15.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 257/26


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1536

tad-9 ta' Ottubru 2018

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku dwar l-adeżjoni tal-Awstralja mal-Ftehim Rivedut dwar l-Akkwist Pubbliku

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-2 ta' Ġunju 2015, l-Awstralja applikat għall-adeżjoni mal-Ftehim Rivedut dwar l-Akkwist Pubbliku (“il-GPA rivedut”).

(2)

L-impenji tal-Awstralja dwar il-kopertura huma stabbiliti fl-offerta finali tagħha, kif ippreżentata lill-Partijiet għall-GPA rivedut (“il-Partijiet”) fis-7 ta' Marzu 2018.

(3)

Għalkemm hija komprensiva, l-offerta tal-Awstralja ma tipprovdix kopertura sħiħa. Għalhekk huwa xieraq li jiġu introdotti ċerti konċessjonijiet speċifiċi għall-Awstralja għall-kopertura tal-Unjoni. Dawn il-konċessjonijiet, kif riflessi fit-Tehmiża ma' din id-Deċiżjoni, se jsiru parti mit-termini tal-adeżjoni għall-GPA rivedut għall-Awstralja u se jkunu riflessi fid-deċiżjoni adottata mill-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku (“il-Kumitat tal-GPA”) rigward l-adeżjoni tal-Awstralja.

(4)

L-adeżjoni tal-Awstralja mal-GPA rivedut hija mistennija li tkun ta' kontribut pożittiv lejn il-ftuħ ulterjuri tas-swieq tal-akkwist pubbliku f'livell internazzjonali.

(5)

L-Artikolu XXII(2) tal-GPA rivedut jipprevedi li kwalunkwe Membru tad-WTO jista' jaċċedi għall-GPA rivedut skont termini li għandhom jiġu miftiehma bejn dak il-Membru u l-Partijiet, b'tali termini li jiġu stabbiliti f'deċiżjoni tal-Kumitat tal-GPA.

(6)

Għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-GPA relattivament għall-adeżjoni tal-Awstralja,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kumitat dwar l-Akkwist Pubbliku għandha tkun li tiġi approvata l-adeżjoni tal-Awstralja mal-Ftehim Rivedut dwar l-Akkwist Pubbliku, soġġett għat-termini speċifiċi ta' adeżjoni stabbiliti fit-Tehmiża ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, id-9 ta' Ottubru 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

E. KÖSTINGER


Tehmiża

TERMINI TAL-UE GĦALL-ADEŻJONI TAL-AWSTRALJA GĦALL-GPA

Mal-adeżjoni tal-Awstralja mal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi:

il-punt 3 tat-Taqsima 2 (“L-awtoritajiet kontraenti tal-gvern ċentrali tal-Istati Membri tal-UE”) tal-Anness 1 tal-Appendiċi I Impenji tal-Unjoni Ewropea għandu jaqra kif ġej:

“3.

Għal prodotti, servizzi, fornituri u provdituri ta' servizzi fl-Istati Uniti; il-Kanada; il-Ġappun; Hong Kong, iċ-Ċina; Singapore; il-Korea; l-Armenja; it-Territorju Doganali Separat tat-Tajwan, Penghu, Kinmen u Matsu, in-New Zealand u l-Awstralja, l-akkwist mill-awtoritajiet kontraenti tal-gvern ċentrali li ġejjin, sakemm dawn ma jkunux immarkati b'asterisk.”

in-Nota 2 tan-Noti tal-Anness 1 tal-Appendiċi I Impenji tal-Unjoni Ewropea għandha tinbidel kif ġej:

“2.

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu XVIII ma għandhomx japplikaw għal fornituri u provdituri ta' servizzi mill-Ġappun, il-Korea, l-Istati Uniti u l-Awstralja fil-kontestazzjoni tal-għoti ta' kuntratti lil fornitur jew provditur ta' servizz ta' Partijiet oħra għajr dawk imsemmija, li huma intrapriżi żgħar u ta' daqs medju skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-UE, sakemm l-UE taċċetta li dawn ma għadhomx joperaw miżuri diskriminatorji favur ċerti negozji domestiċi żgħar u tal-minoranzi.”

Mal-adeżjoni tal-Awstralja mal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi:

in-Nota 1 tan-Noti tal-Anness 2 tal-Appendiċi I Impenji tal-Unjoni Ewropea għandha tinkludi l-punti li ġejjin wara l-punt g):

“(h)

l-akkwist minn awtoritajiet kontraenti reġjonali u lokali (awtoritajiet kontraenti ta' unitajiet amministrattivi elenkati taħt NUTS 2 u 3 u unitajiet amministrattivi iżgħar, kif imsemmi fir-Regolament (KE) 1059/2003 (kif emendat)) fir-rigward ta' prodotti, servizzi, fornituri u provdituri ta' servizzi mill-Awstralja;

(i)

l-akkwist ta' bejn 200 000 SDR u 355 000 SDR minn awtoritajiet kontraenti reġjonali u ta' bejn 200 000 SDR u 400 000 SDR għal korpi rregolati mid-dritt pubbliku koperti f'dan l-Anness ta' prodotti u servizzi għal fornituri u provdituri ta' servizzi mill-Awstralja;

(j)

l-akkwist mill-entitajiet tal-akkwist koperti f'dan l-Anness ta':

i

vetturi bil-mutur, kif deskritt fil-Kapitoli tan-Nomenklatura Magħquda (NM) speċifikati hawn taħt:

8702

Vetturi bil-mutur għat-trasport għal għaxar persuni jew aktar, inkluż ix-xufier

8703

Karozzi bil-mutur u vetturi oħrajn bil-mutur prinċipalment maħsubin għat-trasport ta' persuni (minbarra dawk tal-intestatura 8702), inklużi station wagons u karozzi tat-tlielaq

8704

Vetturi bil-mutur għat-trasport ta' prodotti

8705

Vetturi bil-mutur b'għanijiet speċjali, ħlief dawk prinċipalment maħsubin għat-trasport ta' persuni u oġġetti (pereżempju, trakkijiet għall-ħsarat, trakkijiet krejn, vetturi għat-tifi tan-nar, trakkijiet tal-miksers tal-konkos, trakkijiet għall-knis tat-toroq, trakkijiet biex ibexxu, ħwienet tax-xogħol mobbli, unitajiet radjoloġiċi mobbli)

8711

Muturi (inklużi roti mutur (mopeds) u roti mgħammrin b'mutur awżiljarju, bis-side-cars jew le; side-cars

8713

Vetturi għall-ġarr ta' persuni b'diżabbiltà, immotorizzati jew le jew immexxijin b'mod ieħor mekkaniku

ii

komponenti għal vetturi bil-mutur, kif deskritt fil-Kapitoli tan-Nomenklatura Magħquda (NM) speċifikati hawn taħt:

8706 00

Xażis armati bil-magni, għall-vetturi bil-mutur tal-intestaturi 8701 sa 8705

8707

Bodis (inklużi kabini), għall-vetturi bil-mutur tal-intestaturi 8701 sa 8705

8708

Partijiet u aċċessorji tal-vetturi bil-mutur tal-intestaturi 8701 sa 8705

8714

Partijiet u aċċessorji ta' vetturi tal-intestaturi 8711 sa 8713

8716

Trejlers u semitrejlers; vetturi oħrajn, mhux immexxijin b'mod mekkaniku; partijiet tagħhom

fir-rigward ta' fornituri u provdituri ta' servizzi mill-Awstralja.”

in-Nota 2 tan-Noti tal-Anness 2 tal-Appendiċi I Impenji tal-Unjoni Ewropea għandha tinbidel kif ġej:

“(2)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu XVIII ma għandhomx japplikaw għal fornituri u provdituri ta' servizzi mill-Ġappun, il-Korea, l-Istati Uniti u l-Awstralja fil-kontestazzjoni tal-għoti ta' kuntratti lil fornitur jew provditur ta' servizz ta' Partijiet oħra għajr dawk imsemmija, li huma intrapriżi żgħar u ta' daqs medju skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-UE, sakemm l-UE taċċetta li dawn ma għadhomx joperaw miżuri diskriminatorji favur ċerti negozji domestiċi żgħar u tal-minoranzi.”

Mal-adeżjoni tal-Awstralja għall-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi, in-Nota 6 tan-Noti tal-Anness 3 tal-Appendiċi I Impenji tal-Unjoni Ewropea għandha tinkludi l-punti li ġejjin wara l-punt wara l-punt r):

“(s)

l-akkwist mill-entitajiet tal-akkwist li joperaw fl-oqsma li ġejjin:

i

il-produzzjoni, it-trasport jew id-distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb koperti f'dan l-Anness;

ii

il-produzzjoni, it-trasport jew id-distribuzzjoni tal-elettriku koperti f'dan l-Anness;

iii

il-faċilitajiet tal-ajruporti koperti f'dan l-Anness;

iv

il-faċilitajiet tal-portijiet marittimi jew tal-portijiet interni jew faċilitajiet oħra tat-terminals koperti f'dan l-Anness;

v

servizzi urbani tal-ferrovija, tat-tram, tat-trolley bus jew servizzi tal-karozzi tal-linja koperti f'dan l-Anness; u

vi

it-trasport bil-ferrovija fuq ferroviji koperti f'dan l-Anness;

fir-rigward ta' provvisti, servizzi, fornituri u provdituri ta' servizzi mill-Awstralja.”