22.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 263/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1578

tat-18 ta' Settembru 2018

dwar l-estensjoni tal-Ftehim għall-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerka

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 186, flimkien mal-punt (a)(v) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni 98/591/KE (2), il-Kunsill approva l-konklużjoni tal-Ftehim għall-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerka (“il-Ftehim”). Il-Ftehim ġie ffirmat f'Washington, DC, fil-5 ta' Diċembru 1997 u daħal fis-seħħ fl-14 ta' Ottubru 1998.

(2)

Il-Punt (b) tal-Artikolu 12 tal-Ftehim, jipprevedi li l-Ftehim jiġi konkluż għal perijodu inizjali ta' ħames snin u jista' jiġi estiż wara dan, b'emendi possibbli, għal perijodi addizzjonali ta' ħames snin, bi ftehim komuni bil-miktub bejn il-Partijiet.

(3)

Permezz tad-Deċiżjonijiet 2004/756/KE (3), 2009/306/KE (4) u 2014/240/UE (5), il-Kunsill approva b'mod suċċessiv l-estensjoni tal-Ftehim għal perijodi addizzjonali ta' ħames snin. Il-Ftehim ser jiskadi fl-14 ta' Ottubru 2018.

(4)

Il-valutazzjoni li wettqu s-servizzi tal-Kummissjoni turi li l-Ftehim jipprovdi qafas importanti biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti tal-Amerka f'oqsma ta' prijorità komuni għax-xjenza u t-teknoloġija, li twassal għal benefiċċji reċiproki. Għalhekk huwa fl-interess tal-Unjoni li l-Ftehim jiġi estiż għal perijodu ieħor ta' ħames snin.

(5)

Iż-żewġ Partijiet ikkonfermaw li kien beħsiebhom jestendu l-Ftehim għal perijodu addizzjonali ta' ħames snin mingħajr ma jagħmlulu emendi għall-Ftehim.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li l-estensjoni tal-Ftehim tiġi approvata f'isem l-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-estensjoni tal-Ftehim għall-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerka, għal perjodu addizzjonali ta' ħames snin, b'dan hija approvata f'isem l-Unjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni, jagħti n-notifika lill-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerka li l-Unjoni lestiet il-proċeduri interni tagħha meħtieġa biex jiġi estiż dan il-Ftehim f'konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 12 tal-Ftehim.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Settembru 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

G. BLÜMEL


(1)  Kunsens tat-3 ta' Lulju 2018 (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/591/KE tat-13 ta' Ottubru 1998 dwar il-konklużjoni ta' ftehim għall-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerka (ĠU L 284, 22.10.1998, p. 35).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/756/KE tal-4 ta' Ottubru 2004 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim li jġedded il-Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerka (ĠU L 335, 11.11.2004, p. 5).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/306/KE tat-30 ta' Marzu 2009 dwar l-estensjoni u l-modifikazzjoni tal-Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerka (ĠU L 90, 2.4.2009, p. 20).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/240/UE tal-14 ta' April 2014 li tikkonċerna l-estensjoni tal-Ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerka (ĠU L 128, 30.4.2014, p. 43).