|
10.12.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 313/5 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1925
tat-18 ta' Settembru 2018
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni stabbilit permezz tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tal-prijoritajiet strateġiċi UE-Tuneżija għall-perijodu 2018-2020
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 217 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra (1), (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim Ewro-Mediterranju”) ġie ffirmat fis-17 ta' Lulju 1995 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1998. |
|
(2) |
L-Artikolu 80 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju jagħti s-setgħa lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, stabbilit permezz tal-Ftehim Ewro-Mediterranju, li jieħu d-deċiżjonijiet xierqa, għall-finijiet li jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 90 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju, il-Partijiet għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew speċifika neċessarji biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-Ftehim Ewro-Mediterranju u għandhom jaraw li jinkisbu l-għanijiet stabbiliti fil-Ftehim. |
|
(4) |
Il-Komunikazzjoni Konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea tat-18 ta' Novembru 2015 dwar ir-Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat intlaqgħet tajjeb fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2015. Il-Kunsill ikkonferma b'mod partikolari l-intenzjoni tiegħu li jibda fażi ġdida ta' involviment mal-imseħbin tiegħu fl-2016 li tista' twassal biex jiġu stabbiliti prijoritajiet ġodda ta' sħubija, fejn xieraq, iffokati fuq prijoritajiet u interessi miftiehma. |
|
(5) |
Il-Komunikazzjoni Konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea tad-29 ta' Settembru 2016 dwar it-tisħiħ tal-appoġġ tal-UE għat-Tuneżija intlaqgħet tajjeb fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Ottubru 2016. Il-Kunsill itenni l-impenn tiegħu biex jappoġġa t-tranżizzjoni tat-Tuneżija u jenfasizza n-natura eċċezzjonali tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija u l-interess strateġiku tal-UE li tappoġġa l-iżvilupp ta' Tuneżija demokratika, b'saħħitha, u stabbli fil-viċinat tagħha, kif ukoll il-ħtieġa li jiġi appoġġat progress politiku ma' progress ekonomiku ta' portata simili. Għal dan il-għan, huwa jappella għall-mobilizzazzjoni tal-istrumenti kollha disponibbli għall-UE u li jissaħħaħ l-impenn tal-UE u tal-Istati Membri f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet Tuneżini. |
|
(6) |
L-Unjoni u r-Repubblika tat-Tuneżija jenħtieġ li jaħdmu flimkien sabiex jiksbu l-għanijiet komuni tagħhom kif imfisser skont il-prijoritajiet strateġiċi. L-iżvilupp ta' Tuneżija demokratika prospera u stabbli huwa ta' interess strateġiku reċiproku. |
|
(7) |
Filwaqt li jindirizzaw l-isfidi l-aktar urġenti, l-Unjoni u r-Repubblika tat-Tuneżija jenħtieġ li jkomplu jfittxu li jiksbu l-għanijiet ewlenin tas-sħubija tagħhom fuq terminu twil, u jaħdmu b'mod partikolari għall-ħolqien ta' perspettivi għaż-żgħażagħ, billi jitħaffu r-riformi soċjoekonomiċi u jitkompla u jissaħħaħ il-proċess ta' tranżizzjoni lejn id-demokrazija. |
|
(8) |
Jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni fir-rigward tal-adozzjoni tal-prijoritajiet strateġiċi UE-Tuneżija għall-perijodu 2018-2020 tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' deċiżjoni mehmuż, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni stabbilit permezz tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tal-prijoritajiet strateġiċi UE-Tuneżija għall-perijodu 2018-2020 għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Settembru 2018.
Għall-Kunsill
Il-President
G. BLÜMEL
ABBOZZ TA'
DEĊIŻJONI Nru 1/2018 TAL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE-TUNEŻIJA
ta' …
li tadotta l-prijoritajiet strateġiċi UE-Tuneżija għall-perijodu 2018-2020
IL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE-TUNEŻIJA,
Wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra (1),
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim Ewro-Mediterranju”) ġie ffirmat fis-17 ta' Lulju 1995 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1998. |
|
(2) |
L-Artikolu 80 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju jagħti s-setgħa lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni li jieħu d-deċiżjonijiet xierqa, għall-finijiet li jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 90 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju, il-Partijiet għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew speċifika neċessarja biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-Ftehim u għandhom jaraw li jinkisbu l-għanijiet stabbiliti fil-Ftehim. |
|
(4) |
Fil-kuntest tar-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fl-2016, ġiet proposta fażi ġdida ta' djalogu mas-sħab, li tikkontribwixxi għal sens aktar qawwi ta' sjieda miż-żewġ naħat. |
|
(5) |
L-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tat-Tuneżija ddeċidew li jikkonsolidaw is-sħubija privileġġata tagħhom bl-approvazzjoni ta' sett ta' prijoritajiet strateġiċi għall-perijodu 2018-2020 bil-ħsieb li jappoġġaw u jirrinfurzaw ir-reżiljenza u l-istabbiltà tat-Tuneżija. |
|
(6) |
Il-Partijiet għall-Ftehim Ewro-Mediterranju jenħtieġ li jaqblu dwar it-test tal-prijoritajiet strateġiċi, li jirrappreżentaw is-sħubija privileġġata UE-Tuneżija b'mod konkret għall-perijodu 2018-2020. Dawn il-prijoritajiet jenħtieġ li jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Ftehim Ewro-Mediterranju, filwaqt li jagħmlu enfasi fuq il-kooperazzjoni dwar interessi kondiviżi, definiti b'mod komuni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jadotta l-prijoritajiet strateġiċi UE-Tuneżija għall-perijodu 2018-2020 kif inhuma ppreżentati fid-dokument imsejjaħ “It-tisħiħ tas-sħubija privileġġjata UE-Tuneżija: prijoritajiet strateġiċi għall-perijodu 2018-2020” li jinsab fl-anness u jirrakkomanda li l-Partijiet jimplimentawhom.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi …
Għall-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Tuneżija
Il-President
ANNESS
It-tisħiħ tas-sħubija privileġġjata UE-Tuneżija: prijoritajiet strateġiċi għall-perijodu 2018-2020
1. Introduzzjoni
It-Tuneżija ħadet deċiżjoni strateġika li tankra ruħha maż-żona Ewropea, u l-iżvilupp ta' demokrazija Tuneżina prospera u stabbli fil-viċinat tal-Unjoni Ewropea huwa ta' interess strateġiku reċiproku.
Is-sħubija privileġġjata UE-Tuneżija hija xhieda tar-relazzjonijiet bilaterali speċjali u dinamiċi li ġew stabbiliti, u l-ambizzjoni komuni li jsir progress f'rabtiet dejjem aktar mill-qrib bejn it-Tuneżija u ż-żona Ewropea. L-għan fit-tul huwa li jiġi żviluppat qafas ambizzjuż għal relazzjonijiet futuri wara l-2020, filwaqt li jitkompla l-progress li nkiseb u jsir użu sħiħ mill-opportunitajiet għal rabtiet eqreb ipprovduti skont il-politika Ewropea tal-Viċinat fil-perijodu mill-2018 sal-2020.
Fil-kuntest tas-sħubija privileġġjata, it-Tuneżija hija impenjata bis-sħiħ sabiex timplimenta r-riformi meħtieġa għal żvilupp soċjoekonomiku sostenibbli tal-pajjiż u biex jiġi żgurat progress fuq terminu twil fit-tranżizzjoni demokratika. Filwaqt li tirrealizza l-portata tal-isfida u d-diffikultajiet li għaddejja minnhom it-Tuneżija, l-Unjoni Ewropea ttenni l-impenn tagħha li tappoġġa l-implimentazzjoni ta' dawn ir-riformi malajr kemm jista' jkun.
Il-prijoritajiet strateġiċi żviluppati f'dan id-dokument jwasslu għas-sħubija privileġġjata f'termini prattiċi għall-perijodu 2018-2020. Il-ħolqien ta' perspettivi futuri għaż-żgħażagħ se jkun fil-qofol tal-azzjonijiet taż-żewġ naħat. L-enfażi se jkun fuq it-tħaffif tar-riformi soċjo-ekonomiċi, inkluż it-titjib tal-ambjent tan-negozju, u l-konklużjoni ta' ftehim ta' kummerċ ħieles approfondit u komprensiv (DCFTA - deep and comprehensive free trade agreement). Il-konsolidazzjoni demokratika, b'mod partikolari l-implimentazzjoni effettiva tal-Kostituzzjoni tal-2014 u l-governanza tajba se jibqgħu essenzjali wkoll. Iż-żewġ naħat se jsaħħu l-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, u fil-qasam tal-migrazzjoni u l-mobilità bit-tlestija tan-negozjati dwar il-faċilitazzjoni tal-viża u dwar ir-riammissjoni, u l-parteċipazzjoni dejjem aktar attiva tat-Tuneżija fil-programmi tal-UE. It-tisħiħ tad-djalogu politiku ta' livell għoli u d-djalogu mas-soċjetà ċivili u kif ukoll il-viżibbiltà tas-sħubija se jimxu id f'id ma' dawn l-isforzi.
Dawn il-prijoritajiet huma msejsa fuq il-pjan ta' Żvilupp Tuneżin ta' Ħames Snin 2016-2020 (1) u l-Komunikazzjoni Konġunta “Tisħiħ tal-Appoġġ tal-UE għat-Tuneżija” (2).
2. Prijoritajiet strateġiċi tas-sħubija privileġġjata UE-Tuneżija għall-perijodu 2018-2020
Sħubija għaż-żgħażagħ
L-UE u t-Tuneżija jikkunsidraw il-prospetti taż-żgħażagħ għall-ġejjieni bħala għan ewlieni, kif jidher mis-sħubija UE-Tuneżija għaż-żgħażagħ imnedija mill-President Tuneżin u r-Rappreżentant Għoli/Viċi President fl-1 ta' Diċembru 2016. Sabiex ikun hemm rispons aħjar għall-bżonnijiet taż-żgħażagħ Tuneżini, jenħtieġ li d-diversi azzjonijiet li għaddejjin u dawk futuri jsiru aktar konsistenti. Fuq il-bażi tad-djalogu mniedi għall-implimentazzjoni ta' din is-sħubija, l-UE u t-Tuneżija impenjaw ruħhom li jikkonsolidaw il-miżuri li jippromwovu l-impjiegi u l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ, il-mobilità u aktar parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja pubblika u fil-politika, b'mod partikolari f'inizjattivi lokali. L-impjegabilità se teżiġi r-riforma fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, il-ħolqien ta' rabtiet aktar mill-qrib bejn is-settur privat u s-sistemi edukattivi u ta' taħriġ, il-promozzjoni u l-appoġġ għal inizjattivi innovattivi mnedija miż-żgħażagħ, b'mod partikolari fl-oqsma tat-teknoloġiji l-ġodda u tal-kultura. L-appoġġ għall-iżvilupp ta' strateġija nazzjonali Tuneżina għaż-żgħażagħ se jkun element prinċipali tas-sħubija, kif se jkun it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u tal-organizzazzjonijiet idedikati għaż-żgħażagħ.
Għall-ikkumplimentar ta' dan l-impenn liż-żgħażagħ, iż-żewġ naħat se jaħdmu fuq il-prijoritajiet strateġiċi li ġejjin:
|
2.1. |
Żvilupp soċjoekonomiku inklużiv u sostenibbli Il-progress politiku jista' biss ikun sostnut jekk ikun akkumpanjat minn progress ekonomiku ta' portata simili. Fid-dawl tas-sitwazzjoni soċjoekonomika fraġli tat-Tuneżija, b'livell għoli ta' qgħad fost iż-żgħażagħ (speċjalment fost dawk li għandhom l-ogħla livell ta' edukazzjoni) u inugwaljanzi reġjonali u soċjali sinifikanti, wieħed mill-għanijiet ewlenin se tkun il-kontribuzzjoni biex l-ekonomija Tuneżina tirpilja, issir aktar kompetittiva u diversifikata u tinbidel b'mod inklużiv u b'mod sostenibbli, fir-rispett dovut għall-impenji internazzjonali dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima. L-UE se tkompli tagħti l-appoġġ tagħha u tinkoraġġixxi r-riformi strutturali. B'mod aktar partikolari, il-miżuri fil-qasam tal-iżvilupp soċjoekonomiku se jkunu organizzati madwar l-impenji li ġejjin:
Biex jitrawwem progress soċjali, iż-żewġ partijiet jimpenjaw ruħhom li jkomplu jippromwovu:
Iż-żewġ naħat jibqgħu impenjati b'mod sħiħ għall-proċess ta' negozjati għal Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv (DCFTA - Deep and Comprehensive Free Trade Agreement) u qablu dwar pjan ta' azzjoni konkret għall-2018 biex ikun jista' jsir progress bil-ħsieb li jitħaffu n-negozjati bil-għan li jiġu konklużi mill-aktar fis possibbli. L-UE u t-Tuneżija se jkomplu jippromwovu l-modernizzazzjoni tal-ekonomija Tuneżina għall-benefiċċju ta' kulħadd, inklużi r-reġjuni u l-komunitajiet l-aktar żvantaġġati, u jagħtu spinta lill-ħolqien tal-impjiegi, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ. Iż-żewġ naħat jimpenjaw ruħhom li jżidu l-integrazzjoni ekonomika Tuneżina fis-suq Ewropew kif ukoll fir-reġjun tal-Magreb. Sabiex jissaħħaħ ir-rwol tal-innovazzjoni u tar-riċerka fl-iżvilupp ekonomiku, soċjali u reġjonali, l-UE u t-Tuneżija se jaħdmu fuq l-integrazzjoni tat-Tuneżija fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka, b'mod partikolari billi jippromwovu edukazzjoni ogħla, it-tisħiħ tal-governanza, il-mekkaniżmi għall-promozzjoni tar-riċerka pubblika u t-trasferimenti tat-teknoloġija bejn il-qasam akkademiku u dak industrijali. |
|
2.2. |
Demokrazija, governanza tajba u drittijiet tal-bniedem L-UE u t-Tuneżija se jkomplu jagħtu importanza partikolari għall-proċess ta' riforma demokratika u l-promozzjoni ta' governanza tajba u l-istat tad-dritt, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u t-tisħiħ tar-rwol u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili. Iż-żewġ partijiet se jkomplu jippromovu l-proċess tar-riformi politiċi permezz tal-implimentazzjoni effettiva tal-Kostituzzjoni u l-impenji internazzjonali meħuda mit-Tuneżija. L-aspetti prijoritarji fl-oqsma ta' governanza tajba u r-rispett tal-istat tad-dritt se jinkludu b'mod partikolari:
L-impenji ta' prijorità relatati mar-rispett u mal-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem se jinkludu:
|
|
2.3. |
It-tqarrib aktar flimkien tal-popli, il-mobbiltà u l-migrazzjoni It-tqarrib aktar flimkien tas-soċjetajiet Tuneżini u Ewropej permezz ta' żieda tal-iskambji bejn il-popli, is-soċjetajiet u l-kulturi, huwa pilastru ewlieni tal-isħubija privileġġjata. Din id-dimensjoni ta' mobilità hija importanti immens fl-implimentazzjoni tas-sħubija għaż-żgħażagħ. L-implimentazzjoni effettiva tal-assoċjazzjoni tat-Tuneżija mal-Orizzont 2020 u l-parteċipazzjoni tagħha f'Ewropa Kreattiva u Erasmus + se jkunu l-foqol ta' dawn l-isforzi. Il-ġestjoni kkoordinata tal-migrazzjoni hija prijorità politika kemm għat-Tuneżija u kif ukoll għall-UE. Iż-żewġ naħat se jfittxu li jtejbu d-djalogu u l-kooperazzjoni, b'mod partikolari l-implimentazzjoni tas-sħubija għall-mobilità, il-konsolidazzjoni fil-ġlieda kontra l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari, u r-rieda Ewropea biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni ta' sistema ta' ażil Tuneżina. Din il-kooperazzjoni, li se tirrifletti wkoll id-dimensjoni reġjonali ta' dawn il-kwistjonijiet, se tinkludi:
|
|
2.4. |
Is-sigurtà u l-ġlieda kontra t-terroriżmu L-UE u t-Tuneżija qed jiffaċċjaw sfidi komuni ta' sigurtà li jeħtieġu azzjonijiet konġunti miż-żewġ naħat, u dawn iridu jipproċedu skont il-valuri komuni tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem. It-Tuneżija għandha l-ħsieb li timplimenta l-istrateġija globali u multisettorjali tagħha fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti. L-oqsma ta' prijorità għal kooperazzjoni se jinkludu:
L-Unjoni Ewropea se tkompli wkoll tipparteċipa bis-sħiħ fil-grupp tal-G7 + 6 li jiżgura l-koordinazzjoni bejn l-imsieħba ewlenin tat-Tuneżija. Barra minn hekk, oqsma oħra ta' sħubija relatati mas-sigurtà u mad-difiża jistgħu jiġu żviluppati aktar. |
3. It-triq 'il quddiem għat-tisħiħ tas-sħubija privileġġjata UE-Tuneżija
L-importanza mogħtija miż-żewġ naħat għar-relazzjoni tagħhom se tkompli tiġi riflessa fl-intensità ta' kuntatti politiċi u żjarat regolari, bħala parti minn djalogu politiku usa' dwar is-suġġetti kollha ta' interess reċiproku, inklużi kwistjonijiet reġjonali u globali. Jenħtieġ li d-dimensjoni reġjonali ta' dawn it-taħditiet tiġi kkonsolidata. Iż-żewġ naħat huma konxji, f'dan ir-rigward, dwar l-importanza tal-kooperazzjoni tagħhom fil-kuntest tal-Unjoni għall-Mediterran. Minbarra d-djalogi eżistenti, iż-żewġ naħat se jaħdmu flimkien bil-ħsieb tal-organizzazzjoni ta' laqgħat ta' livell għoli UE-Tuneżija u l-parteċipazzjoni ta' ministri Tuneżini fil-laqgħat tematiċi informali mal-membri tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar ċerti suġġetti. Iż-żewġ naħat jinkoraġġixxu kooperazzjoni parlamentari bejn il-Parlament Ewropew u l-Assemblea tar-Rappreżentanti tal-Poplu [Assemblée des Représentants du Peuple].
Il-korpi tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni u s-sottokumitati tekniċi) se jkomplu jkunu l-fora ppreferuta għall-implimentazzjoni effettiva tas-sħubija. L-UE u t-Tuneżija se jfittxu li jtejbu l-effikaċja u l-valur miżjud tal-ħidma tagħhom u, sa fejn ikun possibbli, li jiggruppaw din il-ħidma skont temi ta' prijorità ewlenin f'konformità mal-prijoritajiet strateġiċi.
Sabiex il-prijoritajiet elenkati hawn fuq ikunu aktar tanġibbli, għandu jiġi propost pjan direzzjonali mit-Tuneżija u approvat mill-UE. Dan id-dokument pubbliku se jistabbilixxi l-miżuri l-aktar urġenti (leġislattivi, strateġiċi u operazzjonali) meħtieġa għall-irkupru soċjoekonomiku tal-pajjiż. Dan il-pjan direzzjonali se jkun mekkaniżmu flessibbli u operazzjonali għall-monitoraġġ fuq bażi ta' darbtejn f'sena.
Skont il-komunikazzjoni konġunta, l-UE impenjat ruħha li ssaħħaħ b'mod sinifikanti l-appoġġ finanzjarju tagħha lit-Tuneżija permezz tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat. L-UE u t-Tuneżija se jfittxu li jagħmlu l-aħjar użu mill-opportunitajiet ta' finanzjament diġà eżistenti, inklużi strumenti ġodda bħalma huma l-Pjan ta' Investiment Estern għall-UE, b'mod li jagħmlu l-aktar li jistgħu mill-komplementarjetà u mill-effetti ta' ingranaġġ bejn is-sussidji tal-UE u s-self ipprovdut minn istituzzjonijiet finanzjarji. Iż-żewġ naħat se jfittxu li jtejbu s-sinerġija bejn djalogi politiċi u settorjali, u l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni finanzjarja. Huma se jaħdmu wkoll għat-tisħiħ ta' mekkaniżmi ta' koordinazzjoni u djalogu mal-imsieħba finanzjarji u d-donaturi internazzjonali bis-saħħa tar-responsabbiltà Tuneżina kemm fir-rigward tal-iffissar ta' prijoritajiet u kif ukoll tal-implimentazzjoni tagħhom.
Fl-aħħar nett, iż-żewġ naħat jimpenjaw ruħhom li jagħtu aktar viżibilità lir-relazzjoni strateġika UE-Tuneżija, u li jippromwovu l-benefiċċji tal-kooperazzjoni tagħhom fost iċ-ċittadini fuq iż-żewġ naħat tal-Mediterran.
(1) Dan il-pjan jirrakkomanda mudell ġdid ta' żvilupp għal tkabbir sostenibbli u inklużiv u huwa strutturat madwar ħames prijoritajiet: i) il-governanza tajba, ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, ii) it-tranżizzjoni minn ekonomija bi spejjeż baxxi għal ċentru ekonomiku, iii) l-iżvilupp uman u l-inklużjoni soċjali, iv) ir-realizzazzjoni tal-ambizzjonijiet reġjonali, u v) l-ekonomija ekoloġika, li hija pilastru għall-iżvilupp sostenibbli.
(2) Din il-Komunikazzjoni mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (JOIN (2016) 47 final tad-29 ta' Settembru 2016) hija artikulata madwar ħames assi: i) il-promozzjoni ta' governanza tajba u riforma tal-amministrazzjoni pubblika; ii) it-tisħiħ tar-rwol tas-soċjetà ċivili; iii) l-investiment fil-ġejjieni: il-ħolqien ta' impjiegi u t-trawwim ta' żvilupp ekonomiku sostenibbli; iv) it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-soċjetà; v) l-appoġġ fl-indirizzar tal-isfidi tas-sigurtà; vi) sforzi komuni għal ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni u l-mobilità.