16.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 259/25


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/1544

tal-15 ta' Ottubru 2018

li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-proliferazzjoni u l-użu ta' armi kimiċi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea tappoġġa t-trattati u r-reġimi internazzjonali għad-diżarm, in-nonproliferazzjoni, u l-kontroll tal-armi.

(2)

L-Unjoni tappoġġa l-implimentazzjoni effettiva u l-universalizzazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħażna u l-Użu ta' Armi Kimiċi u dwar il-Qerda tagħhom (minn hawn 'il quddiem “CWC”), u tenfasizza l-appoġġ tagħha għall-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) u s-Segretarjat Tekniku tagħha u l-importanza ta' dawn. L-Unjoni tikkundanna bil-qawwa l-proliferazzjoni u l-użu ta' armi kimiċi ikun fejn ikun, minn kwalunkwe persuna u fi kwalunkwe ċirkostanza. Sabiex tappoġġa l-projbizzjoni stipulata mis-CWC kontra l-użu ta' armi kimiċi, li jhedded serjament is-sigurtà internazzjonali, l-Unjoni tqis li hu neċessarju li jittieħdu miżuri speċifiċi kontra min juża tali armi jew min jikkontribwixxi għall-iżvilupp jew l-użu tagħhom. L-Unjoni hija impenjata li tikkontribwixxi biex jiġu identifikati individwi, entitajiet, gruppi jew gvernijiet responsabbli għall-użu ta' armi kimiċi, kif ukoll dawk li jassistu jew jinkoraġġixxi tali attivitajiet, u biex dawn jinżammu responsabbli għal egħmilhom. Huwa daqstant importanti li jiġu indirizzati l-passi preparatorji qabel l-użu, bħalma huma l-iżvilupp, il-produzzjoni, l-akkwist, it-trasferiment u l-ħażna ta' armi kimiċi.

(3)

F'dan ir-rigward, l-Unjoni esprimiet l-appoġġ tagħha għad-Deċiżjoni tal-Konferenza tal-Istati Partijiet tas-CWC li tindirizza t-theddida mill-użu ta' armi kimiċi, adottata fis-27 ta' Ġunju 2018,

(4)

L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jappoġġaw l-inizjattivi internazzjonali l-oħra li għandhom l-għan li jittrattaw it-theddida tal-armi kimiċi, bħall-Grupp Awstralja li, billi jikkoordina u jarmonizza l-miżuri nazzjonali ta' kontroll tal-esportazzjoniet, jassisti fl-issodisfar tal-obbligi taħt is-CWC u l-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiniċi, kif ukoll “l-Inizjattiva ta' Sigurtà kontra l-Proliferazzjoni” u s-Sħubija Internazzjonali kontra l-Impunità għall-Użu ta' Armi Kimiċi. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jappoġġaw ukoll l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjonijiet tal-KSNU rilevanti, partikolarment ir-Riżoluzzjonijiet 1540 (2004), 2118 (2013), 2209 (2015), 2235 (2015) u 2325 (2016),.

(5)

Fit-22 ta' Marzu 2018, il-Kunsill Ewropew ikkonkluda li l-użu ta' armi kimiċi, inkluż l-użu ta' kwalunkwe sustanza tossika bħala arma fi kwalunkwe ċirkostanza, huwa kompletament inaċċettabbli, irid jiġi sistematikament u rigorożament ikkundannat u jikkostitwixxi theddida għas-sigurtà tagħna lkoll. Fit-28 ta' Ġunju 2018, il-Kunsill Ewropew talab l-adozzjoni malajr kemm jista' jkun ta' reġim ġdid ta' miżuri restrittivi tal-UE biex jiġu indirizzati l-użu u l-proliferazzjoni ta' armi kimiċi.

(6)

Din id-Deċiżjoni tikkontribwixxi għall-isforzi tal-Unjoni biex tikkumbatti l-proliferazzjoni u l-użu ta' armi kimiċi. Jenħtieġ li l-ambitu u d-definizzjoni tal-armi kimiċi msemmija f'din id-Deċiżjoni jkunu l-istess kif previst fis-CWC.

(7)

Hi meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

“Armi kimiċi” tfisser armi kimiċi kif definit fl-Artikolu II tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi (CWC).

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-transitu minnhom, min-naħa ta':

(a)

persuni fiżiċi li huma responsabbli għal, li jipprovdu appoġġ finanzjarju, tekniku jew materjali lil jew li huma involuti b'mod ieħor:

(i)

fil-manifattura, l-akkwist, il-pussess, l-iżvilupp, it-trasport, il-ħażna jew it-trasferiment ta' armi kimiċi;

(ii)

fl-użu ta' armi kimiċi;

(iii)

fi kwalunkwe tħejjija għall-użu ta' armi kimiċi;

(b)

persuni fiżiċi li jassistu, jinkoraġġixxu jew jipperswadu kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp biex jimpenjaw ruħhom fi kwalunkwe attività msemmija fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu u b'dan il-mod jikkawżaw jew jikkontribwixxu għal periklu li tali attivitajiet jistgħu jittieħdu; u

(c)

persuni fiżiċi assoċjati mal-persuni fiżiċi elenkati fil-punti (a) u (b);

kif elenkat fl-Anness.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux jobbliga lil Stat Membru biex jirrifjuta d-dħul fit-territorju tiegħu ta' ċittadini tiegħu.

3.   Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-każijiet fejn Stat Membru jkun marbut b'obbligu tad-dritt internazzjonali, jiġifieri:

(a)

bħala pajjiż ospitanti ta' organizzazzjoni intergovernattiva internazzjonali;

(b)

bħala pajjiż ospitanti ta' konferenza internazzjonali mlaqqa' min-Nazzjonijiet Uniti, jew taħt l-awspiċi tagħha;

(c)

skont xi ftehim multilaterali li jikkonferixxi privileġġi u immunitajiet; jew

(d)

skont it-Trattat ta' Konċiljazzjoni (Patt Lateran) tal-1929 konkluż mis-Santa Sede (l-Istat tal-Belt tal-Vatikan) u l-Italja.

4.   Il-paragrafu 3 għandu jitqies li japplika wkoll f'każijiet fejn Stat Membru jkun il-pajjiż ospitanti tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE).

5.   Il-Kunsill għandu jkun infurmat debitament fil-każijiet kollha fejn Stat Membru jagħti eżenzjoni skont il-paragrafu 3 jew 4.

6.   L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mill-miżuri imposti skont il-paragrafu 1 meta l-ivvjaġġar ikun ġustifikat għar-raġuni ta' bżonn umanitarju urġenti, jew għal raġunijiet ta' attendenza għal laqgħat intergovernattivi u dawk promossi jew ospitati mill-Unjoni, jew ospitati minn Stat Membru li jkollu l-Presidenza attwali tal-OSKE, fejn jitmexxa djalogu politiku li jippromwovi b'mod dirett l-objettivi ta' politika tal-miżuri restrittivi, inkluż l-implimentazzjoni tal-projbizzjonijiet legali kontra l-armi kimiċi u l-kisba tad-diżarm tal-armi kimiċi. L-Istati Membri jistgħu wkoll jagħtu eżenzjonijiet mill-miżuri imposti taħt il-paragrafu 1 fejn id-dħul jew it-transitu jkun neċessarju għall-fini ta' proċess ġudizzjarju.

7.   Stat Membru li jixtieq jagħti l-eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 6 għandu jinnotifika lill-Kunsill bil-miktub. L-eżenzjoni għandha titqies bħala mogħtija sakemm membru wieħed jew aktar tal-Kunsill ma joġġezzjonax bil-miktub fi żmien jumejn ta' xogħol minn meta tasal in-notifika tal-eżenzjoni proposta. Fil-każ li membru wieħed jew aktar tal-Kunsill iqajmu oġġezzjoni, il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jiddeċiedi li jagħti l-eżenzjoni proposta.

8.   Fejn, skont il-paragrafi 3, 4, 6 jew 7 Stat Membru jawtorizza d-dħul fit-territorju tiegħu, jew it-transitu minnu tal-persuni elenkati fl-Anness, l-awtorizzazzjoni għandha tkun strettament limitata għall-iskop li għalih ingħatat u għall-persuni kkonċernati direttament minnha.

Artikolu 3

1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, ta' proprjetà ta', miżmuma jew ikkontrollati minn:

(a)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li huma responsabbli għal, jipprovdu appoġġ finanzjarju, tekniku jew materjali lil jew huma involuti b'mod ieħor:

(i)

fil-manifattura, l-akkwist, il-pussess, l-iżvilupp, it-trasport, il-ħażna jew it-trasferiment ta' armi kimiċi

(ii)

fl-użu ta' armi kimiċi

(iii)

fi kwalunkwe tħejjija għall-użu ta' armi kimiċi;

(b)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jassistu, jinkoraġġixxu jew jipperswadu kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp biex jimpenjaw ruħhom fi kwalunkwe attività msemmija fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu u b'dan il-mod jikkawżaw jew jikkontribwixxu għal periklu li tali attivitajiet jistgħu jittieħdu;

(c)

u minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi entitajiet assoċjati mal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi koperti mill-punti (a) u (b) ta' dan il-paragrafu;

kif elenkat fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

2.   L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom isiru disponibbli, direttament jew indirettament, lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi elenkati fl-Anness jew għall-benefiċċju tagħhom.

3.   B'deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tista' tawtorizza r-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew li ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, skont il-kondizzjonijiet li hi tqis xierqa, wara li tkun iddeterminat li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati:

(a)

huma neċessarji biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi elenkati fl-Anness u l-membri tal-familja dipendenti ta' tali persuni fiżiċi, inkluż ħlas għal ikel, kera jew garanziji ipotekarji, mediċini u trattament mediku, taxxi, primjums tal-assigurazzjoni, u ħlasijiet ta' servizzi pubbliċi;

(b)

huma maħsuba esklużivament għall-ħlas ta' tariffi professjonali raġonevoli jew għar-rimborż tal-ispejjeż imġarrba assoċjati mal-provvista ta' servizzi legali;

(c)

huma maħsuba esklużivament għall-ħlas ta' tariffi jew imposti ta' servizzi ta' kustodja jew ġestjoni normali ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;

(d)

huma neċessarji għal spejjeż straordinarji, sakemm l-awtorità kompetenti rilevanti tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom tqis li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika, mill-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni; jew

(e)

għandhom jitħallsu f'kont jew minn kont ta' missjoni diplomatika jew konsulari jew ta' organizzazzjoni internazzjonali li tgawdi minn immunitajiet f'konformità mad-dritt internazzjonali, sakemm tali ħlas ikun maħsub għal finijiet uffiċjali tal-missjoni diplomatika jew konsulari jew tal-organizzazzjoni internazzjonali.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan il-paragrafu.

4.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, dment li jkunu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-fondi jew riżorsi ekonomiċi jkunu s-suġġett ta' deċiżjoni arbitrali mogħtija qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmijin fil-paragrafu 1 ikunu ġew elenkati fl-Anness, jew deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mogħtija fl-Unjoni, jew deċiżjoni ġudizzjarja li tkun eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat, qabel jew wara dik id-data;

(b)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu ser jintużaw esklużivament biex jiġu sodisfatti l-pretensjonijiet iggarantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f'tali deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet tal-persuni li jkollhom tali pretensjonijiet;

(c)

id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness; u

(d)

ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jmurx kontra l-politika pubblika fl-Istat Membru kkonċernat.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan il-paragrafu.

5.   Il-paragrafu 1 ma għandux iżomm lil persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness milli jagħmlu ħlas dovut skont kuntratt iffirmat qabel id-data li fiha tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikunu ġew elenkati fih, sakemm l-Istat Membru kkonċernat ikun iddetermina li l-ħlas ma jiġix riċevut, direttament jew indirettament, minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmijin fil-paragrafu 1.

6.   Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għaż-żieda ma' kontijiet iffriżati ta':

(a)

imgħax jew qligħ ieħor fuq dawk il-kontijiet;

(b)

ħlas dovut skont kuntratti, ftehimiet jew obbligi li ġew konklużi jew li rriżultaw qabel id-data li fiha dawk il-kontijiet saru soġġetti għall-miżuri previsti fil-paragrafi 1 u 2; jew

(c)

ħlas dovut skont deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali li ngħataw fl-Unjoni jew li huma eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat;

dment li kwalunkwe tali imgħax, qligħ u ħlas ieħor jibqgħu soġġetti għall-miżuri previsti fil-paragrafu 1.

Artikolu 4

1.   Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'unanimità fuq proposta minn Stat Membru jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, għandu jistabbilixxi u jemenda l-lista fl-Anness.

2.   Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, inkluż ir-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista, lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernati, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' avviż, li jipprovdi lil tali persuna, entità jew korp b'opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

3.   Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet jew evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jirrieżamina d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernati skont il-każ.

Artikolu 5

1.   L-Anness għandu jinkludi r-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikoli 2 u 3.

2.   L-Anness għandu jinkludi wkoll, meta tkun disponibbli, l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati. Fir-rigward tal-persuni fiżiċi, din l-informazzjoni tista' tinkludi ismijiet, kif ukoll il-psewdonimi, id-data u l-post tat-twelid, iċ-ċittadinanza, in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità, is-sess, l-indirizz, jekk magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward ta' persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi, din l-informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.

Artikolu 6

Ebda pretensjoni b'konnessjoni ma' xi kuntratt jew tranżazzjoni fejn il-prestazzjoni tagħhom tkun intlaqtet, direttament jew indirettament, totalment jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont din id-Deċiżjoni, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew xi pretensjoni oħra ta' dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b'mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew għall-ħlas ta' bond, garanzija jew indennizz, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta' kwalunkwe forma, ma għandha tiġi sodisfatta, jekk din issir minn:

(a)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ddeżinjati elenkati fl-Anness

(b)

kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu permezz ta' waħda mill-persuni, entitajiet jew korpi imsemmija fil-punt (a) jew f'isimhom.

Artikolu 7

Sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni, l-Unjoni għandha tħeġġeġ lil Stati terzi jadottaw miżuri restrittivi simili għal dawk previsti f'din id-Deċiżjoni.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mis-16 ta' Ottubru 2019. Din id-Deċiżjoni għandha tinżamm taħt rieżami kostanti. Għandha tiġi mġedda, jew emendata kif xieraq, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma jkunux intlaħqu.

Artikolu 9

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-15 ta' Ottubru 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


ANNESS

LISTA TA' PERSUNI FIŻIĊI U ĠURIDIĊI, ENTITAJIET U KORPI IMSEMMIJA FL-ARTIKOLI 2 U 3