30.11.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 306/50 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1875
tas-26 ta' Novembru 2018
dwar il-pożizzjoni li trid tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat ta' Esperti Tekniċi tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) fir-rigward ta' ċerti emendi għall-Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi - Dispożizzjonijiet Ġenerali – Subsistemi (UTP GEN- B) u l-Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi - Applikazzjonijiet telematiċi għas-servizz tat-trasport tal-merkanzija (UTP TAF)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
L-Unjoni aderixxiet mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad-9 ta' Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta' Vilnius tat-3 ta' Ġunju 1999 (“il- Konvenzjoni COTIF”), permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE (1). |
(2) |
Kull Stat Membru, bl-eċċezzjoni ta' Ċipru u Malta, japplikaw il-Konvenzjoni COTIF. |
(3) |
Skont l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni COTIF, twaqqaf il-Kumitat tal-Esperti Tekniċi (“CTE”) tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija. Skont il-punt (b) tal-Artikolu 20 (1) tal- Konvenzjoni COTIF u l-Artikoli 6 u 8a tal-Appendiċi F (APTU) tagħha, is-CTE huwa kompetenti biex jieħu deċiżjonijiet dwar l-adozzjoni ta' Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi (“UTPs”) jew dwar dispożizzjoni li temenda UTP abbażi tal-Appendiċi F (APTU) u l-Appendiċi G (ATMF) tal-Konvenzjoni COTIF. |
(4) |
Wara l-11-il sessjoni tiegħu li saret fit-12 u t-13 ta' Ġunju 2018, is-CTE ddeċieda li jadotta, permezz ta' proċedura bil-miktub, emendi għall-punti 2.1, 2.2 u 2.3 tal-UTP GEN-B biex jinkludu intersezzjonijiet fl-istess livell u strutturi tal-inġinerija oħra bħal pontijiet bħala parti mid-definizzjoni tas-subsistemi tal-infrastruttura, kif stabbiliti fl-hemża ma' din id-Deċiżjoni. |
(5) |
L-għan ta' dawk l-emendi huwa li jallinjaw id-definizzjoni tas-subsistemi fil-UTP GEN-B mad-definizzjoni ta' subsistemi tal-Unjoni stipulata fl-Anness II tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) bl-introduzzjoni ta' intersezzjonijiet fl-istess livell u strutturi oħra ta' inġinerija bħal pontijiet bħala parti mid-definizzjoni tas-subsistemi tal-infrastruttura. |
(6) |
L-emendi proposti huma konformi mal-liġi u l-objettivi strateġiċi tal-Unjoni billi jikkontribwixxu għall-allinjament tal-leġislazzjoni tal-OTIF mal-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni, u għalhekk jenħtieġ li jkunu appoġġati mill-Unjoni. |
(7) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tiġi adottata f'isem l-Unjoni fis-CTE, minħabba li l-emendi għall-punti 2.1, 2.2 u 2.3 tal-UTP GEN-B abbażi tal-Appendiċi F (APTU) tal-Konvenzjoni COTIF ser ikunu vinkolanti għall-Unjoni. Barra minn hekk, huwa xieraq li l-allinjament kollu tal-UTP TAF jiġi appoġġjat mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabbiltà fl-Unjoni (TAF TSI), |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li trid tiġi adottata f'isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat ta' Esperti Tekniċi tal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad-9 ta' Mejju 1980 fir-rigward tal-emendi għall-punti 2.1, 2.2 u 2.3 tal-Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi - Dispożizzjonijiet ġenerali - Subsistemi (UTP GEN-B) u għall-Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi - Applikazzjonijiet telematiċi għas-servizz tat-trasport tal-merkanzija (UTP TAF) hija stabbilita fl-allegat għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Id-deċiżjonijiet tas-CTE, mal-adozzjoni tagħhom, għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, b'indikazzjoni tad-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom.Artikolu 3
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Novembru 2018.
Għall-Kunsill
Il-President
J. BOGNER-STRAUSS
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE tas-16 ta' Ġunju 2011 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta' Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta' Vilnius tat-3 ta' Ġunju 1999 (ĠU L 51, 23.2.2013, p. 1).
(2) Id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44).
HEMŻA
Emendi proposti għall-adozzjoni fi proċedura bil-miktub mill-Kumitat ta' Esperti Tekniċi tal-OTIF
1. |
Vot pożittiv fuq l-emenda proposta mill-Kumitat ta' Esperti Tekniċi (CTE) għall-punti 2.1, 2.2 u 2.3 tal-Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi UTP GEN B kif jinsabu fid-Dokument ta' Ħidma TECH-18010-CTE11-5 tas-CTE u deskritti hawn taħt:
“2.1. Infrastruttura Il-COTIF tinkludi l-infrastruttura […] sa fejn huma kkonċernati l-interfaċċji mal-vetturi. […] 2.2. Enerġija Il-COTIF tinkludi s-sistema tal-enerġija sa fejn huma kkonċernati biss l-interfaċċji mal-vetturi. Għalhekk, is-subsistema tal-enerġija tinkludi biss il-linji sospiżi (katenarji) u l-kwalità tal-enerġija fornuta. 2.3. Kmand-kontroll u sinjalazzjoni fuq l-art Il-COTIF tinkludi l-kmand-kontroll u sinjalazzjoni fuq l-art […] u dan sa fejn huma kkonċernati l-interfaċċji mal-vetturi.” |
2. |
Vot pożittiv dwar l-emendi proposti mis-CTE għall-UTP TAF, li jinvolvu l-aġġornament tal-Lista ta' Dokumenti Tekniċi fil-UTP TAF mal-Lista ġdida li għadha kemm ġiet aġġornata (l-Appendiċi I) tat-TAF TSI. |