27.12.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 330/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1907
tal-20 ta' Diċembru 2018
dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91, l-Artikolu 100(2), u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-punt (a)(v) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) u l-Artikolu 218(7) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
(1) |
F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/966 (2), il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fi 17 ta' Lulju 2018. |
(2) |
Sabiex ikun żgurat it-tħaddim effiċjenti tas-sistema tal-iffaċilitar tal-esportazzjoni tal-inbid prevista fil-Ftehim, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun awtorizzata li tissospendi temporanjament, f'isem l-Unjoni u skont kif previst fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 2.29 tal-Ftehim, l-aċċettazzjoni tal-awtoċertifikazzjoni tal-prodotti tal-inbid kif stipulata fl-Artikolu 2.28 tal-Ftehim. Jenħtieġ ukoll li l-Kummissjoni tiġi awtorizzata li ttemm dik is-sospensjoni temporanja f'isem l-Unjoni u kif previst fil-paragrafu 4 tal-Artikolu 2.29 tal-Ftehim. |
(3) |
F'konformità mal-Artikolu 218(7) tat-Trattat, huwa xieraq li l-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni tapprova, f'isem l-Unjoni, ċerti modifiki għall-Ftehim. Għalhekk, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun awtorizzata tapprova modifiki skont l-Artikolu 10.14 tal-Ftehim fir-rigward tal-Parti 2 tal-Anness 10 tal-Ftehim wara konsultazzjoni mal-kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 207(3) tat-Trattat. Jenħtieġ li dik l-awtorizzazzjoni ma tapplikax għal modifiki għal impenji taħt il-paragrafu 4 (“Akkwist ta' oġġetti u servizzi relatati mal-ferroviji”) u l-paragrafu 5 (“Servizzi”) tat-Taqsima A tal-Parti 2 tal-Anness 10 għall-Ftehim. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun awtorizzata wkoll tapprova modifiki tal-Anness 14-A u l-Anness 14-B għall-Ftehim. |
(4) |
F'konformità mal-Artikolu 23.5 tal-Ftehim, xejn f'dan il-Ftehim ma għandu jiġi interpretat li jagħti drittijiet jew jimponi obbligi fuq persuni, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi ta' persuni skont id-dritt internazzjonali pubbliku. Għalhekk ma huwiex possibbli li l-Ftehim jiġi invokat direttament quddiem il-qrati tal-Unjoni jew tal-Istati Membri. |
(5) |
Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi approvat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika huwa b'dan approvat.
It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
1. Id-deċiżjoni tal-Unjoni li temporanjament tissospendi, skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu 2.29 tal-Ftehim, l-aċċettazzjoni tal-awtoċertifikazzjoni tal-prodotti tal-inbid kif stipulat fl-Artikolu 2.28 tal-Ftehim għandha tittieħed mill-Kummissjoni.
2. Id-deċiżjoni tal-Unjoni li ttemm, skont il-paragrafu 4 tal-Artikolu 2.29 tal-Ftehim, is-sospensjoni temporanja msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tittieħed mill-Kummissjoni.
Artikolu 3
Għall-finijiet tal-Artikolu 10.14 tal-Ftehim, il-pożizzjoni tal-Unjoni dwar il-modifiki jew rettifiki għall-impenji skont il-Parti 2 tal-Anness 10 għall-Ftehim għandha tittieħed mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill skont l-Artikolu 207(3) tat-Trattat. Din id-dispożizzjoni ma tapplikax għal modifi għal impenji taħt il-paragrafu 4 (“Akkwist ta' oġġetti u servizzi relatati mal-ferroviji”) u l-paragrafu 5 (“Servizzi”) tat-Taqsima A tal-Parti 2 tal-Anness 10 għall-Ftehim.
Artikolu 4
Il-modifiki tal-Anness 14-A u l-Anness 14-B għall-Ftehim permezz ta' deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim, wara r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat dwar il-Proprjetà Intellettwali stabbilit mill-Ftehim, għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni f'isem l-Unjoni. Fejn il-partijiet interessati ma jistgħux jilħqu ftehim wara oġġezzjonijiet marbuta mal-indikazzjoni ġeografika, il-Kummissjoni għandha tadotta pożizzjoni abbażi tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 57(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).
Artikolu 5
Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 23.3 tal-Ftehim (4).
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Diċembru 2018.
Għall-Kunsill
Il-President
E. KÖSTINGER
(1) Approvazzjoni ta' 12 ta' Diċembru 2018 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/966 tas-6 ta' Lulju 2018 dwar l-iffirmar f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika (ĠU L 174, 10.7.2018, p. 1).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1).
(4) Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi pubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.