-influwenza politika, l-għarfien espert tekniku jew il-firxa ġeografika biex tkun tista' tappoġġa u tassisti l-35 Stat Amerikan.

(Kuba tibqa' l-uniku Stat Membru inattiv tal-OSA, u l-istatus futur tagħha huwa soġġett għal proċess ta' djalogu li jista' jinbeda fuq talba tal-Gvern ta' Kuba, u skont il-prattiki, l-għanijiet, u l-prinċipji tal-OSA).

Barra minn hekk, id-DSP tal-OSA ġie fdat mill-Stati Membri tal-OSA ir-responsabbiltà biex jabbozza Pjan ta' Azzjoni Emisferiku għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-omiċidji. Wieħed mill-objettivi tal-pjan hu li titnaqqas id-disponibbiltà tal-armi u l-aċċess għalihom. Tnejn mill-istrumenti tad-DSP biex jiġi implimentat il-pjan huma l-Programm Inter-Amerikan u n-Netwerk għall-Prevenzjoni tal-Vjolenza u l-Kriminalità. Il-komponent ta' prevenzjoni ta' dan il-proġett ser ikun implimentat skont il-linji gwida tal-Programm u tan-Netwerk, tmexxija għaż-żgħażagħ, il-konsiderazzjoni tat-tliet livelli ta' prevenzjoni, ibbażati fuq l-evidenza xjentifika, il-koordinazzjoni intersettorjali, il-parteċipazzjoni soċjali permezz tar-responsabbilizzazzjoni tal-komunità, l-inkoraġġiment tal-kooperazzjoni internazzjonali, il-promozzjoni ta' kultura ta' paċi, u l-perspettivi tad-drittijiet tal-bniedem u s-sessi.

2.2.   Koordinazzjoni ma' Inizjattivi ta' Finanzjament Rilevanti Oħrajn

Bħala prattika ġenerali, id-DSP tal-OSA jikkoordina l-attivitajiet tiegħu ma' aġenziji u organizzazzjonijiet oħra li jirċievu fondi kemm mill-istess gvernijiet u korpi internazzjonali donaturi kif ukoll dawk differenti. F'każ ta' organizzazzjonijiet li jirċievu appoġġ mill-Unjoni għal ħidma relatata mal-attivitajiet proposti taħt dan il-proġett, il-Programm Globali dwar l-Armi tan-Nar tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi u l-Kriminalità (UNODC) huwa direttament rilevanti għall-proġett. Il-punt fokali għal din il-koordinazzjoni ser ikun kemm l-uffiċċju reġjonali tal-UNODC fil-Messiku kif ukoll l-uffiċċji tal-pajjiżi li fihom ser jitwettqu l-attivitajiet speċifiċi tal-proġett. Meta titqies il-ħidma li għaddejja tal-UNODC f'dan il-qasam, l-attivitajiet tal-proġett ser ikunu allinjati mal-pilastri tal-Programm Globali dwar l-Armi tan-Nar.

Fir-rigward tal-iżvilupp leġislattiv u ta' politika, id-DSP tal-OSA ser ikompli jaħdem f'dan il-qasam permezz tal-laqgħat annwali tal-Kumitat Konsultattiv tas-CIFTA u permezz ta' gruppi ta' ħidma speċjali li żviluppaw u li jkomplu jirfinaw il-mudell ta' leġislazzjoni għall-Istati Partijiet. L-objettiv 4 ta' din il-proposta huwa li jittejbu l-mekkaniżmi ta' trasferiment ta' SALW permezz tal-leġislazzjoni nazzjonali, il-kontrolli fil-fruntieri, u l-koordinazzjoni reġjonali, b'enfasi fuq il-mekkaniżmi legali. L-attivitajiet ser jinkludu sessjoni ta' ħidma reġjonali biex jiġu żviluppati mekkaniżmi għal trasferimenti transkonfinali legali u t-traċċar tagħhom, l-iżvilupp ta' netwerk ta' koordinazzjoni virtwali għall-kondiviżjoni ta' informazzjoni dwar trasferimenti legali u traffikar illeċitu, u assistenza legali lil stati speċifiċi. L-għodod leġislattivi diġà żviluppati mill-UNODC ser ikunu importanti biex jiggwidaw il-ħidma tal-proġett tal-OSA f'dan il-qasam, il-pariri u l-esperjenzi tal-UNODC ser jiġu segwiti matul il-proċess ta' żvilupp ta' dawn l-oqfsa reġjonali, inkluż l-istediniet lir-rappreżentanti tal-UNODC biex jieħdu sehem f'sessjonijiet ta' ħidma u biex jikkummentaw matul il-ħidma fuq netwerk ta' koordinazzjoni virtwali.

Fuq il-miżuri preventivi u ta' sigurtà, id-DSP tal-OSA ser jikkuntattja lil UNODC biex jorganizzaw skambju ta' fehmiet fejn jaqsmu l-esperjenzi tagħhom fir-rigward ta' proġetti u esperjenzi ta' mmarkar u traċċar ta' armi tan-nar. Peress li dan kien qasam ta' enfasi fi proġetti preċedenti tal-OSA, skambju ta' esperjenzi fil-bidu tal-proġett, fil-kuntest tal-laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv tas-CIFTA jista' jiġi ffaċilitat permezz tal-attendenza tal-persunal tal-UNODC f'dawn il-laqgħat.

Il-ġbir u l-analiżi tad-data, pilastru ieħor tal-Programm Globali dwar l-Armi tan-Nar, ser joffru opportunità importanti għall-OSA biex tikkondividi l-informazzjoni miġbura matul l-attivitajiet tal-proġett mal-UNODC. F'dan ir-rigward, id-DSP tal-OSA biħsiebu jikkuntattja l-uffiċċju prinċipali tal-UNODC fi Vjenna, kif ukoll l-uffiċċju ta' kollegament tiegħu f'New York u l-uffiċċju reġjonali tiegħu fil-Messiku, biex jikkoordinaw modi biex aħna nkunu nistgħu naqsmu l-informazzjoni mill-attivitajiet tal-proġett li ser jgħinu fl-analiżi tagħhom tat-tendenzi u x-xejriet globali tat-traffikar.

3.   Deskrizzjoni tal-proġett

3.1.   Deskrizzjoni

L-għan ġenerali ta' dan il-proġett hu li tissaħħaħ il-kapaċità tal-gvernijiet tal-Istati Membri tal-OSA li jikkontrollaw u jnaqqsu l-proliferazzjoni u t-traffikar illeċiti ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir (SALW) u munizzjon konvenzjonali madwar l-Amerka Latina u l-Karibew u li jtaffu l-impatt ta' SALW fuq popolazzjonijiet u komunitajiet vulnerabbli fir-reġjun. Filwaqt li jibnu fuq attivitajiet preċedenti mwettqa mid-DSP tal-OSA permezz tal-Programm tiegħu ta' Assistenza għall-Kontroll ta' Armi u Munizzjon (PACAM), l-attivitajiet tal-proġett ser jiffokaw fuq kundizzjonijiet ta' sigurtà aħjar għall-ħażniet istituzzjonali ta' armi ħfief, ta' kalibru żgħir u munizzjon permezz ta' sigurtà fiżika u miżuri ta' ġestjoni tal-ħażniet, il-prevenzjoni ta' traffikar illeċitu ta' armi u munizzjon bejn il-fruntieri internazzjonali fi ħdan ir-reġjun, u l-identifikazzjoni u t-traċċar ta' armi ħfief, ta' kalibru żgħir u munizzjon li jinqabdu mill-awtoritajiet tal-gvern biex jiġu ddeterminati s-sorsi tagħhom. Waqt l-eżekuzzjoni tal-proġett, l-OSA ser tħarreġ aġenziji nazzjonali responsabbli għas-sigurtà fiżika u l-ġestjoni tal-ħażniet u tipprovdi tagħmir u software għall-kontroll tal-inventarju nazzjonali.

L-isforzi ta' ġestjoni tal-ħażniet ser jinkludu wkoll assistenza lill-gvernijiet biex jeqirdu SALW u munizzjon konfiskati, eċċessivi u mhux sikuri. L-OSA ser issaħħaħ proġett preċedenti li pprovda tagħmir u taħriġ fl-immarkar u t-traċċar ta' SALW billi tassisti lill-Istati Membri li ma rċevewx appoġġ f'dan il-qasam, kif ukoll lil dawk l-Istati Membri li kienu assistiti u sussegwentement talbu taħriġ addizzjonali u appoġġ ta' manutenzjoni għat-tagħmir ta' mmarkar. Billi tuża r-rwol ta' koordinazzjoni tagħha bħala s-segretarjat tas-CIFTA, l-OSA ser tipprovdi pariri u assistenza teknika lill-Istati Membri fl-abbozzar ta' leġislazzjoni li tippromwovi miżuri li jimpedixxu, jikkumbattu, u jeqirdu l-iffabbrikar illeċitu u t-traffikar ta' SALW u munizzjon, skont id-dispożizzjonijiet tas-CIFTA. Barra minn hekk, programm pilota ta' prevenzjoni ser jimmira għal komunitajiet magħżula f'żewġ jew tliet pajjiżi li huma l-aktar serjament affettwati mill-vjolenza bl-armi relatata mal-proliferazzjoni ta' SALW. Il-perijodu ta' żmien maħsub għall-eżekuzzjoni tal-proġetti huwa ta' 36 xhur.

3.2.   Metodoloġija

3.2.1.   Struttura tal-organizzazzjoni

Dan il-proġett ser jiġi implimentat mid-DSP tal-OSA, f'koordinazzjoni mal-Istati Membri tal-OSA appoġġati. It-tim ta' ġestjoni tad-DSP tal-OSA għall-proġett ser ikun magħmul minn ħames membri tal-persunal ibbażati fil-kwartieri ġenerali tal-OSA f'Washington, DC, filwaqt li l-eżekuzzjoni tal-proġett ser titwettaq minn tim ta' appoġġ tekniku bbażat reġjonalment u persunal ikkuntrattat lokalment fl-Istati Membri, abbażi ta' attivitajiet speċifiċi li għandhom jitwettqu.

It-tim ibbażat reġjonalment tal-Programm ta' Assistenza għall-Kontroll ta' Armi u Munizzjon (PACAM) ser jikkonsisti minn kap/koordinatur tat-tim, espert tal-ġestjoni tal-informazzjoni u l-bażijiet ta' data, speċjalista tal-appoġġ loġistiku/amministrattiv, u tliet tekniċi b'esperjenza fis-sikurezza, l-identifikazzjoni, l-immarkar u l-qerda tal-armi tan-nar - kif ukoll ċertifikazzjoni tat-tielet livell fit-tneħħija ta' mezzi esplożivi (EOD - explosive ordnance disposal), skont il-Ftehim ta' Sessjoni ta' Ħidma taċ-Ċentru Ewropew tan-Normalizzazzjoni għall-Istandards ta' Kompetenza tal-EOD. Għal taħriġ u kompiti speċjalizzati ħafna, l-OSA tista' tikkuntratta wkoll appoġġ għal żmien qasir minn organizzazzjonijiet tekniċi sħab oħra, inkluż il-Golden West Humanitarian Foundation, li għandha esperjenza estensiva fl-iżvilupp ta' teknoloġiji innovattivi u adatti biex jingħelbu l-isfidi operattivi fil-qasam tal-munizzjon, splussivi, mini u SALW.

Inizjalment, it-tim ta' ġestjoni tal-programm tad-DSP tal-OSA ser jikkoordina direttament mal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri li jkunu preċedentement talbu appoġġ dwar kwistjonijiet ta' SALW u munizzjon. F'diversi każijiet, l-OSA għandha ftehimiet ta' kooperazzjoni eżistenti biex tassisti lill-Istati Membri fl-oqsma tas-sigurtà fiżika u l-ġestjoni tal-ħażniet u l-immarkar u t-traċċar ta' SALW li ser jiffurmaw il-bażi għal assistenza teknika. It-tim ta' assistenza teknika tal-PACAM ser ikun jista' jissodisfa t-talbiet għall-assistenza fit-taħriġ u l-manutenzjoni rigward tagħmir ta' mmarkar ta' SALW immedjatament wara l-bidu tal-proġett.

3.2.2.   Approċċ tekniku

Talbiet għal assistenza fis-sigurtà fiżika, il-ġestjoni ta' ħażniet u l-qerda ta' SALW jew munizzjon ser jeħtieġu valutazzjoni inizjali li għandha titwettaq minn membru tat-tim ta' ġestjoni tal-programm tad-DSP tal-OSA b'appoġġ mit-tim tekniku tal-PACAM. Abbażi ta' dawn il-valutazzjoni, it-tim ta' ġestjoni ser jipproponi pjanijiet ta' azzjoni għall-pajjiżi lill-awtoritajiet nazzjonali, li ser jitwettqu bl-appoġġ tat-tim tekniku tal-PACAM skont l-aktar prijoritajiet urġenti u l-fondi disponibbli. L-attivitajiet ta' qerda ta' munizzjon ser iqisu l-età, il-kundizzjoni u l-obsolexxenza tal-materjal, filwaqt li tingħata prijorità lill-eliminazzjoni ta' materjal li joħloq l-ikbar theddida għas-sikurezza u s-sigurtà pubblika permezz ta' splużjonijiet jew devjazzjoni mhux ippjanati. Armi ħfief u ta' kalibru żgħir ser jiġu allokati għall-qerda bl-użu ta' kriterji analitiċi li jinkludu l-funzjonalità, il-letalità, u r-riskju ta' devjazzjoni. Il-qerda ta' armi maqbuda jew ikkonfiskati ser tkun limitata għal dawk li ġew rilaxxati minn awtoritajiet ġudizzjarji u m'għadhomx meħtieġa li jiġu ppreżentati bħala evidenza fil-proċedimenti tal-qorti. Kull pjan ta' azzjoni għal pajjiż li jiġi żviluppat ser jikkunsidra l-linji gwida li ġejjin:

Linji Gwida Tekniċi Internazzjonali dwar il-Munizzjon;

Standards tal-OSA dwar l-Armi tan-Nar: Immarkar u Żamma ta' Rekords; u

Manwal tad-Dipartiment tal-Affarijiet ta' Diżarm tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Qerda: Armi Ħfief, ta' Kalibru Żgħir, Munizzjon u Splussivi

Sabiex tissaħħaħ il-koordinazzjoni reġjonali dwar leġislazzjoni nazzjonali relatata mas-SALW, mekkaniżmi ta' trasferiment u kontrolli fuq il-fruntieri, l-OSA ser torganizza sessjonijiet ta' ħidma reġjonali flimkien ma' laqgħat annwali tal-Kumitat Konsultattiv tas-CIFTA. L-appoġġ għal dawn is-sessjonijiet ta' ħidma ser iservi wkoll biex tiżdied il-parteċipazzjoni fil-laqgħat tas-CIFTA mill-awtoritajiet nazzjonali xierqa u jkunu pprovduti fora għall-identifikazzjoni ta' problemi komuni u soluzzjonijiet. It-tim ta' ġestjoni tad-DSP tal-OSA ser jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-aġendi tal-laqgħat tas-CIFTA, u ser jikkoordina u jesegwixxi s-sessjonijiet ta' ħidma. Is-sessjonijiet ta' ħidma ser jiffukaw fuq suġġetti speċifiċi fil-qasam tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni reġjonali sabiex jiġu identifikati l-ħtiġijiet ta' taħriġ u assistenza teknika li l-pajjiżi u s-subreġjuni ġirien għandhom in komuni. Fokus partikolari tas-sessjonijiet ta' ħidma reġjonali ser ikun l-iżvilupp ta' sistema ta' notifika reġjonali għat-trasferimenti legali tal-armi li hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet tas-CIFTA u li tikkunsidra wkoll linji gwida għat-trasparenza li jinsabu fit-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (ATT), li xi Stati Membri tal-OSA u firmatarji tas-CIFTA ffirmaw u rratifikaw.

Korsijiet ta' taħriġ sussegwenti ser jiġu kkoordinati mit-tim ta' ġestjoni tad-DSP tal-OSA u ppreżentati mit-tim tekniku tal-PACAM bil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fuq livelli subreġjonali u nazzjonali sabiex tittejjeb il-komunikazzjoni fost l-awtoritajiet nazzjonali b'responsabbiltajiet simili f'żoni ġeografiċi partikolari. Kors wieħed ser ikun dirett lejn it-taħriġ tal-awtoritajiet doganali u tal-portijiet rigward ir-reġistrazzjoni ta' inventarji ta' armi u munizzjon maqbuda biex jiġu promossi t-traċċar u l-istabbiliment tax-xejriet tat-traffikar bħala mezz biex jitnaqqas il-kuntrabandu tal-armi u jkun promoss it-titjib tar-rappurtar tal-konfiski. It-tim tal-PACAM ser jipprovdi software u tagħmir tal-kompjuter biex jappoġġa dawn l-attivitajiet wara li l-persunal nazzjonali ikun ġie mħarreġ. Flimkien ma' dan it-taħriġ, it-tim tal-PACAM ser jippreżenta l-informazzjoni, kif ukoll gwidi stampati għad-distribuzzjoni, li jkopru l-identifikazzjoni, il-klassifikazzjoni u s-sikurezza ta' SALW u munizzjon sabiex jiġu evitati l-aċċidenti.

Il-komponent ta' prevenzjoni tal-proġett ser jiffoka fuq komunità waħda f'kull wieħed mit-tliet pajjiżi magħżula. Id-DSP tal-OSA ser jikkoordina l-valutazzjonijiet tal-komunità, l-ewwel billi jibda bis-Sistema Dijanjostika Strateġika (Sistema de Diagnóstico Estratégico) - metodoloġija SIDIEs, li ser tivvaluta r-riskji attwali ta' vjolenza bl-armi tan-nar fil-livell tal-komunità, inkluż il-gruppi l-aktar fir-riskju, u anke l-punti b'saħħithom u d-dgħufijiet tal-komunità magħżula biex tipproteġi lilha nnifisha. Is-servizzi pprovduti mill-Istat u s-soċjetà ċivili biex jgħinu u jipproteġu lill-vittmi ta' vjolenza bl-armi ser jiġu identifikati u ser tiġi pprovduta lista ta' rakkomandazzjonijiet ta' politika lill-awtoritajiet lokali. Il-valutazzjoni ser tkun sensittiva għall-ġeneru, u ser tinkludi wkoll approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem.

It-tieni pass ser ikun li jinbnew il-kapaċitajiet ta' fornituri lokali tal-kura tas-saħħa, ħaddiema soċjali, uffiċjali tal-ġustizzja u tas-sigurtà pubblika, sabiex ikunu jistgħu jgħinu u jipproteġu aħjar il-vittmi tal-kriminalità u l-vjolenza u jaħdmu għall-prevenzjoni tar-reċidività fost it-trasgressuri. Din l-attività ser tenfasizza l-ħidma mal-vittmi u l-atturi tar-reati ta' vjolenza bejn partners. Ser jingħata appoġġ psikoloġiku u psikosoċjali bil-ħolqien jew it-tisħiħ tal-gruppi ta' għajnuna reċiproka, u ser titqies l-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol tal-vittmi. Il-vittmi u l-familji tagħhom ser jiġu mħeġġa jagħmlu rapporti ta' ġrajjiet u theddid vjolenti filwaqt li l-uffiċjali tal-ġustizzja u s-sigurtà pubblika ser jiġu mħarrġa jirrispondu aħjar għal dan it-tip ta' vjolenza. Fornituri tal-kura tas-saħħa u professjonisti tas-settur tal-ġustizzja ser jiġu mħeġġa jintegraw l-assistenza psikoloġika lit-trasgressuri, bħala strateġija ta' prevenzjoni tar-riskji u sabiex tiġi evitata r-reċidività.

L-attivitajiet ser jinvolvu wkoll il-komunità biex jiġu indirizzati d-dgħufijiet tagħha, jiġu identifikati u msaħħa n-netwerks ta' protezzjoni eżistenti, u biex jaħdmu flimkien ma' netwerks uffiċjali eżistenti ta' prevenzjoni. Dawn l-attivitajiet ser jinkludu korsijiet ta' taħriġ dwar tekniki għal riżoluzzjoni mhux vjolenti tal-kunflitti għall-mexxejja tal-komunità, kampanji ta' tnaqqis tar-riskji tas-SALW jekk meħtieġ. Xi wħud mill-interventi jistgħu jkunu mmirati lejn gruppi identifikati bħala l-aktar vulnerabbli fil-bidu tal-proċess, bħal żgħażagħ f'riskju (eż. Terapija Multisistemika), jew nisa (intraprenditorija). L-attivitajiet kollha ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet ser jiġu evalwati bl-aktar strumenti xierqa bħal kwestjonarji jew gruppi fokus. Barra minn hekk, ser jitfasslu strumenti speċifiċi biex jiġu evalwati l-interventi magħżula ladarba l-interventi jkunu ġew magħżula.

3.2.3.   Perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi

Billi l-kunflitt armat jaffettwa lin-nisa, l-irġiel, il-bniet u s-subien b'modi differenti, dan il-proġett ser iqis li n-nisa u l-bniet fl-Amerka Latina u l-Karibew iħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess u huma vulnerabbli għal vjolenza sesswali. Sabiex tiġi promossa u appoġġata l-parteċipazzjoni attiva u valida tan-nisa fil-mekkaniżmi kollha ta' prevenzjoni tal-vjolenza u ta' riżoluzzjoni tal-kunflitti, ser tiġi inkorporata perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-attivitajiet kollha. Waħda mill-miżuri primarji ser tkun l-inkorporazzjoni tan-nisa fil-livelli kollha tal-implimentazzjoni tal-proġetti mis-Segretarjat Ġenerali tal-OSA, għall-objettivi tekniċi, ta' riżoluzzjoni tal-kunflitti u ta' prevenzjoni tal-vjolenza. Dan jibda bil-parteċipazzjoni tagħhom fil-livell tas-Segretarju tal-OSA għas-Sigurtà Multidimensjonali u d-Direttur tad-DSP tal-OSA, għall-persunal tekniku nazzjonali u tal-PACAM involut fis-sigurtà fiżika, il-ġestjoni tal-ħażniet u l-operazzjonijiet ta' kontroll u qerda tas-SALW, kif ukoll persunal lokali biex jippromwovi l-prevenzjoni tal-vjolenza. L-attivitajiet ta' prevenzjoni tal-vjolenza ser jiffukaw l-attenzjoni tagħhom fuq il-bżonn partikolari tan-nisa u l-bniet ta' sigurtà u sikurezza fi ħdan il-komunitajiet tagħhom u għall-parteċipazzjoni tagħhom fit-tiftix ta' soluzzjonijiet għal dawn l-isfidi. L-organizzazzjonijiet reġjonali u lokali mmexxija min-nisa ser jiġu mfittxa bħala sħab għal attivitajiet speċifiċi, abbażi tal-kompatibbiltà tal-objettivi soċjali tal-organizzazzjoni tagħhom ma' dawk tal-proġett u l-esperjenzi tal-passat tagħhom f'oqsma tekniċi tal-proġett.

3.2.4.   Koordinazzjoni esterna

Apparti l-koordinazzjoni u l-kollaborazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali fir-reġjun kollu, l-OSA ser tikkoordina u tikkollabora wkoll ma' istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet oħrajn matul it-twettiq tal-proġett. L-entitajiet, elenkati hawn taħt, jistgħu jkunu f'pożizzjoni li jipprovdu appoġġ rigward kwistjonijiet speċifiċi u jgħinu biex jippromwovu l-inizjattiva fir-reġjun:

Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC), inkluż l-uffiċċji reġjonali u nazzjonali, fejn applikabbli: Programm Globali dwar l-Armi tan-Nar, b'mod partikolari kontrolli ta' transitu u senserija;

Programm tal-Amerka Ċentrali għall-Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir (CASAC) tas-Sistema ta' Integrazzjoni tal-Amerka Ċentrali (SICA): Il-promozzjoni ta' inizjattivi reġjonali għall-Amerka Ċentrali permezz tal-parteċipazzjoni f'sessjonijiet ta' ħidma reġjonali u segwitu fuq proġetti preċedenti ta' SALW iffinanzjati mis-SEAE;

Aġenzija ta' Implimentazzjoni għall-Kriminalità u s-Sigurtà tal-CARICOM (IMPACS): Koordinazzjoni man-Netwerk Reġjonali Integrat ta' Informazzjoni Ballistika (RIBIN);

INTERPOL: Assistenza teknika f'taħriġ dwar SALW (iARMS);

Il-Bureau tal-Istati Uniti dwar Alkoħol, Tabakk, Armi tan-Nar u Splussivi (ATF): Għarfien espert tekniku fit-traċċar ta' SALW (e-Trace);

Pulizija tal-Kavallerija Rjali tal-Kanada (RCMP): Kooperazzjoni teknika għall-iżvilupp ta' taħriġ dwar l-identifikazzjoni u l-klassifikazzjoni ta' SALW;

Conflict Armament Research: Koordinazzjoni u assistenza teknika għat-traċċar tas-SALW permezz tal-inizjattiva I-Trace;

Organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ddedikati għall-prevenzjoni tal-kriminalità u l-vjolenza, inkluż in-Netwerk tal-Amerka Ċentrali għall-Bini tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Bniedem (REDCEPAZ - Red Centroamericana para la Construcción de la Paz y Seguridad Humana), Istitut ta' Tagħlim għall-Iżvilupp Sostenibbli (IEPADES - Instituto de Enseñanza para el Desarrollo Sostenible - il-Gwatemala), Interpeace (l-Amerka Ċentrali), Violence Prevention Alliance (il-Ġamajka), u n-North Coast Empowerment Group (Trinidad u Tobago).

3.3.   Objettivi u Attivitajiet tal-Proġett

Objettiv 1: It-tisħiħ tas-sigurtà fiżika u s-sistemi ta' ġestjoni (PSSM) għall-ħażniet militari nazzjonali u dawk istituzzjonali oħra permezz ta' miżuri ta' sigurtà tas-siti u kontroll tal-inventarju mtejba.

Attivitajiet ta' appoġġ:

Attività 1.1: Il-valutazzjoni tas-sitwazzjoni PSSM ta' istituzzjonijiet nazzjonali f'mill-inqas disa' Stati Membri tal-OSA.

Attività 1.2: L-iżvilupp ta' software ta' kontroll ta' inventarji ta' SALW u munizzjon, u s-software u t-taħriġ isiru disponibbli għall-Istati Membri ewlenin kollha tal-OSA permezz tas-CIFTA.

Attività 1.3: L-għoti ta' taħriġ lill-awtoritajiet nazzjonali ewlenin dwar l-aħjar prattiki ta' PSSM, inkluż kontroll tal-inventarju u identifikazzjoni u klassifikazzjoni ta' SALW waqt sessjonijiet ta' ħidma flimkien ma' avvenimenti tas-CIFTA.

Riżultati mistennija:

It-tlestija ta' disa' valutazzjonijiet fil-livell nazzjonali tal-kapaċitajiet u l-ħtiġijiet ta' sigurtà fiżika u ġestjoni tal-ħażniet.

Software ta' kontroll tal-inventarji żviluppat u distribwit lil tal-inqas disa' Stati Membri tal-OSA.

Żewġ sessjonijiet ta' ħidma dwar l-aħjar prattiki ta' PSSM imwettqa b'total ta' 60 membru tal-persunal nazzjonali minn 15-il Stat Membru tal-OSA imħarrġa.

Objettiv 2: It-tisħiħ tal-kapaċitajiet nazzjonali għall-qerda ta' SALW u munizzjon maqbuda, eċċessivi jew mhux sikuri.

Attivitajiet ta' appoġġ:

Attività 2.1: L-għoti ta' taħriġ u assistenza teknika għall-qerda ta' SALW u munizzjon konfiskati, eċċessivi u mhux mixtieqa lil tal-inqas tmien Stati Membri tal-OSA kif ukoll monitoraġġ f'dan ir-rigward.

Attività 2.2: Koordinazzjoni mal-Gvern ta' Spanja biex ikun provdut taħriġ avvanzat għat-tneħħija ta' mezzi esplożivi lil 60 tekniku mill-Istati Membri tal-OSA fl-Akkademja tal-Inġinerija tal-Armata Spanjola f'Madrid.

Riżultati mistennija:

Mill-inqas 200 membru tal-persunal nazzjonali minn tmien Stati Membri tal-OSA imħarrġa fil-qerda bla periklu ta' SALW, munizzjon u splussivi

Il-qerda ta' 300 tunnellata ta' munizzjon u 30 000 SALW.

Mill-inqas 60 tekniku mħarrġa fit-tneħħija ta' mezzi esplożivi sat-Tielet livell tal-istandards tas-Sessjoni ta' Ħidma tas-CEN.

Objettiv 3: It-tisħiħ tal-kapaċità nazzjonali tal-immarkar u t-traċċar ta' SALW u tiġi mħeġġa l-kooperazzjoni reġjonali dwar it-traċċar ta' armi u munizzjon ikkonfiskati.

Attivitajiet ta' appoġġ:

Attività 3.1: It-twettiq ta' mill-inqas żjara waħda ta' assistenza ta' manutenzjoni u taħriġ għal 18-il Stat Membru tal-OSA li qabel kienu rċevew tagħmir u taħriġ ta' mmarkar ta' SALW permezz tal-OSA.

Attività 3.2: L-għoti ta' għadd limitat ta' tagħmir addizzjonali tal-immarkar ta' SALW lill-Istati Membri tal-OSA li jitolbu magni u tagħmir tal-kompjuter biex isaħħu l-kapaċitajiet tal-immarkar u taż-żamma tar-rekords tagħhom.

Attività 3.3: L-introduzzjoni ta' tagħmir tal-immarkar ta' SALW u l-għoti ta' taħriġ lil tliet Stati Membri tal-OSA li ma kinux irċevew assistenza preċedentement.

Attività 3.4: Il-konsolidazzjoni tad-data minn SALW issekwestrati mill-awtoritajiet nazzjonali u meqruda waqt Attività 2.1 sabiex ikun jista' jiġi ttraċċat is-sors u l-pajjiżi ta' transitu u jiġu analizzati xejriet ta' traffikar illeċitu.

Riżultati mistennija:

It-taħriġ ta' mitejn tekniku nazzjonali minn 18-il Stat Membru tal-OSA fl-użu ta' tagħmir tal-immarkar ta' SALW u taż-żamma tar-rekords.

It-tiswija ta' magni għall-immarkar bil-ħsara jew l-għoti ta' magni ġodda lill-Istati Membri tal-OSA biex jiżguraw li kull wieħed mill-25 stat li kienu pparteċipaw fil-proġett oriġinali tal-OSA tal-immarkar tas-SALW ikollhom mill-inqas magna waħda li taħdem.

L-għoti ta' mill-inqas magna waħda tal-immarkar tas-SALW u software u tagħmir taż-żamma tar-rekords tas-SALW lil tliet Stati Membri tal-OSA li ma pparteċipawx fil-proġett oriġinali tal-OSA tal-immarkar tas-SALW.

Data ta' identifikazzjoni ta' SALW għal madwar 30 000 SALW maqbuda mill-inventarji tal-Istati Membri tal-OSA tiġi pprovduta lil Conflict Armament Research għall-użu u l-analiżi mill-inizjattiva I-trace, kif ukoll lill-aġenziji internazzjonali tal-infurzar tal-liġi għat-traċċar ta' armi tan-nar individwali permezz tal-iARMS tal-INTERPOL u s-sistemi tal-e-Trace tal-Bureau tal-Istati Uniti dwar Alkoħol, Tabakk u Armi tan-Nar.

Objettiv 4: It-titjib tal-mekkaniżmi tat-trasferiment ta' SALW permezz tal-leġislazzjoni nazzjonali, il-kontrolli fil-fruntieri, u l-koordinazzjoni reġjonali.

Attivitajiet ta' appoġġ:

Attività 4.1: It-twettiq ta' sessjoni ta' ħidma reġjonali fil-kuntest tas-CIFTA biex jiġi żviluppat mekkaniżmu għall-komunikazzjoni reġjonali u transkonfinali u komunikazzjoni biex jiġu nnotifikati l-pajjiżi ġirien dwar u biex tiffaċilita t-traċċar tat-trasferimenti ta' armi legali.

Attività 4.2: L-istabbiliment ta' netwerk ta' koordinazzjoni virtwali għall-kondiviżjoni ta' informazzjoni rigward attivitajiet illeċiti ta' traffikar u fabbrikar tal-armi.

Attività 4.3: L-għoti ta' assistenza legali rigward il-leġislazzjoni nazzjonali dwar il-kontroll tas-SALW lill-Istati Membri tal-OSA li jitolbu appoġġ.

Riżultati mistennija:

Format standardizzat għar-rappurtar ta' traċċar tat-trasferimenti ta' armi legali fil-kontinent Amerikan ikkoordinat u approvat mill-Istati Partijiet tas-CIFTA.

Pjattaforma virtwali għal notifika ta' qabel it-trasferiment ta' trasferimenti ta' armi (fuq il-mudell tas-sistema online PEN għal sustanzi kimiċi prekursuri) żviluppata u operazzjonali.

Ħames Stati Membri tal-OSA mogħtija assistenza legali għall-iżvilupp ta' SALW, munizzjon, u/jew kontroll ta' splussivi.

Objettiv 5: Il-promozzjoni ta' mġiba soċjalment responsabbli f'komunitajiet magħżula, immirata lejn gruppi li huma milquta b'mod sever mill-vjolenza bl-armi, u bl-użu ta' interventi kollaborattivi transsettorjali mfassla biex jitnaqqas ir-riskju u r-reċidività delitti vjolenti f'komunità waħda magħżula f'kull wieħed mit-tliet pajjiżi parteċipanti.

Attivitajiet ta' appoġġ:

Attività 5.1: Il-koordinazzjoni u t-twettiq ta' valutazzjonijiet dijanjostiċi ta' xejriet tal-vjolenza bl-armi u kwistjonijiet f'komunitajiet magħżula fi tliet Stati Membri tal-OSA (wieħed għal kull pajjiż) biex jidentifikaw popolazzjonijiet li jbatu minn indiċi għoli ta' kriminalità bl-użu ta' SALW fejn l-isforzi tal-prevenzjoni x'aktarx inaqqsu l-livelli ta' vjolenza, u s-servizzi Statali u tas-soċjetà ċivili eżistenti disponibbli biex jassistu lill-vittmi tal-kriminalità u l-vjolenza.

Attività 5.2: L-għoti ta' korsijiet ta' taħriġ lil fornituri tal-kura tas-saħħa, ħaddiema soċjali, uffiċjali tal-ġustizzja u tas-sigurtà pubblika biex itejbu l-kapaċitajiet tagħhom li jgħinu lill-vittmi ta' vjolenza bejn partners u forom oħra ta' vjolenza bl-armi u l-għoti ta' korsijiet ta' taħriġ rigward tekniki ta' soluzzjoni mhux vjolenti tal-kunflitti lill-mexxejja tal-komunità, b'mod partikolari, u lill-mexxejja rġiel għall-prevenzjoni tar-reċidività fost it-trasgressuri.

Attività 5.3: It-twettiq ta' sessjonijiet ta' ħidma dwar it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-komunità dwar il-prevenzjoni tal-vjolenza, maħsuba biex iżidu l-fatturi protettivi fost il-popolazzjonijiet identifikati bħala l-aktar vulnerabbli għall-vjolenza u l-vjolenza marbuta mal-armi tan-nar fit-tliet komunitajiet magħżula.

Attività 5.4: L-evalwazzjoni tal-effikaċja tal-interventi ta' prevenzjoni tal-proġett.

Riżultati mistennija:

Tliet valutazzjonijiet lokali mwettqa [Valutazzjoni li tinkludi xejriet lokali ta' vjolenza bl-armi, il-popolazzjonijiet vulnerabbli eżistenti, l-għadd ta' vjolenza bejn is-sħab bl-użu ta' armi tan-nar bħala mekkaniżmu ta' vjolenza u kriminalità, servizzi lokali ta' assistenza u protezzjoni li jingħataw lill-vittmi ta' vjolenza u vjolenza bl-armi u lista ta' rakkomandazzjonijiet għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fi ħdan tliet komunitajiet magħżula].

Tliet netwerks komunitarji msaħħa sabiex jipprovdu fatturi biex jiġi kkonfrontat ir-riskju ta' vjolenza bl-armi tan-nar.

Tliet mitt fornitur tal-kura u uffiċjali tal-istat u tas-soċjetà ċivili mħarrġa biex itejbu l-kapaċitajiet tal-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tal-vjolenza bl-armi.

L-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta' interventi magħżula mmirati lejn il-gruppi li huma l-iktar vulnerabbli għall-vjolenza bl-armi tan-nar f'komunità waħda ta' kull wieħed mit-tliet pajjiżi benefiċjarji magħżula.

4.   Benefiċjarji

Il-benefiċjarji diretti tal-objettivi 1 sa 4 huma l-istituzzjonijiet nazzjonali u l-awtoritajiet responsabbli għall-kontroll ta' SALW, munizzjon u splussivi fl-Amerka Latina u l-Karibew. Fir-rigward tas-sigurtà fiżika u l-ġestjoni tal-ħażniet u l-qerda ta' SALW, munizzjon u splussivi, il-ministeri għad-difiża u għas-sigurtà pubblika tal-gvernijiet tal-Belize, il-Gwatemala, El Salvador, il-Honduras, il-Costa Rica, il-Ġamajka, ir-Repubblika Dominicana, u l-Panama ser jibbenefikaw mill-iżvilupp tal-kapaċità. Flimkien ma' dawn l-istati, il-ministeri fil-Bahamas, il-Barbados, Trinidad u Tobago, il-Guyana, is-Suriname, l-Urugwaj u l-Paragwaj ser jibbenefikaw direttament milt-tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-immarkar u t-traċċar ta' SALW. L-awtoritajiet ta' kontroll ta' SALW fir-reġjun kollu ser jibbenefikaw minn taħriġ u kondiviżjoni ta' informazzjoni u kooperazzjoni reġjonali u inizjattivi ta' koordinazzjoni. L-awtoritajiet lokali fi tlieta mill-pajjiżi l-aktar milquta b'mod serju minn kriminalità vjolenti u forom oħra ta' vjolenza bl-armi ser jibbenefikaw minn taħriġ fil-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tal-vjolenza. Il-benefiċjarji aħħarija tal-attivitajiet mwettqa fir-rigward tal-ħames objettivi kollha ser ikunu ċ-ċittadini tal-Amerka Ċentrali, il-Karibew, u nazzjonijiet tal-Amerka t'Isfel magħżula li huma affettwati minn livelli għoljin ta' kriminalità u vjolenza bl-armi.

5.   Viżibbiltà tal-Unjoni Ewropea

Id-DSP tal-OSA ser jiżgura li l-attivitajiet kollha tal-proġett jirrikonoxxu l-Unjoni għall-appoġġ finanzjarju tagħha tal-proġett permezz ta' diversi mezzi. Stqarrijiet għall-istampa, media soċjali u intervisti mal-media tal-aħbarijiet għal avvenimenti b'viżibilità għolja ser jenfasizzaw l-appoġġ tal-UE. Kull tagħmir, materjal stampat jew software tal-kompjuter mogħti b'donazzjoni lill-pajjiżi benefiċjarji ser ikun mmarkat bħala li huwa ffinanzjat mill-Unjoni. Il-persunal tal-proġett ser juri l-logo u/jew il-bandiera tal-UE fuq il-kpiepel, coveralls jew uniformijiet tax-xogħol kollha bħala metodu ċar ta' mmarkar. L-appoġġ tal-Unjoni ser jiġi ppubblikat u ser ikun viżibbli sew fuq is-siti web u pubblikazzjonijiet tal-OSA relatati mal-proġett u l-programmi li huma appoġġati.

6.   Tul ta' żmien

Il-perijodu ta' żmien maħsub għall-eżekuzzjoni tal-proġetti huwa ta' 36 xahar.

7.   Struttura ġenerali

L-implimentazzjoni teknika tal-proġett ser titwettaq mid-DSP tal-OSA permezz ta' żewġ programmi eżistenti: il-Programm ta' Assistenza għall-Kontroll ta' Armi u Munizzjon (PACAM) u l-Programm u n-Netwerk Inter-Amerikani għall-Prevenzjoni tal-Vjolenza u l-Kriminalità. Ir-rwol tad-Dipartiment fl-implimentazzjoni tas-CIFTA u l-appoġġ għalih permezz tal-Pjan ta' Azzjoni tiegħu għall-2018-2022 ser ikun ħolqa ewlenija fl-appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet nazzjonali.

8.   Sħab

Id-DSP tal-OSA ser jimplimenta l-proġett fi sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali għall-kontroll ta' SALW, munizzjon u splussivi u mal-awtoritajiet responsabbli għas-sigurtà pubblika fil-pajjiżi appoġġati. Il-fokus primarju ta' dawn l-isforzi ser ikun l-Amerka Ċentrali u s-sottoreġjuni tal-Karibew, fejn indiċijiet tal-vjolenza bl-armi jibqa' għoli iżda fejn ir-riżorsi finanzjarji nazzjonali u l-kapaċitajiet huma l-aktar limitati.

9.   Rappurtar

Rapporti narrattivi ta' progress u l-istatus finanzjarju ser jiġu ppreżentati fuq bażi trimestrali sabiex jippermettu monitoraġġ u evalwazzjoni adegwati u f'waqthom.