13.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 285/97


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1703

tat-12 ta' Novembru 2018

li ttemm ir-rieżami interim parzjali dwar l-importazzjonijiet ta' nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(3) tiegħu,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Investigazzjonijiet preċedenti u miżuri antidumping eżistenti

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2022/95 (2), il-Kunsill impona dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' nitrat tal-ammonju li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 3102 30 90 u 3102 40 90 u li joriġinaw mir-Russja. Skont investigazzjoni ulterjuri, li stabbilixxiet li d-dazju kien qed jiġi assorbit, il-miżuri kienu emendati bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 663/98 (3). Wara l-ewwel rieżami ta' skadenza u l-ewwel rieżami interim skont l-Artikoli 11(2) u 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 (4), il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 658/2002 (5), impona dazju definittiv antidumping fil-pajjiż kollu ta' EUR 47,07 kull tunnellata fuq importazzjonijiet ta' nitrat tal-ammonju li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 3102 30 90 u 3102 40 90 u li joriġinaw mir-Russja. Sussegwentement, sar rieżami interim tal-kamp ta' applikazzjoni tal-prodott skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 u, permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 945/2005 (6), kien impost dazju definittiv antidumping li jvarja bejn EUR 41,42 kull tunnellata u EUR 47,07 kull tunnellata fuq l-importazzjonijiet ta' fertilizzanti solidi li joriġinaw mir-Russja b'kontenut ta' nitrat tal-ammonju li jeċċedi 80 % tal-piż, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 3102 30 90, 3102 40 90, ex 3102 29 00, ex 3102 60 00, ex 3102 90 00, ex 3105 10 00, ex 3105 20 10, ex 3105 51 00, ex 3105 59 00 u ex 3105 90 20.

(2)

Wara t-tieni rieżami ta' skadenza u t-tieni rieżami interim parzjali skont l-Artikoli 11(2) u 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 384/96, il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 661/2008 (7), żamm il-miżuri fis-seħħ. Id-dazju ma nbidilx, ħlief għall-grupp EuroChem, li għalih l-ammont fiss ta' dazju kien stabbilit bejn EUR 28,88 u EUR 32,82 għal kull tunnellata.

(3)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”), permezz tad-Deċiżjoni 2008/577/KE (8), aċċettat l-offerti tal-impenji b'limitu kwantitattiv mill-produtturi Russi JSC Acron u JSC Dorogobuzh, membri ta' Acron Holding Company u l-grupp EuroChem. Bid-Deċiżjoni 2012/629/UE (9), il-Kummissjoni rtirat l-aċċettazzjoni tagħha tal-impenn offrut mill-grupp EuroChem minħabba l-imprattikabbiltà ta' dan l-impenn.

(4)

Permezz ta' sentenza tal-10 ta' Settembru 2008 (10), interpretata b'sentenza tad-9 ta' Lulju 2009 (11), il-Qorti Ġenerali annullat ir-Regolament (KE) Nru 945/2005 f'dak li kien jikkonċerna JSC Kirovo-Chepetsky Khimichesky Kombinat, parti minn OJSC UCC UralChem. Il-Kunsill, bir-Regolament (KE) Nru 989/2009 (12), emenda r-Regolament (KE) Nru 661/2008 skont dan. Konsegwentement, id-dazju antidumping ta' EUR 47,07 għal kull tunnellata għall-kumpanija Kirovo japplika biss għal importazzjonijiet ta' nitrat tal-ammonju li attwalment jaqgħu fil-kodiċijiet NM 3102 30 90 u 3102 40 90.

(5)

Wara t-tielet rieżami ta' skadenza skont l-Artikoli 11(2) u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (13), il-Kummissjoni, permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 999/2014 (14), żammet il-miżuri fis-seħħ.

(6)

Il-Kummissjoni, bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/415 (15), irrevokat l-aċċettazzjoni tal-impenn għal Acron Holding Company minħabba l-imprattikabbiltà ta' dan l-impenn.

(7)

Acron Holding Company bħalissa hi soġġetta għad-dazju antidumping applikabbli għall-pajjiż sħiħ rata li jvarja bejn EUR 41,42 għal kull tunnellata u EUR 47,07 għal kull tunnellata skont it-tip ta' prodott.

2.   Talba għal rieżami interim parzjali limitat għad-dumping

(8)

F'April 2016, il-Kummissjoni rċeviet talba għal rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, ippreżentata minn żewġ produtturi esportaturi Russi, PJSC Acron u PJSC Dorogobuzh u l-kumpanija kummerċjali affiljata magħhom Agronova Europe AG, mill-Iżvizzera (flimkien imsemmija bħala “il-grupp Acron” jew “l-applikant” jew “il-produttur esportatur”). It-talba kienet limitata fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha għall-eżami tad-dumping li jikkonċerna l-grupp Acron. Il-grupp Acron ipprovda evidenza prima facie suffiċjenti li l-kontinwazzjoni tal-impożizzjoni tal-miżura fil-livell attwali tagħha ma għadhiex meħtieġa biex tagħmel tajjeb għad-dumping dannuż.

3.   Bidu ta'rieżami interim parzjali limitat għad-dumping

(9)

Meta stabbiliet, wara li infurmat lill-Istati Membri, li hemm biżżejjed provi li jiġġustifikaw il-bidu ta' rieżami interim parzjali limitat għall-eżami ta' dumping sa fejn għandu x'jaqsam l-applikant, il-Kummissjoni fis-17 ta' Awwissu 2017, permezz ta' avviż ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (16) (“in-Notifika ta' Bidu”), ħabbret il-bidu ta' rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

(10)

Il-Kummissjoni infurmat uffiċjalment l-applikant, lill-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur u lill-industrija tal-Unjoni bil-bidu tal-investigazzjoni ta' rieżami interim parzjali. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità jippreżentaw l-opinjoni tagħhom bil-miktub u li jinstemgħu.

(11)

Fl-istess jum, il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta' Notifika ta' Bidu (17), il-bidu ta' rieżami parzjali ieħor tal-miżuri antidumping applikabbli għal importazzjonijiet tan-nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja, limitat għall-eżami ta' dannu skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

4.   Investigazzjoni

(12)

Biex tkun tista' tikseb l-informazzjoni meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-grupp Acron. Waslu tweġibiet fi żmien l-iskadenza stipulata għal dan il-għan.

(13)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa għad-determinazzjoni tad-dumping. Twettqu żjarat ta' verifika fil-bini tal-grupp Acron, notevolment PJSC Acron u PJSC Dorogobuzh u l-kummerċjant relatat magħhom Agronova Europe AG fl-Iżvizzera. Mill-5 ta' Jannar 2018 Agronova Europe AG biddlet isimha għal Acron Switzerland AG.

5.   Il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami

(14)

L-investigazzjoni tal-livell ta' dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta' Lulju 2016 sat-30 ta' Ġunju 2017 (“il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami”).

B.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

6.   Il-prodott ikkonċernat

(15)

Il-prodott taħt rieżami huwa fertilizzanti solidi b'kontenut tan-nitrat tal-ammonju li jaqbeż it-80 % skont il-piż li joriġinaw fir-Russja (“il-prodott ikkonċernat”), li bħalissa jaqa' taħt il-kodiċijiet NM 3102 30 90, 3102 40 90, ex 3102 29 00, ex 3102 60 00, ex 3102 90 00, ex 3105 10 00, ex 3105 20 10, ex 3105 51 00, ex 3105 59 00 u ex 3105 90 20.

7.   Prodott simili

(16)

Il-prodott ikkonċernat u l-prodott manifatturat u mibjugħ mill-grupp Acron domestikament, fis-suq tal-Unjoni kif ukoll fis-swieq tal-esportazzjoni l-oħra jikkondividu l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi.

(17)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li dawn il-prodotti huma simili fis-sens tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

C.   IN-NATURA PERMANENTI TAĊ-ĊIRKUSTANZI MIBDULA

(18)

Skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk iċ-ċirkustanzi li fuq il-bażi tagħhom ġie stabbilit il-marġni ta' dumping attwali nbidlux u jekk tali tibdil huwiex ta' natura permanenti.

(19)

Il-gass huwa l-aktar materja prima importanti għal nitrat tal-ammonju li jirrappreżenta iktar minn 60 % tal-kost totali tal-produzzjoni. B'mod simili għall-investigazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni sabet li l-prezzijiet tal-gass fir-Russja huma rregolati mill-Istat permezz ta' liġijiet federali u ma jirriflettux kundizzjonijiet normali tas-suq, fejn il-prezzijiet huma prinċipalment stabbiliti mill-ispejjeż tal-produzzjoni u aspettativi ta' qligħ.

(20)

Il-Kummissjoni ma tistax tikkwalifika bidliet fil-prezzijiet tal-materja prima domestika bħala dejjiema minħabba li tali bidliet huma normalment ir-riżultat ta' forzi tas-suq volatili. F'kwalunkwe każ, il-Kummissjoni sabet li l-prezzijiet tal-gass fir-Russja kienu regolati mill-Istat permezz ta' liġijiet federali u ma kinux jirriflettu l-kundizzjonijiet normali tas-suq, fejn il-prezzijiet huma prinċipalment stabbiliti mill-ispejjeż tal-produzzjoni u aspettativi ta' qligħ. Il-prezzijiet tal-gass stabbiliti mill-Istat huma direttament applikabbli għal kumpaniji tal-istat, bħal Gazprom. Gazprom hija l-akbar fornitur tal-gass fil-pajjiż b'sehem fis-suq li jaqbeż il-50 % u għalhekk hija taġixxi bħala l-entità li tistabbilixxi l-prezz. Fuq din il-bażi, din is-sitwazzjoni hija simili għal dik li pprevaliet f'investigazzjonijiet preċedenti. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li ċ-ċirkustanzi fir-rigward tas-suq tal-gass fir-Russja ma nbidlux u, bħala riżultat, li modifika tal-miżuri skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku mhijiex iġġustifikata fuq dik il-bażi.

(21)

Fit-talba għal rieżami, l-applikant qajjem xi allegazzjonijiet ulterjuri bħal irtirar tal-impriża tiegħu, ir-riorganizzazzjoni interna fi ħdan il-grupp Acron, l-adeżjoni tar-Russja mad-WTO u fluttwazzjonijiet fir-rata tal-munita tal-kambju. Ir-rilevanza ta' dawn l-allegazzjonijiet għall-marġni ta' dumping jew għan-natura dejjiema allegata taċ-ċirkostanzi madankollu ma setgħux jiġu vverifikati b'mod ċar. B'mod partikolari, l-applikant naqas milli jipprovdi evidenza sodisfaċenti li l-prezz tiegħu tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni nbidel minħabba l-irtirar tal-impenn. B'mod simili, ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza sodisfaċenti li turi li r-riorganizzazzjoni interna fi ħdan il-grupp Acron irriżultat f'bidla fil-valur normali/fil-prezzijiet tal-bejgħ domestiku. L-applikant naqas ukoll milli jipprovdi evidenza ta' kif l-adeżjoni tar-Russja fid-WTO kellha impatt fuq il-marġni ta' dumping. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-fluttwazzjonijiet tal-kambju ma jikkostitwux bidla ta' natura dejjiema billi huma influwenzati minn diversi forzi tas-suq u għandhom tendenza li jvarjaw maż-żmien.

(22)

Wara d-divulgazzjoni, fl-ewwel lok, l-applikant allega li l-Kummissjoni naqset milli tiżvela l-elementi kollha rigward il-kalkolu tal-marġni ta' dumping tal-applikant u li dak jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

(23)

F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li l-applikant kien irċieva d-Dokument ta' Divulgazzjoni Ġenerali bid-dettalji kollha tal-kunsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni ddeċidiet li ttemm din l-investigazzjoni. Dan ippermetta lill-applikant li jeżerċita d-drittijiet ta' difiża tiegħu b'mod sħiħ. Minħabba li l-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm bdil fiċ-ċirkostanzi ta' natura dejjiema li jiġġustifikaw il-kalkolu mill-ġdid tal-marġni ta' dumping tal-applikant, l-argument dwar kwalunkwe possibilità ta' kalkolu żbaljat tal-marġni ta' dumping sar irrilevanti. Għaldaqstant, din l-allegazzjoni ġiet miċħuda.

(24)

It-tieni, l-applikant ikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tan-nuqqas ta' bidliet ta' natura permanenti li jista' jkollhom impatt fuq il-marġni ta' dumping.

(25)

L-applikant iddikjara li l-aħħar darba li l-marġni individwali tad-dumping tiegħu kien stabbilit kien fl-2008, meta r-Russja kienet għadha ma sseħbitx fid-WTO. Il-marġni ta' dumping dak iż-żmien ġie kkalkulat bl-użu tal-metodoloġija tal-aġġustament tal-kost tal-gass li kienet iġġustifikata permezz tal-konklużjoni li l-prezzijiet domestiċi għall-gass naturali fir-Russja kienu regolati u ma setgħux jitqiesu bħala li jirriflettu b'mod raġonevoli prezz li normalment jitħallas fi swieq mingħajr distorsjoni. Fl-2012, madankollu, ir-Russja ssieħbet mad-WTO u għamlet impenji biex tiżgura li l-produtturi/distributuri tal-gass naturali tal-Federazzjoni Russa joperaw, fi ħdan il-qafas regolatorju rilevanti, fuq il-bażi ta' kunsiderazzjonijiet kummerċjali normali, abbażi tal-irkupru tal-ispejjeż u l-qligħ. Dawn l-impenji ġew inkorporati fil-Protokoll tal-Adeżjoni tal-Federazzjoni Russa mad-WTO tas-17 ta' Diċembru 2011.

(26)

F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li l-għan ta' din l-investigazzjoni mhuwiex li tistabbilixxi jekk is-sistema regolatorja attwali tal-gass naturali ta' Russja hijiex konsistenti mal-impenji tagħha għad-WTO. Il-Kummissjoni ma tieħu l-ebda pożizzjoni f'dan ir-rigward. Pjuttost, l-objettiv ta' investigazzjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Bażiku huwa li jiddetermina jekk hemmx bidla permanenti fiċ-ċirkustanzi li tiġġustifika l-kalkolu mill-ġdid tad-dazju antidumping għall-applikant. Madankollu, wara li eżaminat il-kundizzjonijiet tas-suq tal-gass naturali fir-Russja matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami, il-Kummissjoni kkonkludiet fuq il-bażi tas-sejbiet deskritti fil-premessa 20, li s-suq tal-gass naturali fir-Russja għad għandu distorsjoni.

(27)

Il-fatt li r-Russja ħadet għadd ta' impenji meta ssieħbet mad-WTO u li l-ebda soluzzjoni tat-tilwim ma ġiet imnedija għal nuqqas ta' konformità ma jbiddilx din il-valutazzjoni. Il-konklużjoni tal-Kummissjoni kienet ibbażata fuq l-investigazzjoni u l-evidenza li kellha. Il-membri tad-WTO għandhom marġni ta' diskrezzjoni politika biex idaħħlu jew li jastjenu milli jippreżentaw kawżi quddiem id-WTO. In-nuqqas ta' kawżi rigward ir-Russja għal ksur tal-impenji tagħha għalhekk ma jwassalx awtomatikament għal konklużjoni li tali distorsjoni ma teżistix.

(28)

It-tielet, l-applikant allega wkoll li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-prezzijiet tal-gass fir-Russja żdiedu sostanzjalment u kontinwament matul l-aħħar 14-il sena u aktar minn irdoppjaw mill-investigazzjoni ta' rieżami interim, meta l-marġni ta' dumping tal-grupp Acron kien l-aħħar ikkalkulat mill-ġdid. Intqal li ż-żieda fil-prezzijiet domestiċi tal-gass qatt ma ġiet ikkunsidrata mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-applikant kkontesta li Gazprom tista' taġixxi bħala l-“entità li tistabbilixxi l-prezz” fis-suq domestiku Russu.

(29)

Kif il-Kummissjoni nnotat fil-premessa 20 hawn fuq, il-prezz tas-suq domestiku tal-gass naturali għadu distort u l-fatt li l-prezzijiet żdiedu f'dawn l-aħħar 14-il sena ma jikkontradixxix dik il-valutazzjoni. Rigward il-pożizzjoni fis-suq ta' Gazprom, il-Kummissjoni sabet li minħabba s-sehem mis-suq u l-pożizzjoni prominenti tagħha, Gazprom taġixxi bħala l-entità li tistabbilixxi l-prezz tas-suq tal-gass domestiku Russu. Dan huwa rikonoxxut ukoll fir-rapport annwali ta' Novatek, wieħed mill-fornituri indipendenti tal-gass (18).

(30)

Ir-raba', l-applikant allega li l-Kummissjoni ma tatx kas ta' evidenza li huwa ppreżenta rigward il-bidliet allegati fl-istruttura tal-ispejjeż tal-industrija tal-Unjoni. B'mod partikolari, il-Kummissjoni allegatament injorat l-effett tax-xejra ta' ekwalizzazzjoni tal-prezzijiet tal-gass skont liema l-prezzijiet għal gass naturali fornut minn Gazprom lejn l-Unjoni naqsu għall-benefiċċju tal-membri tal-industrija tal-Unjoni.

(31)

Kif stipulat fil-punt 1 tan-Notifika ta' Bidu, din l-investigazzjoni ta' rieżami interim parzjali kienet limitata għall-valutazzjoni ta' dumping sa fejn huwa kkonċernat l-applikant. Għal din ir-raġuni, il-bidliet fl-istruttura tal-ispejjeż tal-industrija tal-Unjoni marru lil hinn mill-iskop ta' dan ir-rieżami u, konsegwentement, ma ġewx ivvalutati fil-kuntest ta' din l-investigazzjoni. Għal dawn ir-raġunijiet, l-allegazzjoni hija rifjutata.

(32)

Il-ħames, l-applikant ikkontesta l-konstatazzjoni li l-irtirar tal-impenn tiegħu ma kienx jikkostitwixxi tibdil fih innifsu ta' natura dejjiema. B'appoġġ ta' dan l-argument, l-applikant invoka każ fejn il-Kummissjoni jingħad li kkonkludiet li l-irtirar tal-impenn ikkostitwixxa bidla sostanzjali fiċ-ċirkostanza ta' natura dejjiema fis-sens tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku (19). L-applikant iddikjara wkoll li l-irtirar tal-impenn involva wkoll bidliet fl-istruttura tal-bejgħ tal-grupp Acron lejn l-Unjoni u li l-Kummissjoni allegatament fehmet ħażin li l-irtirar tal-impenn ma kellu l-ebda impatt fuq il-prezz tal-esportazzjoni tal-applikant.

(33)

Dawn l-allegazzjonijiet ma jistgħux jintlaqgħu. L-ewwel, is-sempliċi fatt li l-impenn tal-produttur esportatur ġie rtirat volontarjament jew le ma jistax jitqies bħala bidla ta' natura permanenti fis-sens tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. L-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku jistabbilixxi li meta impenn ikun irtirat, id-dazju impost mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku japplika awtomatikament. Il-każ ikkwotat mill-applikant jikkonċerna rieżami fejn il-Kummissjoni kkunsidrat l-effetti ta' investigazzjoni kontra l-assorbiment bħala bdil fiċ-ċirkostanzi ta' natura dejjiema, sabiex jistabbilixxi impenn mill-ġdid. It-tieni, iċ-ċirkostanzi fattwali li huma differenti minn dan il-każ u barra minn hekk id-deċiżjoni li qed issirilha referenza ma fiha ebda dikjarazzjoni li tappoġġa t-talba tal-applikant.

(34)

Il-Kummissjoni wkoll ma kkunsidratx li l-bidliet ippreżentati mill-applikant setgħu jiġu kkunsidrati bħala bidliet ta' natura dejjiema skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. Pereżempju, il-bejgħ fl-UE kollha jiġu diretti permezz ta' kummerċjant relatat li jista' faċilment jitreġġa' lura. B'mod simili, il-politika tal-ipprezzar ta' kumpanija hija deċiżjoni li tista' tittieħed fi kwalunkwe mument bbażata fuq kunsiderazzjonijiet differenti. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm biżżejjed evidenza li l-prezz tal-esportazzjoni (u konsegwentement il-marġni tad-dumping) kienu nbidlu u li tali bidla allegata se tkun ta' natura permanenti. Għalhekk, l-allegazzjoni ġiet miċħuda.

(35)

Is-sitt, l-applikant ma qabilx li l-varjazzjonijiet tal-kambju ta' munita ma jikkostitwixxux bidla ta' natura dejjiema. Skont l-applikant, wara perjodu ta' stabbiltà relattiva li beda fl-2009, ir-rublu tilef il-valur f'nofs l-2014 minħabba l-impatt tas-sanzjonijiet ekonomiċi tal-UE u għadu ma rkuprax. Din il-bidla fir-rata tal-kambju allegatament kellha impatt fuq il-kalkoli tad-dumping.

(36)

Kif iddikjarat fil-premessa 21 aktar 'il fuq, hija l-prattika konsistenti tal-Kummissjoni li ma tikkunsidrax varjazzjonijiet fir-rata tal-kambju bħala bidla ta' natura dejjiema minħabba li huma influwenzati minn diversi forzi tas-suq u għandhom tendenza li jvarjaw maż-żmien. L-applikant ma ppreżenta l-ebda evidenza li kien se jqajjem dubju dwar din il-fehma u jiġġustifika bidla ta' prattika f'dan ir-rigward. Għaldaqstant, din l-allegazzjoni ġiet irrifjutata.

(37)

Fis-seba' u l-aħħar lok, l-applikant allega li l-Kummissjoni kien messha kkunsidrat is-sejbiet tar-rieżami interim parallel limitat għad-dannu li jkopri l-istess prodott. Dak ir-rieżami kkonkluda li r-ristrutturar tal-industrija tal-Unjoni u l-bidliet globali li seħħew fis-suq tan-nitrat tal-ammonju mill-2002 kienu jiġġustifikaw rieżami tal-miżuri.

(38)

Kif imsemmi fil-premessa 31, il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-rieżami interim kien limitat għad-dumping. L-applikant naqas li juri kif il-bidliet fis-suq dinji tan-nitrat tal-ammonju u fis-suq tal-Unjoni kien ikollhom impatt fuq il-marġni ta' dumping tiegħu u kif is-sejbiet tal-Kummissjoni f'rieżami ieħor ikunu rilevanti jew jikkontradixxu l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar dan il-każ. Għaldaqstant, din l-allegazzjoni ġiet irrifjutata.

D.   OFFERTA TA' IMPENN

(39)

L-applikant issottometta offerta ta' impenn volontarju ffirmat skont l-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni analizzat l-offerta ta' impenn u kkunsidrat li l-aċċettazzjoni tagħha hi imprattikabbli. L-applikant għandu kumpaniji relatati f'żewġ Stati Membri. Skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, waħda minn dawn il-kumpaniji relatati tipproduċi u tbigħ il-prodott simili u wkoll prodotti oħra (jiġifieri fertilizzanti) fis-suq tal-Unjoni. L-applikant ibigħ ukoll prodotti oħrajn lill-konsumaturi tal-Unjoni. Jekk il-parti relatata fl-Unjoni u l-applikant ibigħu l-prodott ikkonċernat u prodotti oħra lill-istess klijenti fl-Unjoni, il-prezzijiet ta' tali tranżazzjonijiet jistgħu jkunu stabbiliti b'mod li jikkumpensaw il-prezz minimu tal-importazzjoni soġġett għall-impenn. Tali kumpens trasversali jista' madankollu ma jkunx jista' jiġi identifikat minn attivitajiet ta' monitoraġġ, billi l-istruttura tal-prezzijiet għall-maġġoranza tal-prodotti manifatturati u mibjugħa mill-kumpanija relatata fl-Unjoni ma jkunu soġġetti għal ebda sors pubblikament disponibbli. Għalhekk, ma jistax jiġi determinat jekk il-prezzijiet imħallsa mill-konsumaturi jwiġbux għall-valur tal-prodotti jew jiħdux inkunsiderazzjoni roħs potenzjali sabiex jikkumpensaw għal tranżazzjonijiet soġġetti għall-impenn li għalih ġie rispettat prezz ta' importazzjoni minimu. Għalhekk, jeżisti riskju kbir ta' kumpens doppju b'bejgħ ta' nitrat tal-ammonju jew prodotti oħra lill-istess konsumaturi.

(40)

Fl-offerta ta' impenn tiegħu, l-applikant impenja ruħu li ma jbigħx direttament jew indirettament kwalunkwe prodotti tal-produttur tal-Unjoni relatat tagħha. Barra minn hekk, l-applikant impenja ruħu li ma jbigħx il-prodotti koperti bl-impenn lill-istess klijenti fl-Unjoni fejn jinbiegħu prodotti oħrajn. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li anke taħt dawn l-impenji l-impenn xorta jibqa' imprattikabbli u diffiċli biex jiġi mmonitorjat. Il-produttur ibbażat fl-Unjoni ma jistax ikun soġġett għal attivitajiet ta' monitoraġġ billi ma jistax ikun parti f'impenn, minħabba li skont l-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku l-impenji jistgħu jiġu offruti biss minn produtturi esportaturi. Barra minn hekk, anki li kieku l-produttur tal-Unjoni kellu joffri impenji ugwali, il-monitoraġġ ta' tali impenn ikun imprattikabbli minħabba l-istruttura kumplessa tal-applikant.

(41)

L-applikant ingħata l-opportunità jikkummenta dwar din id-deċiżjoni.

TMIEM L-INVESTIGAZZJONI

(42)

Il-partijiet interessati ġew infurmati dwar il-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom kien hemm l-intenzjoni li tintemm din l-investigazzjoni u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Instemgħu l-partijiet interessati kollha li wrew din ix-xewqa.

(43)

Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, il-Kummissjoni għaldaqstant tikkonkludi li r-rieżami interim parzjali dwar l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw mir-Russja jenħtieġ li jintemm.

(44)

Din id-Deċiżjoni hija f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-rieżami interim parzjali huwa limitat għad-dumping li jikkonċerna importazzjonijiet ta' nitrat tal-ammonju li joriġinaw fir-Russja (li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 3102 30 90, 3102 40 90, ex 3102 29 00, ex 3102 60 00, ex 3102 90 00, ex 3105 10 00, ex 3105 20 10, ex 3105 51 00, ex 3105 59 00 u ex 3105 90 20) intemm.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Novembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2022/95 tas-16 ta' Awwissu 1995 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' nitrat tal-ammonju li joriġina mir-Russja (ĠU L 198, 23.8.1995, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 663/98 tat-23 ta' Marzu 1998 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2022/95 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja (ĠU L 93, 26.3.1998, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 658/2002 tal-15 ta' April 2002 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' nitrat tal-ammonju li joriġina mir-Russja (ĠU L 102, 18.4.2002, p. 1).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 945/2005 tal-21 ta' Ġunju 2005 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 658/2002 li jimponi dazju definittiv antidumping fuq importazzjonijiet ta' nitrat ta' ammonju li joriġina fir-Russja u r-Regolament (KE) Nru 132/2001 li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping impost fuq l-importazzjoni ta' nitrat tal-ammonju li joriġina, inter alia, mill-Ukrajna, wara r-rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 (ĠU L 160, 23.6.2005, p. 1).

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 661/2008 tat-8 ta' Lulju 2008 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja wara verifika ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) u rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 (ĠU L 185, 12.7.2008, p. 1).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/577/KE tal-4 ta' Lulju 2008 li taċċetta l-impenn offrut b'rabta mal-proċediment antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet tan-nitrat tal-ammonju li joriġinaw fir-Russja u fl-Ukrajna (ĠU L 185, 12.7.2008, p. 43).

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/629/UE tal-10 ta' Ottubru 2012 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/577/KE li taċċetta l-impenji offruti b'rabta mal-proċediment tal-antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet tan-nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja (ĠU L 277, 11.10.2012, p. 8).

(10)  Il-Kawża T-348/05.

(11)  Il-Kawża T-348/05 INTP.

(12)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 989/2009 tad-19 ta' Ottubru 2009 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 661/2008 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja (ĠU L 278, 23.10.2009, p. 1).

(13)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51).

(14)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 999/2014 tat-23 ta' Settembru 2014 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tan-nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja, (ĠU L 280, 24.9.2014, p. 19).

(15)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/415 tal-21 ta' Marzu 2016 li jirtira l-aċċettazzjoni ta' impenn għal żewġ produtturi esportaturi u li jħassar id-Deċiżjoni 2008/577/KE li taċċetta l-impenn offrut b'rabta mal-proċediment tal-antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet tan-nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja (ĠU L 75, 22.3.2016, p. 10).

(16)  Notifika ta' bidu għar-rieżami interim parzjali tal-miżuri antidumping applikabbli għal importazzjonijiet tan-nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja (ĠU C 271, 17.8.2017, p. 9).

(17)  Notifika ta' bidu għar-rieżami interim parzjali tal-miżuri antidumping applikabbli għal importazzjonijiet tan-nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja (ĠU C 271, 17.8.2017, p. 15).

(18)  PAO Novatek, ir-rapport annwali tal-2017, p. 70. Dan jinsab hawn: https://s-trade-collab3.net1.cec.eu.int/sites/tdi/R669_R674_AN/_layouts/15/start.aspx#/SitePages/Home.aspx?InitialTabId=Ribbon%2ERead&VisibilityContext=WSSTabPersistence.

(19)  Ara pereżempju d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/37/KE tal-5 ta' Diċembru 2005 (ĠU L 22, 26.1.2006, p. 52).