11.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 314/47


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/1940

tal-10 ta' Diċembru 2018

li temenda d-Deċiżjoni 2010/788/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-20 ta' Diċembru 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/788/PESK (1) dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK).

(2)

Fit-12 ta' Diċembru 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/2231 (2) b'reazzjoni għat-tfixkil tal-proċess elettorali u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem marbut miegħu fir-RDK. Dik id-Deċiżjoni emendat id-Deċiżjoni 2010/788/PESK billi, fost l-oħrajn, introduċiet miżuri restrittivi awtonomi skont l-Artikolu 3(2) tagħha.

(3)

Abbażi ta' rieżami tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2010/788/PESK, jenħtieġ li l-miżuri restrittivi jiġġeddu sat-12 ta' Diċembru 2019.

(4)

Fil-konklużjonijiet tiegħu ta' Diċembru 2017, il-Kunsill appella lill-atturi Kongoliżi kollha, u l-aktar lill-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet Kongoliżi, biex jaqdu rwol kostruttiv fil-proċess elettorali. B'kont meħud tal-elezzjonijiet li ġejjin, il-Kunsill itenni l-importanza li jsiru elezzjonijiet kredibbli u inklużivi li jirrispettaw l-aspirazzjoni tal-poplu Kongoliż li jeleġġi r-rappreżentanti tiegħu. Il-Kunsill ser ikompli jirrevedi l-miżuri restrittivi fid-dawl tal-elezzjonijiet fir-RDK u jinsab lest biex jaġġustahom kif meħtieġ.

(5)

Id-dikjarazzjonijiet tar-raġunijiet relatati ma' tmien persuni elenkati fl-Anness II jenħtieġ li jiġu emendati. Barra minn hekk, l-informazzjoni dwar il-persuni kollha elenkati f'dak l-Anness jeħtieġ li tiġi aġġornata.

(6)

Għaldaqstant, jeħtieġ li d-Deċiżjoni 2010/788/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-paragrafu (2) tal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2010/788/PESK huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 3(2) għandhom japplikaw sat-12 ta' Diċembru 2019. Għandhom jiġġeddu, jew jiġu emendati kif xieraq, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħhom ma jkunux intlaħqu.”.

Artikolu 2

Il-lista fl-Anness II għad-Deċiżjoni 2010/788/PESK hija sostitwita bil-lista li tinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/788/PESK tal-20 ta' Diċembru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2008/369/PESK (ĠU L 336, 21.12.2010, p. 30).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/2231 tat-12 ta' Diċembru 2016 li temenda d-Deċiżjoni 2010/788/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo (ĠU L 336 I, 12.12.2016, p. 7).


ANNESS

“ANNESS II

LISTA TA' PERSUNI U ENTITAJIET IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 3(2)

A.   Persuni

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet għal deżinjazzjoni

Data ta' elenkar

1.

Ilunga Kampete

magħruf ukoll bħala Gaston Hughes Ilunga Kampete; magħruf ukoll bħala Hugues Raston Ilunga Kampete.

Data tat-twelid: 24.11.1964.

Post tat-twelid: Lubumbashi (RDK).

Numru tal-karta tal-identità militari: 1-64-86-22311-29.

Nazzjonalità: RDK.

Indirizz: 69, avenue Nyangwile, Kinsuka Mimosas, Kinshasa/Ngaliema, RDK.

Bħala Kmandant tal-Gwardja Repubblikana (GR), Ilunga Kampete kien responsabbli għall-unitajiet tal-GR skjerati fuq l-art u involuti fl-użu sproporzjonat ta' forza u repressjoni vjolenti, f'Settembru 2016 f'Kinshasa. F'din il-kapaċità, Ilunga Kampete kien għalhekk involut fl-ippjanar, id-direzzjoni, jew it-twettiq ta' atti li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK.

12.12.2016

2.

Gabriel Amisi Kumba

magħruf ukoll bħala Gabriel Amisi Nkumba; ‘Tango Fort’; ‘Tango Four’.

Data tat-twelid: 28.5.1964.

Post tat-twelid: Malela (RDK).

Numru tal-karta tal-identità militari: 1-64-87-77512-30.

Nazzjonalità: RDK.

Indirizz: 22, avenue Mbenseke, Ma Campagne, Kinshasa/Ngaliema, RDK.

Eks Kmandant tal-ewwel żona tad-difiża tal-Armata Kongoliża (FARDC) li l-forzi tagħha ħadu sehem fl-użu sproporzjonat ta' forza u repressjoni vjolenti f'Settembru 2016 f'Kinshasa. F'din il-kapaċità, Gabriel Amisi Kumba kien għalhekk involut fl-ippjanar, id-direzzjoni, jew it-twettiq ta' atti li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK.

F'Lulju 2018, Gabriel Amisi Kumba nħatar Viċi Kap tal-Persunal tal-Forzi Armati Kongoliżi (FARDC), b'responsabbiltà għal operazzjonijiet u intelligence.

12.12.2016

3.

Ferdinand Ilunga Luyoyo

Data tat-twelid: 8.3.1973.

Post tat-twelid: Lubumbashi (RDK).

Nru tal-passport: OB0260335

(validu mill-15.4.2011 sal-14.4.2016).

Nazzjonalità: RDK.

Indirizz: 2, avenue des Orangers, Kinshasa/Gombe, RDK.

Bħala Kmandant tal-unità għal kontra l-irvellijiet il-Légion Nationale d'Intervention tal-Pulizija Nazzjonali Kongoliża (PNC), Ferdinand Ilunga Luyoyo kien responsabbli għall-użu sproporzjonat ta' forza u repressjoni vjolenti f'Settembru 2016 f'Kinshasa. F'din il-kapaċità, Ferdinand Ilunga Luyoyo kien għalhekk involut fl-ippjanar, id-direzzjoni, jew it-twettiq ta' atti li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK.

F'Lulju 2017, Ferdinand Ilunga Luyoyo nħatar Kmandant tal-unità tal-PNC responsabbli għall-protezzjoni tal-istituzzjonijiet u ta' uffiċjali ta' livell għoli.

12.12.2016

4.

Celestin Kanyama

magħruf ukoll bħala Kanyama Tshisiku Celestin; Kanyama Celestin Cishiku Antoine; Kanyama Cishiku Bilolo Célestin;

Esprit de mort.

Data tat-twelid: 4.10.1960.

Post tat-twelid: Kananga (RDK).

Nazzjonalità: RDK.

Nru tal-passport: OB0637580

(validu mill-20.5.2014 sad-19.5.2019).

Ingħata viża ta' Schengen bin-numru 011518403, maħruġa fit-2.7.2016.

Indirizz: 56, avenue Usika, Kinshasa/Gombe, RDK.

Bħala Kummissarju tal-Pulizija Nazzjonali Kongoliża (PNC), Celestin Kanyama kien responsabbli għall-użu sproporzjonat ta' forza u repressjoni vjolenti f'Settembru 2016 f'Kinshasa. F'din il-kapaċità, Celestin Kanyama kien għalhekk involut fl-ippjanar, id-direzzjoni, jew it-twettiq ta' atti li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK.

F'Lulju 2017, Celestin Kanyama nħatar Direttur Ġenerali tal-iskejjel ta' taħriġ tal-Pulizija Nazzjonali.

12.12.2016

5.

John Numbi

magħruf ukoll bħala John Numbi Banza Tambo; John Numbi Banza Ntambo; Tambo Numbi.

Data tat-twelid: 16.8.1962.

Post tat-twelid: Jadotville-Likasi-Kolwezi (RDK).

Nazzjonalità: RDK.

Indirizz: 5, avenue Oranger, Kinshasa/Gombe, RDK.

Eks Spettur Ġenerali tal-Pulizija Nazzjonali Kongoliża (PNC), John Numbi kien involut fil-kampanja ta' intimidazzjoni vjolenti mwettqa fil-kuntest tal-elezzjonijiet tal-gvernaturi ta' Marzu 2016 fl-erba' provinċji tal-ex-Katangan u, bħala tali, huwa responsabbli għall-impediment ta' soluzzjoni kunsenswali u paċifika bil-ħsieb li jsiru elezzjonijiet fir-RDK. F'Lulju 2018, John Numbi nħatar Spettur Ġeneral tal-Forzi Armati Kongoliżi (FARDC).

12.12.2016

6.

Roger Kibelisa

magħruf ukoll bħala Roger Kibelisa Ngambaswi.

Data tat-twelid: 9.9.1959.

Post tat-twelid: Fayala (RDK).

Nazzjonalità: RDK.

Indirizz: 24, avenue Photopao, Kinshasa/Mont Ngafula, RDK.

Bħala Direttur għall-Intern fis-Servizz tal-Intelligence Nazzjonali (ANR) Roger Kibelisa kien hu involut fil-kampanja ta' intimidazzjoni mwettqa minn uffiċjali tal-ANR lejn membri tal-oppożizzjoni, inkluż arresti arbitrarji u detenzjoni. Roger Kibelisa għalhekk dgħajjef l-istat tad-dritt u impedixxa soluzzjoni kunsenswali u paċifika lejn elezzjonijiet fir-RDK.

12.12.2016

7.

Delphin Kaimbi

magħruf ukoll bħala Delphin Kahimbi Kasagwe; Delphin Kayimbi Demba Kasangwe; Delphin Kahimbi Kasangwe; Delphin Kahimbi Demba Kasangwe; Delphin Kasagwe Kahimbi.

Data tat-twelid: 15.1.1969 (alternattivament: 15.7.1969).

Post tat-twelid: Kiniezire/Goma (RDK).

Nazzjonalità: RDK.

Nru tal-Passaport Diplomatiku: DB0006669 (validu mit-13.11.2013 sat-12.11.2018).

Indirizz: 1, 14eme rue, Quartier Industriel, Linete, Kinshasa, RDK.

Eks Kap tal-Korp tal-Intelligence Militari (eks-DEMIAP), parti miċ-Ċentru Nazzjonali tal-Operazzjonijiet, l-istruttura ta' kmand u ta' kontroll responsabbli għall-arresti arbitrarji u r-repressjoni vjolenta f'Kinshasa f'Settembru 2016, u responsabbli għall-forzi li pparteċipaw fl-intimidazzjoni u l-arresti arbitrarji u r-repressjoni vjolenta u għall-impediment ta' soluzzjoni kunsenswali u paċifika bil-ħsieb li jsiru elezzjonijiet fir-RDK. F'Lulju 2018, Delphin Kaimbi nħatar assistent Kap tal-Persunal fi ħdan il-Persunal Ġenerali tal-FARDC, b'responsabilità għall-intelligence.

12.12.2016

8.

Evariste Boshab, eks-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Intern u s-Sigurtà

magħruf ukoll bħala Evariste Boshab Mabub Ma Bileng.

Data tat-twelid: 12.1.1956.

Post tat-twelid: Tete Kalamba (RDK).

Nazzjonalità: RDK.

Numru tal-passaport diplomatiku: DP0000003 (validu: 21.12.2015 — skadenza: 20.12.2020).

il-Viża ta' Schengen skadiet fil-5.1.2017.

Indirizz: 3, avenue du Rail, Kinshasa/Gombe, RDK.

Fil-kapaċità tiegħu ta' Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Intern u s-Sigusrtà minn Diċembru 2014 sa Diċembru 2016, Evariste Boshab kien uffiċjalment responsabbli mill-pulizija u s-servizzi ta' sigurtà u l-koordinazzjoni tal-ħidma tal-gvernaturi provinċjali. F'din il-kapaċità, huwa kien responsabbli għall-arrest ta' attivisti u ta' membri tal-oppożizzjoni, kif ukoll għall-użu sproporzjonat tal-forza, inkluż bejn Settembru 2016 u Diċembru 2016 b'reazzjoni għad-dimostrazzjonijiet f'Kinshasa, li wassal biex għadd kbir ta' ċivili nqatlu jew indarbu mis-servizzi ta' sigurtà. Evariste Boshab kien għalhekk involut fl-ippjanar, id-direzzjoni, jew it-twettiq ta' atti li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK.

29.5.2017

9.

Alex Kande Mupompa, eks Gvernatur ta' Kasai Central

magħruf ukoll bħala Alexandre Kande Mupomba; Kande-Mupompa.

Data tat-twelid: 23.9.1950.

Post tat-twelid: Kananga (RDK).

Nazzjonalità: Kongoliża u Belġjana.

Numru tal-passaport tar-RDK: OP0024910 (validu: 21.3.2016 — skadenza: 20.3.2021).

Indirizzi: Messidorlaan 217/25, 1180 Uccle, Belġju

Indirizz: 1, avenue Bumba, Kinshasa/Ngaliema, RDK.

Bħala Gvernatur ta' Kasai Central sa Ottubru 2017, Alex Kande Mupompa kien responsabbli għall-użu sproporzjonat tal-forza, repressjoni vjolenti u qtil extraġudizzjarju mwettqa mill-forzi tas-sigurtà u l-PNC f'Kasai Central minn Awwissu 2016, inkluż qtil fit-territorju ta' Dibaya fi Frar 2017.

Alex Kande Mupompa kien għalhekk involut fl-ippjanar, id-direzzjoni, jew it-twettiq ta' atti li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK.

29.5.2017

10.

Jean-Claude Kazembe Musonda, eks-Gvernatur ta' Haut-Katanga

Data tat-twelid: 17.5.1963.

Post tat-twelid: Kashobwe (DRK).

Nazzjonalità: RDK.

Indirizz: 7891, avenue Lubembe, Quartier Lido, Lubumbashi, Haut-Katanga, RDK.

Bħala Gvernatur ta' Haut Katanga sa April 2017, Jean-Claude Kazembe Musonda kien responsabbli għall-użu sproporzjonat tal-forza u r-repressjoni vjolenti mwettqa mill-forzi tas-sigurtà u l-PNC f'Haut Katanga, inkluż bejn il-15 u l-31 ta' Diċembru 2016 meta, b'reazzjoni għall-protesti f'Lubumbashi, 12-il persuna ċivili nqatlu u 64 indarbu b'riżultat tal-użu ta' forza letali mill-forzi tas-sigurtà inkluż aġenti tal-PNC.

Jean-Claude Kazembe Musonda kien għalhekk involut fl-ippjanar, id-direzzjoni, jew it-twettiq ta' atti li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK.

29.5.2017

11.

Lambert Mende, Ministru għall-Komunikazzjoni u l-Mezzi tax-Xandir, u kelliem tal-Gvern

magħruf ukoll bħala Lambert Mende Omalanga.

Data tat-twelid: 11.2.1953.

Post tat-twelid: Okolo (RDK).

Numru tal-passaport diplomatiku: DB0001939 (maħruġ: 4.5.2017 — jiskadi: 3.5.2022).

Nazzjonalità: RDK.

Indirizz: 20, avenue Kalongo, Kinshasa/Ngaliema, RDK.

Bħala Ministru għall-Komunikazzjoni u l-Mezzi tax-Xandir mill-2008, Lambert Mende huwa responsabbli għal politika repressiva għall-mezzi tax-xandir li tikser id-dritt tal-libertà ta' espressjoni u ta' informazzjoni u ddgħajjef il-kisba ta' soluzzjoni kunsenswali u paċifika għall-elezzjonijiet fir-RDK. Fit-12 ta' Novembru 2016, huwa adotta digriet li jillimita l-possibbiltà li mezzi tax-xandir barranin ixandru fir-RDK.

Bi ksur tal-ftehim politiku milħuq fil-31 ta' Diċembru 2016 bejn il-maġġoranza presidenzjali u l-partiti tal-oppożizzjoni, sa Ottubru 2018 għadd ta' xandara kienu għandhom ma ssokktawx ixandru.

Fil-kapaċità tiegħu bħala Ministru għall-Komunikazzjoni u l-Mezzi tax-Xandir, Lambert Mende huwa għalhekk responsabbli li fixkel il-kisba ta' soluzzjoni kunsenswali u paċifika għall-elezzjonijiet fir-RDK, inkluż b'atti ta' repressjoni.

29.5.2017

12.

Brigadier Ġeneral Eric Ruhorimbere, Viċi Kmandant tal-21 reġjun militari (Mbuji-Mayi)

magħruf ukoll bħala Eric Ruhorimbere Ruhanga; Tango Two; Tango Deux.

Data tat-twelid: 16.7.1969.

Post tat-twelid: Minembwe (RDK).

Numru tal-karta tal-identità militari: 1-69-09-51400-64.

Nazzjonalità: RDK.

Numru tal-passaport tar-RDK: OB0814241.

Indirizz: Mbujimayi, Provinċja ta' Kasai, RDK.

Bħala Viċi Kmandant tal-21 reġjun militari minn Settembru 2014 sa Lulju 2018, Eric Ruhorimbere kien responsabbli għall-użu sproporzjonat tal-forza u għal każijiet ta' qtil extraġudizzjarju mwettqa mill-FARDC, speċjalment kontra l-milizzja Nsapu u kontra nisa u tfal.

Eric Ruhorimbere kien għalhekk involut fl-ippjanar, id-direzzjoni, jew it-twettiq ta' atti li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK. F'Lulju 2018, Eric Ruhorimbere nħatar Kmandant tas-settur operattiv ta' Nord Equateur.

29.5.2017.

13.

Ramazani Shadari, eks Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Intern u s-Sigurtà

magħruf ukoll bħala Emmanuel Ramazani Shadari Mulanda; Shadary.

Data tat-twelid: 29.11.1960.

Post tat-twelid: Kasongo (RDK).

Nazzjonalità: RDK.

Indirizz: 28, avenue Ntela, Mont Ngafula, Kinshasa, RDK.

Bħala Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Intern u s-Sigurtà sa Frar 2018, Ramazani Shadari kien uffiċjalment responsabbli mill-pulizija u s-servizzi ta' sigurtà u mill-koordinazzjoni tal-ħidma tal-gvernaturi provinċjali. F'din il-kapaċità, kien responsabbli għall-arresti ta' attivisti u membri tal-oppożizzjoni, kif ukoll għall-użu sproporzjonat tal-forza, bħall-miżuri ta' repressjoni vjolenti ta' membri tal-moviment Bundu Dia Kongo (BDK) fil-Kongo Ċentrali, ir-repressjoni f'Kinshasa f'Jannar-Frar 2017 u l-użu sproporzjonat tal-forza u r-repressjoni vjolenti fil-provinċji ta' Kasai.

F'din il-kapaċità, Ramazani Shadari kien għalhekk involut fl-ippjanar, id-direzzjoni, jew it-twettiq ta' atti li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK.

Fi Frar 2018, Ramazani Shadari kien innominat Segretarju Permanenti tal-Parti du peuple pour la reconstruction et le développement (PPRD).

29.5.2017

14.

Kalev Mutondo, Kap (formalment Amministratur Ġenerali) tas-Servizz tal-Intelligence Nazzjonali (ANR)

magħruf ukoll bħala Kalev Katanga Mutondo, Kalev Motono, Kalev Mutundo, Kalev Mutoid, Kalev Mutombo, Kalev Mutond, Kalev Mutondo Katanga, Kalev Mutund.

Data tat-twelid: 3.3.1957.

Nazzjonalità: RDK.

Numru tal-passaport: DB0004470 (maħruġ: 8.6.2012 — jiskadi: 7.6.2017).

Indirizz: 24, avenue Ma Campagne, Kinshasa, RDK.

Bħala l-Kap tas-Servizz tal-Intelligence Nazzjonali (ANR) għal żmien twil, Kalev Mutondo huwa involut fl-arrest arbitrarju, id-detenzjoni u t-trattament ħażin ta' membri tal-oppożizzjoni, attivisti tas-soċjetà ċivili u oħrajn, u responsabbli għal dawn l-atti. Għalhekk huwa dgħajjef l-istat ta' dritt u fixkel milli tintlaħaq soluzzjoni kunsenswali u paċifika għall-elezzjonijiet fir-RDK, kif ukoll kien involut fl-ippjanar jew id-direzzjoni ta' atti li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK.

29.5.2017

B.   Entitajiet

”.