11.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 314/41


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/1939

tal-10 ta' Diċembru 2018

dwar l-appoġġ tal-Unjoni għall-universalizzazzjoni u l-implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin ta' Atti ta' Terroriżmu Nukleari

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-12 ta' Diċembru 2003 l-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva (“l-Istrateġija”), li tiddikjara li n-nonproliferazzjoni, id-diżarm u l-kontroll tal-armi jistgħu jagħtu kontribut essenzjali fil-ġlieda globali kontra t-terroriżmu billi jnaqqsu r-riskju li atturi mhux Statali jiksbu aċċess għal armi ta' qerda massiva, materjali radjuattivi u mezzi ta' kunsinna. Il-Kapitolu III tal-Istrateġija fih lista ta' miżuri li jinħtieġ li jittieħdu kemm fi ħdan l-Unjoni kif ukoll f'pajjiżi terzi biex tiġi miġġielda tali proliferazzjoni.

(2)

L-Unjoni qed timplimenta b'mod attiv l-Istrateġija u qed tagħti effett lill-miżuri elenkati fil-Kapitolu III tagħha, b'mod partikolari bil-ħidma favur l-universalizzazzjoni u, fejn ikun meħtieġ, bit-tisħiħ tat-trattati, ftehimiet u arranġamenti ta' verifika ewlenin dwar id-diżarm u n-nonproliferazzjoni u bir-rilaxx ta' riżorsi finanzjarji biex jiġu appoġġati proġetti speċifiċi mmexxija minn istituzzjonijiet multilaterali bħall-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC) u l-Uffiċċju tan-NU għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu (UNOCT).

(3)

Fl-Aġenda tiegħu għad-Diżarm intitolata “Securing our Common Future”, li tnediet fl-24 ta' Mejju 2018, is-Segretarju Ġenerali tan-NU nnota li r-riskji nukleari attwali kienu inaċċettabbli u li kienu qegħdin jikbru.

(4)

Fit-13 ta' April 2005, l-Assemblea Ġenerali tan-NU adottat il-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin ta' Atti ta' Terroriżmu Nukleari, li nfetħet għall-iffirmar fl-14 ta' Settembru 2005.

(5)

L-implimentazzjoni teknika ta' din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tiġi fdata lill-UNODC u ċ-Ċentru tan-NUkontra t-Terroriżmu (UNCCT) tal- UNOCT.

(6)

Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata f'konformità mal-Ftehim Qafas Finanzjarju u Amministrattiv, konkluż mill-Kummissjoni Ewropea man-NU dwar l-amministrazzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Unjoni għall-programmi jew proġetti amministrati min-NU.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Għall-fini li tiġi żgurata l-implimentazzjoni kontinwa u prattika ta' ċerti elementi tal-Istrateġija, l-Unjoni għandha tippromwovi l-universalizzazzjoni u l-implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin ta' Atti ta' Terroriżmu Nukleari “ICSANT” billi tipprovdi appoġġ għall-attivitajiet tal-UNODC, u b'mod partikolari l-Fergħa tal-Prevenzjoni tat-Terroriżmu (TPB) tiegħu, li, fost l-oħrajn, tappoġġa l-isforzi tal-Istati biex jaderixxu mal-istrumenti legali internazzjonali rilevanti u jsaħħu l-oqfsa legali u tal-ġustizzja kriminali nazzjonali u l-kapaċità istituzzjonali tagħhom biex jiġġieldu kontra t-terroriżmu nukleari, u tal-programm tal-UNCCT ta' prevenzjoni tal-armi ta' qerda massiva (“AQM”)/it-terroriżmu kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari (“CBRN”) u r-Rispons għalihom, li, fost oħrajn, jipprova jappoġġa l-Istati u l-organizzazzjonijiet internazzjonali biex jipprevjenu lil gruppi terroristiċi milli jaċċessaw u jużaw materjali ta' AQM/CBRN u jiżgura li jkunu mħejjija aħjar għal attakk terroristiku li jinvolvi materjali ta' AQM/CBRN u li jkunu jistgħu jirrispondu b'mod effikaċi għalihom.

2.   Il-proġetti ffinanzjati mill-UE għandhom ikollhom l-għan li:

(a)

jiżdied l-għadd ta' Stati-Partijiet għall-ICSANT;

(b)

tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar l-ICSANT fost il-benefiċjarji, bħal dawk responsabbli, fil-livell nazzjonali, għat-tfassil tal-politika u t-teħid tad-deċiżjonijiet, inkluż membri parlamentari, u f'fora internazzjonali;

(c)

tittejeb il-leġislazzjoni nazzjonali billi jkunu inkorporati r-rekwiżiti kollha tal-ICSANT;

(d)

jiġu żviluppati materjali ta' tagħlim elettroniku u materjali oħra ta' taħriġ rilevanti u jiġu inkorporati fil-forniment ta' assistenza legali teknika inkluż, fost l-oħrajn, studji ta' każijiet;

(e)

jiġi żviluppat u jiġi mantnut sit web ta' referenza li jkun fih l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-ICSANT, inkluż prattiki tajbin;

(f)

jissaħħu l-kapaċitajiet tal-uffiċjali tal-ġustizzja kriminali u partijiet interessati nazzjonali rilevanti oħra, fir-rigward tal-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-aġġudikazzjoni ta' każijiet;

(g)

jiġu żviluppati sinerġiji ma' strumenti legali internazzjonali rilevanti oħra, bħall-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjal Nukleari u l-Emenda għaliha, u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU) 1540 (2004);

(h)

tissaħħaħ il-kapaċità tal-Istati biex jidentifikaw u jirrispondu għat-theddida ta' terroristi li jiksbu materjali nukleari jew radjuattivi oħra.

Il-proġetti għandhom jiġu implimentati mill-UNODC/u l-UNCCT f'kollaborazzjoni mill-qrib ma' uffiċċji lokali rilevanti tal-UNODC u istituzzjonijiet u esperti rilevanti oħra, inkluż l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika, l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet ta' Diżarm, il-Grupp ta' Esperti tal-Kumitat tal-KSNU stabbilit skont il-UNSCR 1540 (2004) u ċ-Ċentri ta' Eċċellenza tal-UE għall-Mitigazzjoni ta' Riskju CBRN.

Fl-implimentazzjoni tal-proġetti, għandha tkun żgurata kemm il-viżibbiltà tal-Unjoni kif ukoll il-ġestjoni xierqa tal-programm.

Il-komponenti kollha tal-proġett għandhom ikunu appoġġati minn attivitajiet innovattivi u proattivi ta' komunikazzjoni mal-pubbliku, u r-riżorsi għandhom jiġu allokati kif meħtieġ.

Deskrizzjoni dettaljata ta' dawn il-proġetti tinsab fl-Anness.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (“ir-Rappreżentant Għoli”) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2) għandha titwettaq mill-UNODC u l-UNCCT. Dawn għandhom iwettqu dak il-kompitu taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli. Għal dak il-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-UNODC u l-UNCCT.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta' EUR 4 999 986. Il-baġit stmat totali tal-proġett globali għandu jkun ta' EUR 5 223 907, li għandu jiġi pprovdut permezz ta' kofinanzjament.

2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont ta' referenza finanzjarja stipulat fil-paragrafu 1 għandha tkun amministrata skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni tajba tal-ammont ta' referenza finanzjarja msemmi fil-paragrafu 1. Għal dak il-fini, hija għandha tikkonkludi ftehimiet ta' finanzjament mal-UNODC u l-UNCCT. Il-ftehimiet ta' finanzjament għandhom jistipulaw li l-UNODC u l-UNCCT għandhom jiżguraw il-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, b'mod adatt għad-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehimiet ta' finanzjament imsemmijin fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehimiet ta' finanzjament.

Artikolu 4

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill darbtejn fis-sena dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti regolari mħejjija mill-UNODC u l-UNCCT. Dawk ir-rapporti għandhom jifformaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill.

2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni darbtejn fis-sena dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehimiet ta' finanzjament imsemmijin fl-Artikolu 3(3). Madankollu, hija għandha tiskadi sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha jekk f'dak il-perjodu ma jkun ġie konkluż l-ebda ftehim ta' finanzjament.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


ANNESS

Proġett 1

:

Promozzjoni tal-adeżjoni permezz ta' avveniment ta' livell għoli li għandu jsir f'New York b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Uffiċċju tal-Affarijiet Legali tan-NU

Dettalji tal-proġett: Ser isir avveniment ta' livell għoli fil-marġini tal-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2020 tal-Partijiet għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari jew fil-marġini tal-Avveniment annwali tat-Trattat, organizzat mis-Segretarju Ġenerali tan-NU u li jsir b'mod parallel mad-dibattitu ġenerali tal-Assemblea Ġenerali. L-avveniment ta' livell għoli jista' jsir ukoll waqt kwalunkwe forum speċjali tan-NU dwar trattati speċifiċi li huma maħsuba biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni ta' Stati fil-qafas tat-trattati multilaterali.

Entità ta' implementazzjoni: UNCCT

Proġett 2

:

Promozzjoni tal-adeżjoni permezz ta' sessjonijiet ta' ħidma reġjonali u żjarat fil-pajjiżi

Dettalji tal-proġett: L-organizzazzjoni ta' sitt sessjonijiet ta' ħidma reġjonali, interreġjonali u subreġjonali għal dawk li jfasslu l-politika u jieħdu d-deċiżjonijiet ta' Stati li mhumiex parti għall-ICSANT (1) fi:

L-Afrika

L-Asja Ċentrali u t'Isfel

L-Ewropa

Ix-Xlokk tal-Asja u l-Paċifiku

Materjali rilevanti żviluppati taħt il-proġett (eż. studji ta' każijiet u kwestjonarji ta' awtovalutazzjoni) ser jintużaw fis-sessjonijiet ta' ħidma. Minbarra li jiffukaw fuq l-ICSANT, is-sessjonijiet ta' ħidma ser jindirizzaw sinerġiji mal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjal Nukleari u l-Emenda għaliha, kif ukoll ir-Riżoluzzjoni tal-KSNU 1540 (2004).

Entità ta' implementazzjoni: UNODC

Proġett 3

:

Forniment ta' assistenza leġislattiva rilevanti

Dettalji tal-proġett: Il-forniment ta' assistenza leġislattiva rilevanti lill-Istati rikjedenti permezz ta' eżamijiet dokumentarji jew sessjonijiet ta' ħidma ta' abbozzar leġislattiv (sa għaxar Stati)

Entità ta' implementazzjoni: UNODC

Proġett 4

:

Tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-partijiet interessati rilevanti, inkluż uffiċjali tal-ġustizzja kriminali li jistgħu jkunu involuti fl-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-aġġudikazzjoni ta' każijiet li jinvolvu materjal nukleari u materjal radjuattiv ieħor kopert mill-ICSANT

Dettalji tal-proġett: Ser isiru tliet sessjonijiet ta' ħidma reġjonali għall-prosekuturi ta' Stati magħżula li huma Parti għall-ICSANT fl-Afrika, l-Ewropa u l-Asja.

Entità ta' implementazzjoni: UNODC

Proġett 5

:

Promozzjoni tal-adeżjoni permezz tal-involviment mal-Unjoni Interparlamentari

Dettalji tal-proġett: Ser isiru konsultazzjonijiet mal-Unjoni Interparlamentari bil-ħsieb li jiġu organizzati avvenimenti li jappoġġaw l-adeżjoni rapida għall-ICSANT u appelli konġunti lill-Istati li għad mhumiex parti għall-ICSANT.

Entità ta' implementazzjoni: UNCCT

Proġett 6

:

Studju dwar ir-raġunijiet għalfejn Stati mhux qed jaderixxu għall-ICSANT u l-isfidi ta' dawk l-Istati

Dettalji tal-proġett: Studju dwar ir-raġunijiet għalfejn Stati mhux qed jaderixxu għall-ICSANT u l-isfidi ta' dawk l-Istati. L-UNCCT ser iwettaq studju akkademiku biex jikseb għarfien aktar profond tar-raġunijiet għalfejn Stati mhux qed isiru parti għall-ICSANT u l-isfidi ta' dawk l-Istati, u ser joħroġ rakkomandazzjonijiet dwar kif dawk ir-raġunijiet u l-isfidi jistgħu jiġu indirizzati sabiex tiġi żgurata adeżjoni akbar u ser jindika rekwiżiti u miżuri leġislattivi għal implimentazzjoni effettiva.

Entità ta' implementazzjoni: UNCCT

Proġett 7

:

Żvilupp u manutenzjoni ta' sit web protett b'password, aġġornat regolarment li jittratta r-riżorsi kollha rigward l-ICSANT, inkluż eżempji ta' leġislazzjoni nazzjonali

Dettalji tal-proġett: Is-sit web ser ikun fih ir-riżorsi disponibbli kollha dwar l-ICSANT, inkluż ġabra tal-leġislazzjonijiet nazzjonali eżistenti kollha li jimplimentaw l-ICSANT fl-Istati Partijiet kollha, ġabra ta' prattiki tajbin u leġislazzjoni mudell, artikli akkademiċi, informazzjoni u kalendarju ta' attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni, indirizz elettroniku apposta għal mistoqsijiet, informazzjoni dwar l-assistenza disponibbli, kwestjonarju bi tweġibiet dwar l-ICSANT u l-forniment ta' 12-il webinar ta' siegħa l-wieħed dwar aspetti differenti tal-ICSANT (erbgħa bl-Ingliż, erbgħa bil-Franċiż u erbgħa bl-Ispanjol).

Entità ta' implementazzjoni: UNODC

Proġett 8

:

Żvilupp u forniment ta' manwal ta' taħriġ dwar studji ta' każijiet fittizji rilevanti għall-ICSANT

Dettalji tal-proġett: Ser jiġi żviluppat manwal ta' taħriġ dwar l-ICSANT abbażi ta' studji ta' każijiet fittizji.

Entità ta' implementazzjoni: UNODC

Proġett 9

:

Żvilupp ta' modulu ta' tagħlim elettroniku dwar l-ICSANT

Dettalji tal-proġett: Il-modulu ser jiġi tradott f'mill-inqas erba' lingwi uffiċjali tan-NU u ser ikun ospitat fuq is-sit web Globali ta' tagħlim elettroniku tal-UNODC (https://www.unodc.org/elearning).

Entità ta' implementazzjoni: UNODC

Proġett 10

:

Tisħiħ tal-kapaċitajiet relatati mat-terroriżmu nukleari fil-qasam tas-sigurtà u l-ġestjoni tal-fruntieri

Dettalji tal-proġett: L-UNCCT ser jorganizza avvenimenti ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet fis-sigurtà u l-ġestjoni tal-fruntieri f'sitt reġjuni:

Is-Saħel

L-Asja t'Isfel u x-Xlokk tal-Asja

Il-Qarn tal-Afrika

L-Asja Ċentrali u l-Kawkasu

L-Ewropa tal-Lvant u tax-Xlokk

Il-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq

Entità ta' implementazzjoni: UNCCT

Proġett 11

:

Żvilupp ta' fuljetti u materjal ta' tagħlim

Dettalji tal-proġett: Żvilupp ta' fuljetti promozzjonali dwar l-ICSANT fis-sitt lingwi uffiċjali kollha tan-NU u kwestjonarju ta' awtovalutazzjoni għall-Istati li qed jikkunsidraw l-adeżjoni.

Entità ta' implementazzjoni: UNODC

Eżitu mistenni tal-proġetti msemmijin hawn fuq:

1.

żieda fl-għadd ta' Stati Partijiet għall-ICSANT;

2.

żieda fis-sensibilizzazzjoni dwar l-ICSANT fost il-benefiċjarji, bħal dawk responsabbli fil-livell nazzjonali għat-tfassil tal-politika u t-teħid tad-deċiżjonijiet, inkluż membri parlamentari, u f'fora internazzjonali;

3.

leġislazzjoni nazzjonali mtejba bl-inkorporazzjoni tar-rekwiżiti kollha tal-ICSANT;

4.

materjali ta' tagħlim elettroniku u materjali oħra ta' taħriġ rilevanti żviluppati u inkorporati fil-forniment tal-assistenza legali teknika inkluż, fost l-oħrajn, studji ta' każijiet;

5.

sit web ta' referenza li jkun fih l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-ICSANT żviluppat u mantnut, inkluż prattiki tajbin;

6.

kapaċitajiet imsaħħa tal-uffiċjali tal-ġustizzja kriminali u partijiet interessati nazzjonali rilevanti oħra fir-rigward tal-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-aġġudikazzjoni ta' każijiet;

7.

sinerġiji żviluppati ma' strumenti legali internazzjonali rilevanti oħra bħall-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjal Nukleari u l-Emenda għaliha, u r-Riżoluzzjoni tal-KSNU 1540 (2004);

8.

kapaċità msaħħa tal-Istati biex jidentifikaw u jirrispondu għat-theddida ta' terroristi li jiksbu materjali nukleari jew radjuattivi oħra.


(1)  L-istediniet jistgħu jiġu estiżi għal Stati Partijiet ICSANT fuq bażi ta' każ b'każ jekk il-parteċipazzjoni tagħhom tkun valur miżjud.