16.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 288/10


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1732

tat-30 ta' Ottubru 2018

li twaqqaf is-Sistema tal-Osservazzjoni tal-Blata Tettonika Ewropea — Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (EPOS ERIC)

(notifikata bid-dokument C(2018) 7011)

(It-testi bid-Daniż, l-Olandiż, l-Ingliż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, it-Taljan, il-Portugiż u s-Sloven biss huma awtentiċi)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal-25 ta' Ġunju 2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (ERIC) (1), u b'mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 6(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Belġju, id-Danimarka, Franza, l-Italja, in-Netherlands, in-Norveġja, il-Portugall, is-Slovenja, u r-Renju Unit talbu lill-Kummissjoni tistabbilixxi s-Sistema tal-Osservazzjoni tal-Blata Tettonika Ewropea - Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (EPOS ERIC). Il-Greċja, l-Iżlanda u l-Iżvizzera għarrfu bid-deċiżjoni tagħhom li jipparteċipaw f'EPOS ERIC inizjalment bħala osservaturi. Huma qablu li l-Italja tkun l-Istat Membru ospitanti tal-EPOS ERIC.

(2)

Billi fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit innotifika li beħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea, b'konformità mal-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattati mhux se jibqgħu japplikaw għar-Renju Unit minn meta jidħol fis-seħħ il-ftehim dwar l-irtirar jew, jekk dan ma jsirx, wara sentejn min-notifika, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi qbil mar-Renju Unit, ma jiddeċidix li jestendi dak il-perjodu. B'konsegwenza ta' dan, wara d-data tal-irtirar, u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni tal-ftehim dwar l-irtirar, għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni r-Renju Unit se jitqies bħala pajjiż terz skont it-tifsira tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 723/2009 ġie inkorporat fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) permezz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 72/2015 (2).

(4)

Il-Kummissjoni vvalutat l-applikazzjoni skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009 u kkonkludiet li din tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f'dak ir-Regolament.

(5)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 723/2009,

ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Titwaqqaf is-Sistema tal-Osservazzjoni tal-Blata Tettonika Ewropea - Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka “EPOS ERIC”.

2.   L-elementi essenzjali tal-Istatuti tal-EPOS ERIC huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, lir-Renju tad-Danimarka, lir-Repubblika Ellenika, lir-Repubblika Franċiża, lill-Iżlanda, lir-Repubblika Taljana, lir-Renju tan-Netherlands, lir-Renju tan-Norveġja, lir-Repubblika Portugiża, lir-Repubblika tas-Slovenja, lill-Konfederazzjoni Żvizzera u lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta' Fuq.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Ottubru 2018.

Għall-Kummissjoni

Carlos MOEDAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 206, 8.8.2009, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 72/2015 tal-20 ta' Marzu 2015 li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet (2016/755) (ĠU L 129, 19.5.2016, p. 85).


ANNESS

ELEMENTI ESSENZJALI TAL-ISTATUTI TAL-EPOS ERIC

L-Artikoli u l-paragrafi tal-Artikoli li ġejjin tal-Istatuti tal-EPOS ERIC jipprevedu l-elementi essenzjali skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009.

1.   Kompiti u Attivitajiet

(l-Artikolu 3 tal-Istatuti tal-EPOS ERIC)

1.

Il-kompitu prinċipali tal-EPOS ERIC għandu jkun li jistabbilixxi u jopera s-Sistema tal-Osservazzjoni tal-Blata Tettonika Ewropea distribwita u jipprovdi qafas ta' ġestjoni effikaċi li jmexxi l-integrazzjoni u l-koordinazzjoni tas-Servizzi ta' Qofol Tematiċi (TCS) kif ukoll jibni u jipprovdi governanza għas-Servizzi ta' Qofol Integrati (ICS).

2.

L-EPOS ERIC għandu jwettaq l-attivitajiet li ġejjin:

(a)

jimplimenta t-TCS għall-komunitajiet differenti li jikkontribwixxu lejn l-EPOS;

(b)

jiżgura l-koordinazzjoni tat-TCS fi ħdan EPOS ERIC, li tkopri l-aspetti finanzjarji, legali u ta' governanza, u l-konnessjoni teknika mal-ICS;

(c)

jiżviluppa l-ICS li jipprovdi l-interoperabbiltà, il-ġestjoni tad-data u l-aċċess għas-servizzi;

(d)

jarmonizza l-implimentazzjoni tal-EPOS mal-prijoritajiet u l-istrateġiji nazzjonali;

(e)

jintegra l-EPOS fil-komunità xjentifika globali biex jissaħħu s-servizzi tal-EPOS;

(f)

jiżgura l-isfruttament sħiħ tal-kisba tal-infrastruttura ġdida għar-riċerka;

(g)

irawwem it-taħriġ, is-sensibilizzazzjoni u l-kooperazzjoni internazzjonali;

(h)

jipparteċipa fi proġetti ffinanzjati mill-UE;

(i)

kull azzjoni relatata oħra meħtieġa biex jilħaq il-mira tiegħu.

3.

L-EPOS ERIC għandu jwettaq il-kompitu prinċipali tiegħu fuq bażi mhix ekonomika. L-EPOS ERIC jista' jwettaq attivitajiet ekonomiċi limitati, bil-kundizzjoni li jkunu marbuta mill-qrib mal-kompitu prinċipali tiegħu u li ma jippreġudikawx il-kisba tiegħu.

4.

L-EPOS ERIC għandu jżomm rendikont tal-ispejjeż u l-introjtu tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu separatament u għandu jitlob prezzijiet tas-suq għalihom, jew, jekk dawn il-prezzijiet ma jkunux jistgħu jiġu aċċertati, l-ispejjeż totali b'marġni raġonevoli. Dawn l-attivitajiet ma għandhomx jiġu koperti minn eżenzjonijiet tat-taxxa.

2.   Sede statutorja tal-EPOS ERIC

(l-Artikolu 2(3) tal-Istatuti tal-EPOS ERIC)

L-EPOS ERIC għandu jkollu s-sede statutorja tiegħu f'Ruma, l-Italja.

3.   Isem

(l-Artikolu 2(1) tal-Istatuti tal-EPOS ERIC)

Is-Sistema tal-Osservazzjoni tal-Blata Tettonika Ewropea hi stabbilita bħala Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (ERIC) skont ir-Regolament (KE) Nru 723/2009, bl-isem u minn hawn 'il quddiem imsejħa “EPOS-ERIC”.

4.   Durata

(l-Artikolu 26 tal-Istatuti tal-EPOS ERIC)

EPOS-ERIC għandu jiġi stabbilit għal perjodu inizjali ta' għoxrin sena. Dak il-perjodu jista' jiġi estiż b'deċiżjoni ta' maġġoranza ta' żewġ terzi tal-Assemblea Ġenerali.

5.   Stralċ

(l-Artikolu 27 tal-Istatuti tal-EPOS ERIC)

1.

L-istralċ tal-EPOS-ERIC għandu jiġi deċiż mill-Assemblea Ġenerali, b'konformità mal-Artikolu 10 tal-Istatuti.

2.

Mingħajr dewmien bla bżonn u fi kwalunkwe eventwalità fi żmien għaxart ijiem mill-adozzjoni tad-deċiżjoni biex jiġi stralċat l-EPOS ERIC, l-EPOS ERIC għandu jinnotifika lill-Kummissjoni Ewropea dwar id-deċiżjoni.

3.

L-assi li jibqgħu wara l-ħlas tad-djun tal-EPOS ERIC għandhom jitqassmu bejn il-membri skont il-kontribuzzjoni annwali akkumulata tagħhom lill-EPOS-ERIC kif speċifikat fl-Artikolu 9 tal-Istatuti.

4.

Mingħajr dewmien bla bżonn, u fi kwalunkwe każ fi żmien għaxart ijiem mill-għeluq tal-proċedura ta' stralċ, l-EPOS ERIC għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar dan.

5.

L-EPOS ERIC għandu jieqaf jeżisti fil-jum li fih il-Kummissjoni Ewropea tippubblika n-notifika korrispondenti f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

6.   Responsabbiltà

(l-Artikolu 18 tal-Istatuti tal-EPOS ERIC)

1.

L-EPOS ERIC għandu jkun responsabbli għad-djun tiegħu.

2.

Il-membri, b'mod konġunt, mhumiex responsabbli għad-djun tal-EPOS ERIC. Ir-responsabbiltà finanzjarja tal-membri u l-osservaturi permanenti għad-djun ta' EPOS ERIC għandha tkun limitata għall-kontribuzzjoni rispettiva tagħhom ipprovduta lil EPOS ERIC kif speċifikat fl-Artikolu 9 tal-Istatuti.

3.

L-EPOS-ERIC għandu jkollu assigurazzjoni xierqa li tkopri r-riskji speċifiċi għall-bini u l-operat tal-EPOS-ERIC.

7.   Politika tal-Aċċess

(l-Artikolu 19 tal-Istatuti tal-EPOS ERIC)

1.

Il-politika tal-aċċess għad-data tal-EPOS ERIC għandha ssegwi l-aħjar prattiki internazzjonali fir-rigward tad-data pubblika, bħal dawk stabbiliti mill-Unjoni Ewropea, u għandha tirrikonoxxi d-drittijiet tas-sidien tad-data.

2.

L-EPOS ERIC għandu jiffaċilita r-riċerka, u għandu, bħala regola ġenerali, jħeġġeġ l-aċċess miftuħ skont il-prinċipji FAIR għad-data tar-riċerka, il-prodotti tad-data, is-servizzi u softwer, kif ukoll il-faċilitajiet tar-riċerka.

3.

Fejn ikun hemm xi differenzi fil-politiki relatati mal-qsim tad-data u r-regoli tal-aċċess fiżiku, l-EPOS ERIC se jinkoraġġixxi kultura ta' qsim ta' esperjenzi u l-kondiviżjoni tar-riċerka pubblika fi ħdan il-komunitajiet u fi ħdan il-membri, l-osservaturi u lil hinn. L-aċċess għandu jkun ibbażat fuq kriterji, proċedura u modalitajiet li jsegwu l-prinċipji ta' aċċess miftuħ, kif jiddefinixxu r-Regoli ta' Implimentazzjoni tal-EPOS ERIC.

4.

Il-proċeduri u l-kriterji tal-evalwazzjoni għandhom ikunu magħmula disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tal-EPOS ERIC.

8.   Politika ta' Evalwazzjoni Xjentifika

(l-Artikolu 20 tal-Istatuti tal-EPOS ERIC)

L-attivitajiet tal-EPOS-ERIC għandhom jiġu evalwati kull ħames (5) snin minn bord independenti ta' evalwaturi esterni internazzjonali tal-ogħla kwalità, maħtura mill-Assemblea Ġenerali u li jirrapportaw lilha; il-bord għandu jwettaq evalwazzjonijiet xjentifiċi tal-attivitajiet tal-EPOS ERIC.

9.   Politika tat-Tixrid

(l-Artikolu 21 tal-Istatuti tal-EPOS ERIC)

1.

L-EPOS ERIC għandu jinkoraġġixxi lir-riċerkaturi biex jagħmlu r-riżultati tar-riċerka tagħhom disponibbli għall-pubbliku wkoll permezz tal-EPOS ERIC.

2.

L-EPOS ERIC għandu juża diversi mezzi biex jilħaq l-udjenzi fil-mira, inkluż portal tal-Internet, rapport informali, workshops, preżenza f'konferenzi, artikli f'rivisti u l-midja tal-aħbarijiet.

10.   Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali

(l-Artikolu 22 tal-Istatuti tal-EPOS ERIC)

1.

It-terminu “Proprjetà Intellettwali” (IP) għandu jinftiehem skont l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li Tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali ffirmata fl-14 ta' Lulju 1967.

2.

Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tad-data tal-EPOS ERIC u għarfien ieħor prodott u żviluppat fi ħdan l-attivitajiet tal-EPOS ERIC għandhom jappartjenu lill-entità/ajiet jew lill-persuna/i li jkunu ġġenerawhom.

3.

L-iskambju u l-integrazzjoni tal-proprjetà intellettwali bejn il-Membri jew l-entitajiet rappreżentanti għandhom ikunu soġġetti għar-Regoli ta' Implimentazzjoni approvati mill-Assemblea Ġenerali. Ir-Regoli ta' Implimentazzjoni għandhom jindirizzaw ukoll it-termini tal-kunfidenzjalità tad-data skambjata.

4.

Il-proprjetà intellettwali ġġenerata b'riżultat tal-attivitajiet iffinanzjati esklussivament mill-EPOS ERIC għandha tkun il-proprjetà tal-EPOS ERIC.

5.

L-EPOS ERIC għandu jkun konformi mal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza.

11.   Politika tal-Impjiegi

(l-Artikolu 23 tal-Istatuti tal-EPOS ERIC)

1.

Il-politika tal-impjiegi tal-EPOS ERIC għandha tkun irregolata mil-liġijiet tal-pajjiż li fih il-persunal huwa impjegat u abitwalment iwettaq ħidmietu.

2.

Il-proċeduri tal-għażla, ir-reklutaġġ u l-impjieg tal-pożizzjonijiet tal-persunal tal-EPOS ERIC għandhom ikunu trasparenti u nondiskriminatorji, filwaqt li għandhom jirrispettaw l-opportunitajiet indaqs. Il-pożizzjonijiet vakanti kollha fl-EPOS ERIC għandhom jitħabbru pubblikament.

12.   Politika tal-Akkwist

(l-Artikolu 24 tal-Istatuti tal-EPOS ERIC)

1.

L-EPOS ERIC għandu jittratta l-kandidati tal-akkwisti u lill-offerenti b'mod ugwali u mingħajr diskriminazzjoni. Il-politika dwar l-akkwist tal-EPOS ERIC għandha tirrispetta l-prinċipji tat-trasparenza, tan-nondiskriminazzjoni u tal-kompetizzjoni. Regoli dettaljati u kriterji dwar il-proċeduri tal-akkwist għandhom jiġu stabbiliti fir-Regoli ta' Implimentazzjoni.

2.

L-akkwist minn membri u minn osservaturi li jikkonċerna l-attivitajiet tal-EPOS ERIC għandu jsir b'tali mod li tingħata l-kunsiderazzjoni dovuta lill-ħtiġijiet, lir-rekwiżiti tekniċi u lill-ispeċifikazzjonijiet tal-EPOS ERIC maħruġa mill-korpi rilevanti.