12.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 282/13


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1697

tas-6 ta' Novembru 2018

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta' standards fil-qasam tan-navigazzjoni interna u fil-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni tar-Renu fir-rigward tal-adozzjoni ta' standards li jikkonċernaw ir-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Jenħtieġ li l-azzjoni mill-Unjoni fis-settur tan-navigazzjoni interna jkollha l-għan li tiżgura l-uniformità fl-iżvilupp tar-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni li għandhom jiġu applikati fl-Unjoni.

(2)

Il-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta' standards komuni fil-qasam tan-navigazzjoni interna (CESNI) ġie stabbilit fit-3 ta' Ġunju 2015 fil-qafas tal-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni tar-Renu (CCNR) sabiex jiżviluppa standards tekniċi għall-passaġġi fuq l-ilma interni f'diversi oqsma, b'mod partikolari fir-rigward tal-bastimenti, it-teknoloġija tal-informazzjoni u l-ekwipaġġ.

(3)

Għat-trasport effiċjenti fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni, huwa importanti li r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti jkunu kompatibbli u armonizzati kemm jista' jkun taħt reġimi legali differenti fl-Ewropa. B'mod partikolari, jenħtieġ li l-Istati Membri li huma wkoll membri tas-CCNR ikunu awtorizzati jappoġġaw id-deċiżjonijiet li jarmonizzaw ir-regoli tas-CCNR ma' dawk applikati fl-Unjoni.

(4)

Huwa mistenni li s-CESNI jadotta l-Istandard Ewropew li jistabbilixxi r-Rekwiżiti Tekniċi għall-bastimenti tan-Navigazzjoni Interna (ES-TRIN) 2019/1 waqt il-laqgħa tiegħu tat-8 ta' Novembru 2018.

(5)

ES-TRIN 2019/1 jistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi uniformi meħtieġa biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni. Dan jinkludi: dispożizzjonijiet rigward il-bini tal-bastimenti, l-armar u t-tagħmir għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni; dispożizzjonijiet speċjali rigward kategoriji speċifiċi ta' bastimenti, bħall-bastimenti tal-passiġġieri, il-konvojs imbuttati u l-bastimenti tal-kontejners; dispożizzjonijiet rigward it-tagħmir tas-sistema ta' identifikazzjoni awtomatika; dispożizzjonijiet rigward l-identifikazzjoni tal-bastimenti; mudelli ta' ċertifikati u reġistru; dispożizzjonijiet tranżizzjonali; u struzzjonijiet għall-applikazzjoni tal-istandard tekniku.

(6)

Anness II għad-Direttiva (UE) 2016/1629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) jirreferi direttament għar-rekwiżiti tekniċi għall-inġenji bħala dawk indikati f'ES-TRIN 2017/1. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li taġġorna dik ir-referenza għall-iktar verżjoni reċenti ta' ES-TRIN u li tistabbilixxi d-data tal-applikazzjoni tagħha.

(7)

Għalhekk, ES-TRIN 2019/1 jaffettwa d-Direttiva (UE) 2016/1629.

(8)

L-Unjoni mhijiex membru la tas-CCNR u lanqas tas-CESNI. Għalhekk, huwa neċessarju li l-Kunsill jawtorizza lill-Istati Membri biex f'dawk is-sedi jesprimu l-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-adozzjoni ta' ES-TRIN 2019/1,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta' standards fil-qasam tan-navigazzjoni interna (CESNI) fit-8 ta' Novembru 2018 għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni tal-Istandard Ewropew li jistabbilixxi r-Rekwiżiti Tekniċi għall-bastimenti tan-Navigazzjoni Interna (ES-TRIN) 2019/1.

2.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni matul il-laqgħa tas-sessjoni plenarja tal-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu (CCNR) fejn jiġu deċiżi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tan-navigazzjoni interna għandha tkun li tappoġġa l-proposti kollha li jallinjaw ir-rekwiżiti tekniċi ma' dawk ta' ES-TRIN 2019/1.

Artikolu 2

1.   Il-pożizzjoni tal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 1(1) għandha tiġi espressa, b'mod konġunt, mill-Istati Membri li huma membri tas-CESNI.

2.   Il-pożizzjoni tal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 1(2) għandha tiġi espressa, b'mod konġunt, mill-Istati Membri li huma membri tas-CCNR.

Artikolu 3

Jista' jintlaħaq qbil dwar bidliet tekniċi minuri fil-pożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Novembru 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LÖGER


(1)  Id-Direttiva (UE) 2016/1629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, li temenda d-Direttiva 2009/100/KE u li tħassar id-Direttiva 2006/87/KE (ĠU L 252, 16.9.2016, p. 118).