|
20.11.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 293/24 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/1789
tad-19 ta' Novembru 2018
b'appoġġ għall-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu u l-proliferazzjoni ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir fl-Istati Membri tal-Lega tal-Istati Għarab
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fis-16 ta' Diċembru 2005, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti ta' SALW u l-munizzjon tagħhom (l-“Istrateġija tal-UE dwar is-SALW”), sussegwentement riveduta fl-2018, li stabbilixxiet il-linji gwida għal azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-armi ħfief u ta' kalibru żgħir (“SALW”). L-istrateġija tal-UE dwar is-SALW innotat li l-Unjoni sejra, bħala prijorità, tappoġġa inizjattivi reġjonali li jiġġieldu kontra s-SALW illeċiti u l-munizzjon tagħhom, billi tagħti appoġġ finanzjarju u tekniku lill-organizzazzjonijiet reġjonali u nazzjonali responsabbli mill-implimentazzjoni tal-istrumenti reġjonali rilevanti. |
|
(2) |
Fit-13 ta' Ġunju 2018, il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) ppreżentaw Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar elementi lejn strateġija tal-UE kontra l-armi tan-nar, is-SALW u l-Munizzjoni tagħhom illeċiti intitolata “Sigurtà fuq l-Armi, Nipproteġu liċ-Ċittadini”. |
|
(3) |
L-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), adottata fil-25 ta' Settembru 2015, affermat li l-iżvilupp sostenibbli ma jistax jinkiseb mingħajr il-paċi u s-sigurtà u li l-flussi ta' illeċiti armi huma fost il-fatturi li jwasslu għall-vjolenza, in-nuqqas ta' sigurtà u l-inġustizzja. |
|
(4) |
Fl-Aġenda tiegħu għad-Diżarm intitolata “Nassiguraw il-Futur Komuni Tagħna”, li ġiet varata fl-24 ta' Mejju 2018, is-Segretarju Ġenerali tan-NU jappella għal approċċ inklużiv, integrat u parteċipatorju rigward il-kontroll tal-armi żgħar fil-livell nazzjonali u, f'ċerti sitwazzjonijiet, fil-livell subreġjonali. |
|
(5) |
Fit-tielet Konferenza tan-NU biex jiġi rieżaminat il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu tal-Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu (PtA), li saret f'Ġunju 2018, l-Istati Membri tan-NU impenjaw ruħhom li jsaħħu, kif adatt, is-sħubiji u l-kooperazzjoni fil-livelli kollha għall-prevenzjoni tal-kummerċ illeċitu tas-SALW u l-ġlieda kontrih, b'mod partikolari fir-rigward tal-kontroll fuq il-fruntieri; il-ġestjoni u s-sigurtà tal-kumulu tal-ħażniet; il-qerda u d-disponiment; l-immarkar, iż-żamma ta' rekords u t-traċċar; u l-intermedjazzjoni illeċita. Huma impenjaw ruħhom ukoll li jsaħħu l-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet subreġjonali u reġjonali rilevanti fit-tisħiħ tal-implimentazzjoni tal-PtA u l-Istrument Internazzjonali ta' Traċċar. |
|
(6) |
Il-Lega tal-Istati Għarab (LAS) hija organizzazzjoni reġjonali li tiġbor flimkien il-pajjiżi Għarab kollha, bil-għan li tiġi promossa u tissaħħaħ il-kooperazzjoni fost il-membri tagħha. |
|
(7) |
Fl-2016 l-Unjoni u l-LAS stabbilixxew id-Djalogu Strateġiku UE-LAS kif ukoll għadd ta' gruppi ta' ħidma. |
|
(8) |
Il-Grupp ta' Ħidma tad-Djalogu Strateġiku dwar Armi ta' Qerda Massiva u l-Kontroll tal-Armi ddefinixxa oqsma prijoritarji għal kooperazzjoni konkreta possibbli, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Bil-ħsieb li jiġu appoġġati l-Istati Membri tal-LAS fl-implimentazzjoni nazzjonali tagħhom tal-PtA u l-Istrument Internazzjonali ta' Traċċar (ITI), l-Unjoni ser tindirizza l-objettivi li ġejjin:
|
— |
tinbena b'mod sostenibbli l-kapaċità nazzjonali tal-Istati Membri tal-LAS li jiġġieldu l-proliferazzjoni illeċita ta' SALW, jiġġieldu t-terroriżmu u jsaħħu is-sigurtà f'sitwazzjonijiet ta' wara l-konflitt, filwaqt li jirrispettaw b'mod sħiħ l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; |
|
— |
tinbena b'mod sostenibbli l-kapaċità reġjonali tal-LAS li jindirizzaw l-istess sfidi; |
|
— |
jissaħħaħ il-kontroll nazzjonali tal-Istati Membri tal-LAS fuq is-SALW fl-istadji ewlenin taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom; |
|
— |
jittejjeb l-iskambju tal-aħjar prattiki u t-tagħlimiet meħuda. |
2. Sabiex jintlaħqu l-objettivi msemmija fil-paragrafu 1, l-Unjoni għandha tappoġġa, permezz ta' din id-Deċiżjoni, azzjonijiet fl-oqsma li ġejjin:
|
— |
kontroll internazzjonali tat-trasferiment ta' SALW (ġlieda kontra l-flussi ta' armi illeċiti); |
|
— |
identifikazzjoni u interruzzjoni tas-sorsi ta' armi ħfief illeċiti (tisħiħ tal-kapaċitajiet għal aġenziji tal-infurzar tal-liġi); |
|
— |
miżuri oħra relatati mal-kontroll tal-armi ħfief, inkluż il-ġestjoni tal-kumulu tal-ħażniet, il-kontroll tal-provvisti relatati u s-sigurtà; |
|
— |
id-diżarm, id-demobilizzazzjoni u r-reintegrazzjoni (DDR); |
|
— |
l-għoti ta' informazzjoni rilevanti għal SALW illeċiti u kontroll imsaħħaħ tas-SALW. |
3. Deskrizzjoni dettaljata tal-proġett imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 hija stabbilita fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli mill-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.
2. L-implimentazzjoni teknika tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1 għandha titwettaq minn Small Arms Survey (“SAS”), irrappreżentat mill-Graduate Institute of International and Development Studies, bl-għajnuna tal-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' Pulizija Kriminali (Interpol) u l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO) u b'kooperazzjoni mill-qrib mas-Segretarjat tal- LAS.
3. L-SAS, bl-għajnuna tal-Interpol u d-WCO għandu jwettaq il-kompiti tiegħu taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli. Għal dak il-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-SAS.
Artikolu 3
1. L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett iffinanzjat mill-Unjoni msemmi fl-Artikolu 1 għandu jkun EUR 2 858 550.
2. L-infiq iffinanzjat mill-ammont ta' referenza li jinsab fil-paragrafu 1 għandu jiġi amministrat f'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.
3. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta tal-infiq imsemmi fil-paragrafu 2. Għal dak il-għan, hija għandha tikkonkludi l-ftehim meħtieġ mal-SAS. Il-ftehim għandu jistipula li l-SAS għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-UE, b'mod xieraq skont id-daqs tagħha.
4. Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill dwar kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u dwar id-data tal-konklużjoni tal-ftehim.
Artikolu 4
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti regolari kull tliet xhur imħejjija mill-SAS. Dawk ir-rapporti għandhom jifformaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill.
2. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1.
Artikolu 5
1. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
2. Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 24 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 3(3) Madankollu, hija għandha tiskadi sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha jekk ma jkun ġie konkluż l-ebda ftehim f'dak il-perijodu.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Novembru 2018.
Għall-Kunsill
Il-President
F. MOGHERINI
ANNESS
Ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu u l-proliferazzjoni ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir fl-Istati Membri tal-Lega tal-Istati Għarab (2018–2020)
1. Kuntest u raġunijiet li jiġġustifikaw l-appoġġ mill-PESK
Dan il-proġett ser jibni fuq l-isforzi preċedenti mwettqa mill-Lega tal-Istati Għarab (LAS) u l-Unjoni biex jiġu assistiti l-Istati Membri tal-LAS fil-ġlieda kontra l-armi ħfief u ta' kalibru żgħir (“SALW”) illeċiti fir-reġjun Għarbi. Il-qerda tal-armi ħfief illeċiti fir-reġjun Għarbi hija kruċjali biex jitnaqqsu l-forom kollha ta' vjolenza u jiġu promossi l-iżvilupp sostenibbli u l-prosperità f'konformità mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) – kemm fir-reġjun Għarbi kif ukoll fir-reġjuni ġirien, inkluż l-Ewropa.
B'mod aktar speċifiku, il-proġett għandu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Membri li jimplimentaw il-Programm ta' Azzjoni tan-NU għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda Kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu ta' Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu (PtA) u l-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar (ITI) skont il-prijoritajiet u l-ħtiġijiet identifikati mill-Istati Membri tal-LAS. Il-qafas normattiv għall-proġett jinkludi wkoll l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, b'mod partikolari l-mira 16.4. Skont il-preferenzi tal-Istat Membru tal-LAS ospitanti, il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar u t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi jistgħu wkoll iservu ta' punti ta' riferiment għall-isforzi ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet relatati mal-proġett (kontroll tal-esportazzjoni/importazzjoni, prevenzjoni tad-devjazzjoni, eċċ.).
2. Objettivi u sostenibbiltà fit-tul tal-proġett
L-għan sottostanti tal-proġett huwa li b'mod sostenibbli tissaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Membri tal-LAS li jimplimentaw il-PtA u l-ITI, inkluż għall-fini li jiġu miġġielda l-armi ħfief illeċiti u t-terroriżmu, skont il-prijoritajiet u l-ħtiġijiet identifikati mill-Istati Membri tal-LAS. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, il-proġett għandu l-objettivi ewlenin li ġejjin:
|
(a) |
tinbena b'mod sostenibbli l-kapaċità nazzjonali tal-Istati Membri tal-LAS li jiġġieldu l-proliferazzjoni illeċita ta' SALW, jiġġieldu t-terroriżmu u jsaħħu s-sigurtà f'sitwazzjonijiet ta' wara l-konflitt; |
|
(b) |
tinbena b'mod sostenibbli l-kapaċità reġjonali tal-LAS li jindirizza l-istess sfidi; |
|
(c) |
jissaħħaħ il-kontroll nazzjonali tal-Istati Membri tal-LAS fuq is-SALW fl-istadji ewlenin taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom; |
|
(d) |
jittejjeb l-iskambju tal-aħjar prattiki u t-tagħlimiet meħuda. |
Il-konsultazzjonijiet mal-Istati Membri tal-LAS jindikaw li huma jfittxu l-assistenza u l-appoġġ f'oqsma speċifiċi, b'attenzjoni prevalenti fuq it-tisħiħ tal-kapaċità nazzjonali biex jiġu miġġielda l-flussi tal-armi illeċiti (ara t-taqsima 3 għal aktar dettalji). Il-komponenti kollha tal-proġett, inkluż dawk relatati mal-valutazzjoni tal-ħtiġijiet u l-evalwazzjoni ta' wara l-implimentazzjoni, fil-fatt huma mfassla biex jiżguraw li l-proġett jipprovdi kapaċità sostenibbli lill-benefiċjarji maħsuba tiegħu, b'mod partikolari l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali tal-gvern fi Stati Membri tal-LAS, kif ukoll is-Segretarjat tal-LAS (id-Dipartiment ta' Kontroll tal-Armi u d-Diżarm).
3. Deskrizzjoni tal-azzjoni
Il-proġett tal-Unjoni biex jiġi miġġieled il-kummerċ illeċitu u l-proliferazzjoni ta' SALW fl-Istati Membri tal-LAS (2018–2020) huwa mfassal biex jirrispondi għall-ħtiġijiet li l-Istati Membri tal-LAS esprimew fl-oqsma prijoritarji li ġejjin:
Qasam 1:
Kontroll internazzjonali tat-trasferiment ta' SALW (ġlieda kontra l-flussi ta' armi illeċiti)
1.1. Liċenzjar u kontroll tal-esportazzjoni/l-importazzjoni/it-transitu (valutazzjoni tar-riskju, eċċ.)
1.2. Prevenzjoni tad-devjazzjoni ta' SALW lil destinatarji mhux awtorizzati
1.3. Identifikazzjoni ta' SALW u l-partijiet tagħhom matul l-ispezzjoni ta' oġġetti u merkanzija ttrasportati (metodi ta' spezzjoni, tekniki u tagħmir, eċċ.)
Qasam 2:
Identifikazzjoni u interruzzjoni tas-sorsi ta' armi ħfief illeċiti (tisħiħ tal-kapaċitajiet għal aġenziji tal-infurzar tal-liġi)
2.1. Kontroll fuq il-fruntieri fl-art, fl-ajru u dawk marittimi, inkluż it-trasferiment tat-teknoloġija
2.2. Immarkar, żamma ta' rekords u traċċar
2.3. Tekniki u metodi addizzjonali għall-investigazzjoni u l-ispezzjoni tal-armi (użu ta' informazzjoni ballistika, identifikazzjoni/interruzzjoni ta' rotot u metodi ta' traffikar, eċċ.)
Qasam 3:
Miżuri oħra ta' kontroll tal-armi ħfief
3.1. Ġestjoni u sigurtà tal-kumulu tal-ħażniet
Qasam 4:
Diżarm, Demobilizzazzjoni u Reintegrazzjoni (DDR)
4.1. Skambju tal-għarfien espert, l-aħjar prattiki u t-tagħlimiet meħuda fir-rigward tad-DDR
4.2. Assistenza fit-tfassil tal-programmi DDR nazzjonali
4.3. Forom oħra ta' appoġġ lill-Istati Membri tal-LAS matul il-fażi ta' wara l-konflitt
Ta' min jinnota li dan il-komponent, filwaqt li ntalab minn xi Stati Membri tal-LAS, irċieva inqas interess ġenerali mill-oqsma l-oħra elenkati f'din it-taqsima. Għal din ir-raġuni, dan il-proġett mhux ser jiffoka fuqu.
Qasam 5:
Għoti ta' informazzjoni rilevanti għas-SALW illeċiti u kontroll imsaħħaħ tas-SALW żgħir:
5.1. Evalwazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Membri tal-LAS; pariri dwar emendi u reviżjonijiet possibbli.
5.2. Traduzzjoni għall-Għarbi ta' riċerka rilevanti, studji ppubblikati u dokumenti oħra
Sabiex jindirizza l-ħtiġijiet ta' hawn fuq, il-proġett ser jinkludi l-elementi li ġejjin:
|
1. |
Koordinazzjoni reġjonali: laqgħa ta' tnedija tal-Kajr |
|
2. |
Koordinazzjoni subreġjonali: gruppi ta' ħidma subreġjonali |
|
3. |
Missjonijiet ta' valutazzjoni |
|
4. |
Taħriġ fil-pajjiż stess |
|
5. |
Assistenza leġislattiva |
|
6. |
Għoti ta' informazzjoni bl-Għarbi |
|
7. |
Koordinazzjoni reġjonali: laqgħa konklużiva fil-Kajr |
|
8. |
Monitoraġġ u evalwazzjoni tal-proġett (inkluż awditjar finanzjarju) |
3.1. Koordinazzjoni reġjonali: laqgħa ta' tnedija tal-Kajr
3.1.1. Objettiv: Sensibilizzazzjoni dwar il-proġett, jiġi stabbilit kuntatt mal-Istati Membri tal-LAS u jibdew jiġu identifikati l-ħtiġijiet speċifiċi tal-pajjiżi (valutazzjoni inizjali tal-ħtiġijiet) (oqsma prijoritarji 1 sa 5).
3.1.2. Attivitajiet: Laqgħa ta' tnedija ta' ġimgħa fil-Kajr, li tkopri l-aspetti kollha tal-proġett (oqsma prijoritarji 1 sa 5), immirata lejn l-uffiċjali għolja tal-Istati Membri tal-LAS, kif ukoll il-persunal tal-LAS responsabbli għal kwistjonijiet relatati mal-proġett.
3.1.3. Riżultati tal-azzjoni: stabbiliment ta' kuntatt mal-Istati Membri tal-LAS; identifikazzjoni ta' ħtiġijiet speċifiċi għall-pajjiżi; produzzjoni ta' rapport ta' sinteżi tal-laqgħa.
3.2. Koordinazzjoni subreġjonali: gruppi ta' ħidma subreġjonali
3.2.1. Objettiv: Fil-livell subreġjonali, l-Istati Membri tal-LAS jitħallew jaqsmu l-esperjenzi u l-prattiki tajbin u jidentifikaw il-prijoritajiet ta' implimentazzjoni f'oqsma relatati mal-proġett (oqsma prijoritarji 1 sa 4).
3.2.2. Attivitajiet: Sessjonijiet ta' ħidma ta' ġimgħa li jsiru, bejn wieħed u ieħor f'nofs il-proġett, fi tliet subreġjuni differenti (tentattivament: il-Magreb, is-Saħel Għarbi u l-Afrika tal-Lvant; il-Maxreq; il-Peniżola Għarbija u l-Iraq) (total ta' tliet ġimgħat). L-Istati Membri tal-LAS li jipparteċipaw f'kull waħda mis-sessjonijiet ta' ħidma jkunu determinati fil-laqgħa ta' tnedija tal-Kajr (punt 3.1) jew ftit wara.
3.2.3. Riżultati tal-azzjoni: skambju ta' esperjenzi u prattiki tajbin f'oqsma relatati mal-proġett; identifikazzjoni ta' prijoritajiet ta' implimentazzjoni; produzzjoni ta' rapport ta' sinteżi tas-sessjoni ta' ħidma.
3.3. Missjonijiet ta' valutazzjoni
3.3.1. Objettiv: Jiġu aċċertati ħtiġijiet speċifiċi għall-pajjiżi u jitħejjew it-taħriġ u l-assistenza ta' segwitu fil-pajjiż stess (oqsma prijoritarji 1 sa 5).
3.3.2. Attivitajiet: Żjarat fuq il-post fl-Istati Membri tal-LAS li jitolbu l-assistenza.
3.3.3. Riżultati tal-azzjoni: Tlestija ta' missjonijiet ta' valutazzjoni; produzzjoni ta' rapport qasir għal kull missjoni, li jkun kunfidenzjali għall-Istat Membru tal-LAS ospitanti, bil-għan li jiddetermina l-ħtiġijiet speċifiċi tiegħu (identifikazzjoni ta' politiki u miżuri eżistenti, lakuni normattivi jew oħrajn, u ostakli biex jiġu indirizzati tali lakuni).
3.4. Taħriġ fil-pajjiż stess
3.4.1. Objettiv: Tinbena kapaċità sostenibbli għall-kontroll ta' armi ħfief fl-Istat Membru ospitanti tal-LAS skont l-interessi u l-ħtiġijiet ta' dak l-Istat (oqsma prijoritarji 1 sa 4).
3.4.2. Attivitajiet
Sessjonijiet ta' taħriġ fil-pajjiż stess għall-Istati Membri tal-LAS li jitolbu l-assistenza. Is-sessjonijiet ta' taħriġ jistgħu jibbenefikaw minnhom it-22 Stat Membru tal-LAS (ġimgħa għal kull Stat) kollha kemm huma jew għadd iżgħar ta' Stati Membri tal-LAS (żjarat multipli f'dawk l-Istati, pereżempju ġimagħtejn ta' taħriġ għal 11-il Stat Membru tal-LAS).
Kull sessjoni ta' taħriġ ta' ġimgħa ser tinvolvi: (a) jum ta' ftuħ li jintroduċi uffiċjali għolja tal-gvern għall-aspetti kollha tal-proġett li huma ta' rilevanza/interess għall-Istat Membru tal-LAS; (b) taħriġ ta' jumejn għall-maniġers l-aktar esposti (esperti ta' proġetti li jaħdmu b'mod parallel fuq l-oqsma ta' interess/rilevanza għall-Istat Membru tal-LAS); (c) taħriġ prattiku ta' jumejn għall-persunal fuq il-post (esperti ta' proġetti li jaħdmu b'mod parallel fuq l-oqsma ta' interess/rilevanza għall-Istat Membru tal-LAS).
F'każ ta' żjarat multipli, il-proġett ifittex li jsaħħaħ is-sjieda nazzjonali billi jespandi u jsaħħaħ it-taħriġ ipprovdut matul l-ewwel żjara, speċjalment fl-oqsma identifikati mill-Istat Membru tal-LAS ospitanti bħala prijoritajiet ewlenin.
3.4.3. Riżultati tal-azzjoni: L-impatt tas-sessjonijiet ta' taħriġ ikun ivvalutat sabiex jiġi ddeterminat sa fejn intlaħqu objettivi ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-proġett.
3.5. Assistenza leġislattiva
3.5.1. Objettiv: Tiġi vvalutata l-leġislazzjoni relatata mal-armi ħfief fl-Istati Membri tal-LAS li jitolbu tali assistenza; jiġu identifikati l-emendi u r-reviżjonijiet leġislattivi possibbli (oqsma prijoritarji 1 sa 4).
3.5.2. Attivitajiet: riċerka dokumentattiva u kuntatt mal-Istat Membru rikjedenti tal-LAS; żjara fuq il-post (ġimgħa); u rapport ta' segwitu u kuntatt mal-Istat Membru rikjedenti tal-LAS.
3.5.3. Riżultati tal-azzjoni: Produzzjoni ta' rapport qasir, kunfidenzjali għall-Istat Membru tal-LAS, li jidentifika emendi u reviżjonijiet leġislattivi possibbli.
3.6. Għoti ta' informazzjoni bl-Għarbi
3.6.1. Objettiv: Jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-Istati Membri tal-LAS għal informazzjoni indipendenti u affidabbli bl-Għarbi dwar l-armi ħfief u l-vjolenza armata (qasam prijoritarju 5).
3.6.2. Attivitajiet: Traduzzjoni għall-Għarbi ta' pubblikazzjonijiet u dokumenti ewlenin (rapporti ppubblikati, linji gwida dwar l-aħjar prattiki, eċċ.). Eżempji jistgħu jinkludu il-Gwida ta' Small Arms Survey għall-Proċess tan-NU dwar l-Armi Ħfief u l-Matriċi tas-Sigurtà Fiżika u l-Ġestjoni tal-kumulu tal-Ħażniet (PSSM) tiegħu.
3.6.3. Riżultati tal-azzjoni: Riżultati speċifiċi jistgħu jinkludi t-traduzzjoni ta' kotba, rapporti u dokumenti ta' tagħrif importanti, kif ukoll il-produzzjoni ta' podcasts u blog posts bl-Għarbi. Din l-azzjoni tkun tirriżulta f'żieda sinifikanti fid-disponibbiltà ta' informazzjoni indipendenti u affidabbli bil-lingwa Għarbija dwar l-armi ħfief u l-vjolenza armata.
3.7. Koordinazzjoni reġjonali: laqgħa konklużiva fil-Kajr
3.7.1. Objettiv: Evalwazzjoni tal-proġett u l-pjan għal kooperazzjoni futura (oqsma prijoritarji 1 sa 5).
3.7.2. Attivitajiet: Laqgħa ta' jumejn fil-Kajr fi tmiem il-proġett, immirata lejn l-uffiċjali għolja tal-Istati Membri tal-LAS u l-persunal tal-LAS responsabbli għal kwistjonijiet relatati mal-proġett.
3.7.3. Riżultati tal-azzjoni: Diskussjoni u evalwazzjoni tal-proġett; elaborazzjoni ta' pjanijiet għal kooperazzjoni futura dwar il-kontroll ta' armi ħfief; produzzjoni ta' rapport ta' sinteżi tal-laqgħa.
3.8. Monitoraġġ u evalwazzjoni tal-proġett
3.8.1. Objettiv: Jiġi żgurat li l-proġett ikun issodisfa l-objettivi sostantivi tiegħu, u li l-infiq tal-proġett ikun sar skont il-baġit maqbul.
3.8.2. Attivitajiet: Sabiex jitkejlu l-impatti tad-diversi komponenti tal-proġett, il-proġett ser jinkludi kemm mekkaniżmu intern ta' monitoraġġ kif ukoll wieħed estern. Il-mekkaniżmu intern ta' monitoraġġ ser jitmexxa mill-ispeċjalist fil-ġestjoni bbażata fuq ir-riżultati (RBM) residenti, bl-appoġġ tal-persunal tal-proġett. L-evalwazzjoni esterna ser tinvolvi r-reklutaġġ ta' tim estern ta' evalwazzjoni li ser jivvjaġġa lejn il-Kajr għal-laqgħa ta' jumejn fi tmiem il-proġett, stati parteċipanti magħżula tal-Istati Membri tal-LAS (sa 8) u l-kwartieri tal-implimentaturi ewlenin tal-proġett Small Arms Survey, l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' Pulizija Kriminali u l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali. Il-proġett ser jinkludi wkoll awditu finanzjarju skont ir-rekwiżiti tal-Unjoni.
3.8.3. Riżultati tal-azzjoni: Tlestija ta' valutazzjoni tal-impatti tal-proġett; tlestija tal-awditu finanzjarju.
4. Implimentazzjoni ta' aġenziji u sħubiji
Is-Small Arms Survey (“SAS”), ċentru ta' riċerka li jinsab fil-Graduate Institute of International and Development Studies f'Ġinevra, l-Iżvizzera, ser ikun l-aġenzija ta' implimentazzjoni ewlenija. Fl-implimentazzjoni tal-proġett, L-SAS ser jibbaża ruħu, b'mod partikolari, fuq il-kontributi tal-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' Pulizija Kriminali (Interpol) u l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO). L-Interpol ser ikollha r-responsabbiltà prinċipali għall-oqsma prijoritarji 2.2 u 2.3 (tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-aġenziji tal-infurzar tal-liġi), id-WCO għall-oqsma prijoritarji 1 u 2.1 (kontrolli internazzjonali tat-trasferimenti, inkluż kontrolli fuq il-fruntieri).
Skont il-ħtieġa, L-SAS jissottokuntratta lil organizzazzjonijiet oħra biex jassistu b'komponenti oħrajn tal-proġett (possibbilment ukoll il-komponent dwar il-ġestjoni u s-sigurtà tal-kumulu tal-ħażniet). Skont il-ħtiġijiet u l-preferenzi ta' Stati Membri tal-LAS parteċipanti, organizzazzjonijiet oħra, inkluż organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll ċerti aġenziji speċjalizzati tal-LAS, jistgħu wkoll jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-proġett.
L-aġenziji ta' implimentazzjoni ser jikkoordinaw ukoll mal-organizzazzjonijiet governattivi u nongovernattivi li jaħdmu fl-Istati Membri tal-LAS, kif ukoll kwalunkwe programm tal-Unjoni bi preżenza hemmhekk, sabiex jiġi żgurat li l-attivitajiet kollha mwettqa fi ħdan il-qafas tal-proġett jikkomplementaw u jibnu fuq inizjattivi eżistenti.
L-SAS u s-sħab ta' implimentazzjoni tiegħu ser jieħdu wkoll miżuri xierqa biex tiġi żgurata l-viżibbiltà tal-proġett skont il-linji gwida tal-Unjoni.
5. Tul ta' żmien
Il-proġett huwa previst li jdum 24 xahar. Skont l-interess tal-Istati Membri tal-LAS u l-finanzjament disponibbli, l-estensjoni tal-proġett lil hinn mill-perijodu inizjali ta' sentejn tkun tippermetti t-tkomplija u l-konsolidazzjoni tal-isforzi ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet imwettqa fil-fażi inizjali tal-proġett. Pereżempju, it-taħriġ ipprovdut lil Stat Membri tal-LAS partikolari fil-fażi inizjali jista' jiġi ripetut, estiż u ttestjat, bl-involviment ta' firxa usa' ta' persunal, sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà. L-Istati Membri tal-LAS li ma jirċevux it-taħriġ jew l-assistenza leġislattiva kollha li jkunu fittxew fl-ewwel fażi tal-proġett jistgħu jirċevuhom fit-tieni waħda. L-Istati Membri tal-LAS li identifikaw ħtiġijiet jew prijoritajiet ġodda fir-rigward tal-kontroll tal-armi abbażi, pereżempju, tal-kapaċitajiet miksuba fl-ewwel fażi tal-proġett, jistgħu jirċievu assistenza f'dawn l-oqsma fit-tieni fażi.