6.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 310/27


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1905

tat-28 ta' Novembru 2018

dwar il-proposta ta' inizjattiva taċ-ċittadini bit-titlu “Referendum madwar l-UE dwar jekk iċ-Ċittadini Ewropej iridux lir-Renju Unit jibqa' fl-Unjoni Ewropea jew joħroġ!”

(notifikata bid-dokument C(2018) 8006)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Is-suġġett tal-inizjattiva proposta bit-titlu “Referendum madwar l-UE dwar jekk iċ-Ċittadini Ewropej iridux lir-Renju Unit jibqa' fl-Unjoni Ewropea jew joħroġ!” huwa mistqarr kif ġej: “Iċ-ċittadini Ewropej kollha jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jesprimu l-fehma politika tagħhom dwar jekk jixtiqux lir-Renju Unit jibqa' fl-Unjoni Ewropea”.

(2)

L-għanijiet ewlenin tal-inizjattiva proposta huma: “Dan ir-referendum mhuwiex plebixxit li jorbot iżda stħarriġ tal-opinjoni pubblika. Il-Kummissjoni jenħtiġilha tappoġġa dan l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika li jagħti l-possibbiltà liċ-Ċittadini Ewropej fit-28 Stat Membru kollha li jesprimu jekk jixtiqux li l-Brexit iseħħx jew le. Nittamaw li nistgħu niddependu fuq l-appoġġ sħiħ tal-Kummissjoni Ewropea, l-aktar għaliex naħsbu ma jistax ikun tollerabbli li ċ-ċittadini Ewropej kollha ġew imqarrqa f'referendum pubbliku minn wegħdiet u stqarrijiet li bl-ebda mod ma jirriflettu r-realtà.”

(3)

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) isaħħaħ iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jqawwi aktar il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni billi jipprevedi, fost l-oħrajn, li kull ċittadin ikollu d-dritt jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni permezz ta' inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej.

(4)

Għal dan il-għan, il-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-inizjattiva taċ-ċittadini jenħtieġ li jkunu ċari, sempliċi, faċli biex jintużaw u proporzjonati man-natura tal-inizjattiva taċ-ċittadini sabiex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u biex l-Unjoni ssir aktar aċċessibbli.

(5)

Id-dritt li kwalunkwe Stat Membru joħroġ mill-Unjoni Ewropea huwa mnaqqax fl-Artikolu 50(1) tat-TUE, li jispeċifika li kull Stat Membru jista' jiddeċiedi li joħroġ mill-Unjoni skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali tiegħu.

(6)

Filwaqt li l-Kummissjoni Ewropea jiddispjaċiha bid-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropea, kif stqarr Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea flimkien ma' Martin Schulz, il-President tal-Parlament Ewropew, Donald Tusk, il-President tal-Kunsill Ewropew u Mark Rutte, li kellu f'idejh il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-24 ta' Ġunju 2016 (2), ma hemm l-ebda bażi ġuridika fit-Trattati li tippermetti l-adozzjoni ta' att legali dwar il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet fi Stat Membru f'rabta man-notifika tal-intenzjoni ta' dak l-Istat Membru li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-TUE.

(7)

Għal dawn ir-raġunijiet, huwa evidenti li l-proposta ta' inizjattiva taċ-ċittadini bit-titlu “Referendum madwar l-UE dwar jekk iċ-Ċittadini Ewropej iridux lir-Renju Unit jibqa' fl-Unjoni Ewropea jew joħroġ!” taqa' lil hinn mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini li timplimenta t-Trattati fit-tifsira tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 2, il-punt 1, tiegħu.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-reġistrazzjoni tal-inizjattiva proposta bit-titlu “Referendum madwar l-UE dwar jekk iċ-Ċittadini Ewropej iridux lir-Renju Unit jibqa' fl-Unjoni Ewropea jew joħroġ!” hija miċħuda b'dan.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-organizzaturi (membri tal-kumitat taċ-ċittadini) tal-proposta ta' inizjattiva taċ-ċittadini bit-titlu “Referendum madwar l-UE dwar jekk iċ-Ċittadini Ewropej iridux lir-Renju Unit jibqa' fl-Unjoni Ewropea jew joħroġ!”, irrappreżentati minn Erich Hutter u Tanja Glušič fir-rwol ta' persuni ta' kuntatt.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Novembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Frans TIMMERMANS

Viċi President


(1)  ĠU L 65, 11.3.2011, p. 1.

(2)  http://europa.eu/rapid/press-release_STATEMENT-16-2329_mt.htm