17.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 320/38


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1995

tat-13 ta' Diċembru 2018

li tapprova l-pjan għall-eradikazzjoni tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-ħnieżer selvaġġi f'ċerti żoni tar-Rumanija

(notifikata bid-dokument C(2018) 8448)

(It-test bir-Rumen biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE tas-27 ta' Ġunju 2002 li tistabbilixxi miżuri għall-kontroll tad-deni Afrikan tal-qżieqeż u temenda d-Direttiva 92/119/KEE għar-rigward tal-marda Teschen u d-deni Afrikan tal-qżieqeż (1), u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(1) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2002/60/KE tistabbilixxi l-miżuri minimi tal-Unjoni li għandhom jittieħdu għall-kontroll tad-deni Afrikan tal-ħnieżer, fosthom dawk li għandhom jiġu applikati jekk jiġi kkonfermat każ tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-ħnieżer selvaġġi.

(2)

Barra minn hekk, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/709/UE (2) tistabbilixxi miżuri ta' kontroll tas-saħħa tal-annimali marbutin mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fl-Istati Membri jew f'żoni tagħhom elenkati fl-Anness tal-istess Deċiżjoni (“l-Istati Membri kkonċernati”), u fl-Istati Membri kollha rigward movimenti ta' ħnieżer selvaġġi u l-obbligi ta' informazzjoni. L-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/709/UE jiddemarka u jelenka ċerti żoni tal-Istati Membri kkonċernati, differenzjati skont il-livell tar-riskju abbażi tas-sitwazzjoni epidemjoloġika fir-rigward ta' dik il-marda, inkluż lista ta' żoni ta' riskju għoli. Dak l-Anness ġie emendat diversi drabi sabiex jitqiesu l-bidliet fis-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Unjoni fir-rigward tad-deni Afrikan tal-ħnieżer li jeħtieġ li tkun riflessa f'dak l-Anness.

(3)

Fl-2018 ir-Rumanija nnotifikat lill-Kummissjoni l-każijiet tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-ħnieżer selvaġġi u ħadet il-miżuri għall-kontroll tal-mard meħtieġa mid-Direttiva 2002/60/KE.

(4)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali u f'konformità mal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/60/KE, ir-Rumanija ppreżentat lill-Kummissjoni pjan għall-eradikazzjoni tad-deni Afrikan tal-ħnieżer (il-pjan ta' eradikazzjoni).

(5)

Reċentement, l-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/709/UE ġie emendat bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/950 (3) sabiex iqis, inter alia, il-każijiet reċenti tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-ħnieżer selvaġġi fir-Rumanija u l-Partijiet I u III ta' dak l-Anness issa jinkludu ż-żoni infettati fir-Rumanija.

(6)

Il-pjan ta' eradikazzjoni ġie eżaminat mill-Kummissjoni u ġie konkluż li dan jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/60/KE. Għalhekk jenħtieġ li dan jiġi approvat kif xieraq.

(7)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pjan imressaq mir-Rumanija fil-21 ta' Settembru 2018 f'konformità mal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2002/60/KE, dwar l-eradikazzjoni tad-deni Afrikan tal-ħnieżer mill-popolazzjoni tal-ħnieżer selvaġġi fiż-żoni msemmija fl-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/709/UE huwa approvat.

Artikolu 2

Ir-Rumanija għandha ddaħħal fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-pjan ta' eradikazzjoni fi żmien perijodu ta' 30 jum mid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 192, 20.7.2002, p. 27.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/709/UE tad-9 ta' Ottubru 2014 dwar miżuri ta' kontroll tas-saħħa tal-annimali marbutin mad-deni Afrikan tal-ħnieżer f'ċerti Stati Membri u li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/178/UE (ĠU L 295, 11.10.2014, p. 63).

(3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/950 tat-3 ta' Lulju 2018 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/709/UE dwar miżuri ta' kontroll tas-saħħa tal-annimali marbutin mad-deni Afrikan tal-ħnieżer f'ċertu Stati Membri (ĠU L 167, 4.7.2018, p. 11).