19.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 262/55


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1572

tal-15 ta' Ottubru 2018

dwar l-applikazzjoni mill-Unjoni tar-Regolamenti Nri 9, 63 u 92 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta' vetturi bi tliet roti, mopeds u sistemi tas-silencers tal-egżost ta' sostituzzjoni għal vetturi tal-kategorija L fir-rigward tal-emissjoni tal-ħoss

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 114 u 207 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/836/KE (1), l-Unjoni ssieħbet fil-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti li jikkonċerna l-adozzjoni tal-preskrizzjonijiet tekniċi uniformi għal vetturi bir-roti, tagħmir u partijiet li jistgħu jkunu ffittjati u/jew ikunu użati ma' vetturi bir-roti u l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-approvazzjonijiet mogħtija fuq il-bażi ta' dawn il-preskrizzjonijiet (2) (il-“Ftehim Rivedut tal-1958”).

(2)

Ir-rekwiżiti armonizzati tar-Regolament Nru 9 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) dwar Dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta' vetturi tal-kategoriji L2, L4 u L5 fir-rigward tal-emissjoni tal-ħoss, ir-Regolament Nru 63 tan-NU/KEE dwar Dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta' vetturi tal-kategorija L1 fir-rigward tal-emissjoni tal-ħossu r-Regolament Nru 92 tan-NU/KEE dwar Dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta' sistemi tas-silencers tal-egżozt mhux oriġinali għas-sostituzzjoni (NORESS) għal vetturi tal-kategoriji L1, L2, L3, L4 u L5 fir-rigward tal-emissjoni tal-ħoss (“Ir-Regolamenti tan-NU Nri 9, 63 u 92”) huma maħsuba biex ineħħu l-ostakli tekniċi għall-kummerċ fil-vetturi bil-mutur bejn il-Partijiet Kontraenti tal-Ftehim Revedut tal-1958 u sabiex jiżguraw li t-tali vetturi joffru livell għoli ta' sikurezza u protezzjoni. Il-vetturi tal-kategorija L jikkonsistu f'vetturi ħfief bħal roti motorizzati, mopeds b'żewġ jew tliet roti, muturi b'sidecar u mingħajru, triċikli u kwadriċikli.

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 134/2014 (4) jagħtu mandat għall-adozzjoni ta' livelli permissibbli tal-ħoss, rekwiżiti għas-sistemi tal-egżost ta' sostituzzjoni u proċeduri għall-ittestjar ta' vetturi bil-mutur b'żewġ jew tliet roti u kwadriċikli.

(4)

L-Annessi IV, V u VI għar-Regolament (UE) Nru 168/2013 u l-Anness IX għar-Regolament (UE) Nru 134/2014 fihom rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi tal-kategorija L fir-rigward tal-livell permissibbli tal-ħoss u s-sistema tal-egżost.

(5)

Fid-data tal-adeżjoni tagħha mal-Ftehim Rivedut tal-1958, l-Unjoni aderixxiet ma' numru ta' Regolamenti tan-NU elenkati fl-Anness II għad-Deċiżjoni 97/836/KE; ir-Regolamenti tan-NU Nri 9, 63 u 92 ma ġewx inklużi f'dik il-lista.

(6)

Kif previst fl-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni 97/836/KE, u bis-saħħa tal-Artikolu 1(7) tal-Ftehim tal-1958 Rivedut, l-Unjoni tista' tiddeċiedi li tapplika wieħed, xi wħud jew kull wieħed mir-Regolamenti tan-NU li ma kinitx għadha aderixxiet għalih fiż-żmien tal-adeżjoni tagħha għall-Ftehim tal-1958 Rivedut.

(7)

B'segwitu għall-emendi reċenti tar-Regolamenti tan-NU Nri 9, 63 u 92 li allinjawhom mad-dispożizzjonijiet tekniċi rilevanti tar-Regolamenti (UE) Nru 168/2013 u (UE) Nru 134/2014, issa huwa xieraq li l-Unjoni tapplika r-Regolamenti tan-NU Nri 9, 63 u 92 sabiex tipprevedi rekwiżiti armonizzati komuni fuq livell internazzjonali. Jenħtieġ li dan jippermetti lill-kumpaniji tal-Unjoni li jsegwu sett wieħed ta' rekwiżiti rikonoxxuti madwar id-dinja, b'mod partikolari fil-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim Rivedut tal-1958,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Unjoni Ewropea għandha tapplika r-Regolament Nru 9 tan-NU/KEE dwar Dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta' vetturi tal-kategoriji L2, L4 u L5 fir-rigward tal-emissjoni tal-ħoss, ir-Regolament Nru 63 tan-NU/KEE dwar Dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta' vetturi tal-kategorija L1 fir-rigward tal-emissjoni tal-ħoss u r-Regolament Nru 92 tan-NU/KEE dwar Dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta' sistemi tas-silencers tal-egżozt mhux oriġinali għas-sostituzzjoni (NORESS) għal vetturi tal-kategoriji L1, L2, L3, L4 u L5 fir-rigward tal-emissjoni tal-ħoss.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi notifikata mill-Kummissjoni lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-15 ta' Ottubru 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

E. KÖSTINGER


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/836/KE tas-27 ta' Novembru 1997 bil-għan tal-adeżjoni tal-Komunità Ewropea mal-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa li jikkonċerna l-adozzjoni tal-preskrizzjonijet tekniċi uniformi għall-vetturi bir-roti, tagħmir u parts li jistgħu jkunu ffittjati u/jew ikunu użati ma' vetturi bir-roti u l-kondizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-approvazzjonijiet mogħtija fuq il-bażi ta' dawn il-preskrizzjonijiet (“Ftehim Rivedut tal-1958”) (ĠU L 346, 17.12.1997, p. 78).

(2)   ĠU L 346, 17.12.1997, p. 81.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta' vetturi b'żewġ jew tliet roti u kwadriċikli (ĠU L 60, 2.3.2013, p. 52).

(4)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 134/2014 tas-16 ta' Diċembru 2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-prestazzjoni ambjentali u tal-prestazzjoni tal-unità tal-propulsjoni, u li jemenda l-Anness V tiegħu (ĠU L 53, 21.2.2014, p. 1).