|
12.10.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 256/108 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1524
tal-11 ta' Ottubru 2018
li tistabbilixxi metodoloġija ta' monitoraġġ u l-arranġamenti għar-rappurtar mill-Istati Membri b'konformità mad-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku
(notifikata bid-dokument C(2018) 6560)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 8(6) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Id-Direttiva (UE) 2016/2102 tistabbilixxi rekwiżiti komuni tal-aċċessibbiltà biex tiżgura li s-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku jsiru aktar aċċessibbli billi jkunu perċepibbli, operabbli, komprensibbli u robusti. |
|
(2) |
Biex jgħin lill-korpi tas-settur pubbliku jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà, il-monitoraġġ jenħtieġ joħloq sensibilizzazzjoni u jħeġġeġ it-tagħlim fl-Istati Membri. Minħabba f'hekk, u biex tiżdied it-trasparenza, ir-riżultati komprensivi tal-attivitajiet tal-monitoraġġ jenħtieġ ikunu disponibbli għall-pubbliku b'format aċċessibbli. |
|
(3) |
Biex tinħareġ data sinifikattiva u komparabbli, hemm bżonn issir preżentazzjoni strutturata tar-riżultati tal-attivitajiet tal-monitoraġġ fejn jiġu identifikati raggruppamenti differenti ta' servizzi pubbliċi u livelli ta' amministrazzjoni. |
|
(4) |
Biex jeħfief it-teħid tal-kampjuni mis-siti elettroniċi u mill-applikazzjonijiet mobbli li jridu jiġu monitorjati, l-Istati Membri jenħtieġ jitħallew jieħdu miżuri biex iżommu listi aġġornati tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/2102. |
|
(5) |
Biex jissaħħaħ l-impatt soċjali tal-monitoraġġ, waqt l-għażla tal-kampjun jista' jitħaddem approċċ ibbażat fuq ir-riskji, filwaqt li titqies, fost l-oħrajn, l-influwenza ta' siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli speċifiċi, in-notifiki li waslu fil-mekkaniżmu tar-rispons, riżultati preċedenti tal-monitoraġġ, il-kontribut mingħand il-korp ta' infurzar u l-kontribut mingħand il-partijiet konċernati nazzjonali. |
|
(6) |
Peress li hu mbassar li se tavvanza t-teknoloġija għall-monitoraġġ awtomatizzat tal-applikazzjonijiet mobbli, l-Istati Membri jenħtieġ iqisu li l-metodu tal-monitoraġġ simplifikat, stabbilit f'din id-Deċiżjoni għas-siti elettroniċi, japplikawh ukoll għall-applikazzjonijiet mobbli, filwaqt li jqisu l-effikaċja u l-affordabbiltà tal-għodod disponibbli. |
|
(7) |
L-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2102 jenħtieġ jiffurmaw il-bażi għall-metodoloġija tal-monitoraġġ. |
|
(8) |
Jenħtieġ li biex tiġi promossa l-innovazzjoni, tkun evitata l-impożizzjoni ta' ostakli għas-suq u jkun żgurat li l-metodoloġija tal-monitoraġġ hi newtrali mil-lat teknoloġiku, ma jiġux definiti testijiet speċifiċi li jridu jiġu applikati għall-kejl tal-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli. Minflok, jenħtieġ li l-metodoloġija tal-monitoraġġ tkun limitata għall-istabbiliment tar-rekwiżiti biex il-metodi jivverifikaw il-konformità u jsibu n-nuqqasijiet ta' konformità mar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2016/2102. |
|
(9) |
Jekk id-dispożizzjonijiet inklużi fil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru jkunu jaqbżu r-rekwiżiti fl-istandards jew fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2102, biex titjieb il-komparabbiltà tal-monitoraġġ, l-Istati Membri jenħtieġ jimmonitorjaw u jirrappurtaw b'tali mod li jagħtu riżultati distingwibbli b'rabta mal-konformità mar-rekwiżiti fl-istandards u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2102. |
|
(10) |
Jenħtieġ tkun żgurata l-komparabbiltà tar-riżultati tal-monitoraġġ bl-użu tal-metodoloġija tal-monitoraġġ u r-rappurtar stabbiliti f'din id-Deċiżjoni. Biex irawmu l-qsim tal-aqwa prattiki u jippromwovu t-trasparenza, l-Istati Membri jenħtieġ jippubblikaw kif qed iwettqu l-monitoraġġ, u jippubblikaw ukoll immeppjar, fl-għamla ta' tabella ta' korrelazzjoni, li juri kif il-monitoraġġ u t-testijiet applikati jkopru r-rekwiżiti msemmija fl-istandards u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi previsti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2102. |
|
(11) |
Jekk l-Istati Membri jużaw il-possibbiltà prevista fl-Artikolu 1(5) biex jeskludu s-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli tal-iskejjel, il-kindergartens u l-iskejjel materni mill-applikazzjoni tad-Direttiva, dawn jenħtieġ jużaw il-partijiet rilevanti tal-metodoloġija biex jimmonitorjaw l-aċċessibbiltà tal-kontenut ta' dawn is-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli, b'rabta mal-funzjonijiet amministrattivi online essenzjali. |
|
(12) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-kumitat stabbilit fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva (UE) 2016/2102, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta' applikazzjoni
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi metodoloġija biex isir monitoraġġ tal-konformità tas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku mar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2016/2102.
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-arranġamenti għar-rappurtar dwar l-eżitu tal-monitoraġġ, inkluż id-data dwar il-kejl, mill-Istati Membri lill-Kummissjoni.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) |
“format aċċessibbli” tfisser dokument elettroniku konformi mar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2016/2102; |
|
(2) |
“perjodu ta' monitoraġġ” tfisser perjodu ta' żmien li matulu l-Istati Membri għandhom iwettqu l-attivitajiet tal-monitoraġġ biex jivverifikaw il-konformità jew in-nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli fil-kampjun. Il-perjodu ta' monitoraġġ jista' jinkludi wkoll id-definizzjoni tal-kampjuni, l-analiżi tar-riżultati tal-monitoraġġ u l-arranġamenti għar-rappurtar lill-Kummissjoni. |
Artikolu 3
Perjodiċità tal-monitoraġġ
1. L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw il-konformità tas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku mar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2016/2102 abbażi tal-metodoloġija stabbilita f'din id-Deċiżjoni.
2. L-ewwel perjodu ta' monitoraġġ għas-siti elettroniċi għandu jkun bejn l-1 ta' Jannar 2020 u t-22 ta' Diċembru 2021. Wara l-ewwel perjodu ta' monitoraġġ, il-monitoraġġ għandu jsir kull sena.
3. L-ewwel perjodu ta' monitoraġġ għall-applikazzjonijiet mobbli għandu jkun bejn it-23 ta' Ġunju 2021 u t-22 ta' Diċembru 2021. Fl-ewwel perjodu ta' monitoraġġ, il-monitoraġġ tal-applikazzjonijiet mobbli għandu jinkludi riżultati bbażati fuq kampjun imnaqqas għall-applikazzjonijiet mobbli. L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-isforzi raġonevoli tagħhom biex jagħmlu monitoraġġ ta' mill-anqas terz tal-għadd stabbilit fil-punt 2.1.5 tal-Anness I.
4. Wara l-ewwel perjodu ta' monitoraġġ, il-monitoraġġ tal-applikazzjonijiet mobbli għandu jsir kull sena, abbażi ta' kampjun stabbilit fil-punt 2.1.5 tal-Anness I.
5. Wara l-ewwel perjodu ta' monitoraġġ, il-perjodu ta' monitoraġġ annwali għas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli għandu jkun bejn l-1 ta' Jannar u t-22 ta' Diċembru.
Artikolu 4
Ambitu u xenarju bażi tal-monitoraġġ
1. L-Istati Membri għandhom jagħmlu monitoraġġ tas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku mar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2016/2102 abbażi tar-rekwiżiti identifikati fl-istandards u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2102.
2. Jekk ir-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà fid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru jkunu jaqbżu r-rekwiżiti fl-istandards jew fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2102, il-monitoraġġ għandu jsir b'tali mod li jagħti riżultati li jiddistingwu bejn il-konformità mar-rekwiżiti fl-istandards u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2102 u r-rekwiżiti li jaqbżuhom.
Artikolu 5
Metodi tal-monitoraġġ
L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw il-konformità tas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku mar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2016/2102 permezz ta':
|
(a) |
metodu tal-monitoraġġ profond li jivverifika l-konformità u li jitħaddem skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 1.2 tal-Anness I; |
|
(b) |
metodu tal-monitoraġġ simplifikat li jsib in-nuqqasijiet ta' konformità u li jitħaddem skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 1.3 tal-Anness I. |
Artikolu 6
It-teħid tal-kampjuni mis-siti elettroniċi u mill-applikazzjonijiet mobbli
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-teħid tal-kampjuni mis-siti elettroniċi u mill-applikazzjonijiet mobbli li jridu jiġu mmonitorjati, isir skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 2 u 3 tal-Anness I.
Artikolu 7
Informazzjoni dwar ir-riżultati tal-monitoraġġ
Jekk jiġu identifikati xi nuqqasijiet, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tas-settur pubbliku jingħataw data u informazzjoni dwar il-konformità mar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà b'rabta man-nuqqasijiet tas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli tagħhom, fi żmien raġonevoli u b'format li jippermetti lill-korpi tas-settur pubbliku biex jikkoreġuhom.
Artikolu 8
Format tar-rapport
1. L-Istati Membri għandhom iressqu r-rapport imsemmi fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva (UE) 2016/2102 lill-Kummissjoni b'format aċċessibbli u b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2. Ir-rapport għandu jinkludi l-eżitu tal-attivitajiet tal-monitoraġġ b'rabta mar-rekwiżiti fl-istandards u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2102. Ir-rapport jista' jinkludi wkoll ir-riżultati relatati mar-rekwiżiti li jaqbżu dawk ir-rekwiżiti u jekk jiġu inklużi, dawn għandhom jiġu ppreżentati b'mod separat.
Artikolu 9
Kontenut tar-rapport
1. Ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva (UE) 2016/2102 għandu jkun fih:
|
(a) |
deskrizzjoni dettaljata ta' kif sar il-monitoraġġ; |
|
(b) |
immeppjar, fl-għamla ta' tabella ta' korrelazzjoni, li juri kif il-metodi applikati tal-monitoraġġ jirrelataw mar-rekwiżiti msemmija fl-istandards u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi previsti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2102, inkluż ukoll xi bidliet sinifikanti fil-metodi; |
|
(c) |
l-eżitu tal-monitoraġġ ta' kull perjodu ta' monitoraġġ, inkluż id-data dwar il-kejl; |
|
(d) |
l-informazzjoni li jeżiġi l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva (UE) 2016/2102. |
2. Fir-rapporti tagħhom, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fl-istruzzjonijiet stabbiliti fl-Anness II.
Artikolu 10
Perjodiċità tar-rappurtar
1. L-ewwel rapport għandu jkopri l-ewwel perjodu ta' monitoraġġ għas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli kif stabbilit fl-Artikolu 3(2) u (3).
2. Imbagħad, ir-rapporti għandhom ikopru l-perjodi ta' monitoraġġ għas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli bejn l-iskadenzi tar-rappurtar preċedenti u suċċedenti kif stabbilit fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva (UE) 2016/2102.
Artikolu 11
Arranġamenti oħra għar-rappurtar
L-Istati Membri għandhom jippubblikaw ir-rapport b'format aċċessibbli.
Artikolu 12
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Ottubru 2018.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
ANNESS I
MONITORAĠĠ
1. METODI TAL-MONITORAĠĠ
1.1. Dawn il-metodi tal-monitoraġġ la jżidu, la jieħdu post u lanqas ma jieħdu preferenza fuq xi rekwiżiti li hemm fl-istandards u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2102. Il-metodi huma indipendenti minn kwalunkwe test speċifiku, għodda tal-valutazzjoni tal-aċċessibbiltà, sistema operatorja, brawżer tal-Internet jew teknoloġija assistiva speċifika.
1.2. Monitoraġġ profond
|
1.2.1. |
L-Istati Membri għandhom japplikaw metodu tal-monitoraġġ profond li jivverifika bir-reqqa jekk sit elettroniku jew applikazzjoni mobbli jissodisfawx ir-rekwiżiti kollha identifikati fl-istandards u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2102. |
|
1.2.2. |
Il-metodu tal-monitoraġġ profond għandu jivverifika kull pass tal-proċessi użati għall-kampjun, mill-anqas skont is-sekwenza awtomatika għat-tlestija tal-proċess. |
|
1.2.3. |
Il-metodu tal-monitoraġġ profond għandu jevalwa mill-anqas l-interazzjoni mal-formoli, il-kontrolli tal-interfaċċja u l-kaxex tad-djalogu, il-konfermi għall-entrati tad-data, il-messaġġi tal-erruri u rispons ieħor iġġenerat mill-interazzjoni mal-utenti meta possibbli, kif ukoll l-imġiba tas-siti elettroniċi jew tal-applikazzjonijiet mobbli meta jiġu applikati konfigurazzjonijiet jew preferenzi differenti. |
|
1.2.4. |
Il-metodu tal-monitoraġġ profond jista' jinkludi, meta xieraq, testijiet dwar l-użabbiltà fosthom osservazzjonijiet u analiżi dwar kif l-utenti b'diżabbiltà jipperċepixxu l-kontenut tas-sit elettroniku jew tal-applikazzjoni mobbli u dwar kemm il-komponenti tal-interfaċċja, bħall-menù tan-navigazzjoni jew il-formoli, isibuhom kumplessi biex jużawhom. |
|
1.2.5. |
Il-korp tal-monitoraġġ jista' juża, parzjalment jew għalkollox, ir-riżultati tal-evalwazzjoni mogħtija mill-korp tas-settur pubbliku skont dawn il-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:
|
|
1.2.6. |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jingħata aċċess, soġġett għal xi dispożizzjonijiet legali rilevanti, li jimponu ċerti kundizzjonijiet għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità, inkluż għal raġunijiet ta' sigurtà nazzjonali, għal siti elettroniċi estranet jew intranet lill-korp tal-monitoraġġ għall-finijiet tal-monitoraġġ. Jekk l-aċċess ma jistax jingħata iżda l-korp tas-settur pubbliku jipprovdi r-riżultati tal-evalwazzjoni, il-korp tal-monitoraġġ jista' juża parzjalment jew għalkollox dawn ir-riżultati tal-evalwazzjoni skont dawn il-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:
|
1.3. Monitoraġġ simplifikat
|
1.3.1. |
L-Istati Membri għandhom japplikaw metodu tal-monitoraġġ simplifikat li jsib okkażjonijiet ta' nuqqas ta' konformità ma' subsett tar-rekwiżiti kollha identifikati fl-istandards u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2102. |
|
1.3.2. |
Il-metodu tal-monitoraġġ simplifikat għandu jinkludi testijiet relatati ma' kull wieħed mir-rekwiżiti tal-perċepibbiltà, l-operabbiltà, il-komprensibbiltà u r-robustezza msemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2016/2102. It-testijiet għandhom jispezzjonaw is-siti elettroniċi għal xi nuqqas ta' konformità. Il-monitoraġġ simplifikat għandu l-għan li jkopri dawn il-ħtiġijiet tal-utent b'rabta mal-aċċessibbiltà li ġejjin, sa kemm jista' jkun possibbli b'mod raġonevoli, permezz ta' testijiet awtomatizzati:
Għall-monitoraġġ simplifikat, l-Istati Membri jistgħu jużaw testijiet oħra li mhumiex awtomatizzati. |
|
1.3.3. |
L-Istati Membri għandhom jirrevedu r-regoli tat-test għall-metodu tal-monitoraġġ simplifikat wara kull skadenza għal sottomissjoni ta' rapport, kif stabbilit fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva (UE) 2016/2102. |
2. IT-TEĦID TAL-KAMPJUNI MIS-SITI ELETTRONIĊI U MILL-APPLIKAZZJONIJIET MOBBLI
2.1. Daqs tal-kampjun
|
2.1.1. |
L-għadd ta' siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli li għandhom jiġu mmonitorjati waqt kull perjodu ta' monitoraġġ għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-popolazzjoni tal-Istat Membru. |
|
2.1.2. |
Fl-ewwel u fit-tieni perjodu ta' monitoraġġ, id-daqs minimu tal-kampjun għall-monitoraġġ simplifikat tas-siti elettroniċi għandu jkun 2 għal kull 100 000 abitant magħduda ma' 75 sit elettroniku. |
|
2.1.3. |
Fil-perjodi ta' monitoraġġ sussegwenti, id-daqs minimu tal-kampjun għall-monitoraġġ simplifikat tas-siti elettroniċi għandu jkun 3 għal kull 100 000 abitant magħduda ma' 75 sit elettroniku. |
|
2.1.4. |
Id-daqs tal-kampjun għall-monitoraġġ profond tas-siti elettroniċi għandu jkun mill-anqas 5 % tad-daqs minimu tal-kampjun għall-monitoraġġ simplifikat kif stabbilit fil-punt 2.1.2 magħduda ma' 10 siti elettroniċi. |
|
2.1.5. |
Id-daqs tal-kampjun għall-monitoraġġ profond tal-applikazzjonijiet mobbli għandu jkun 1 għal kull 1 000 000 abitant magħduda ma' 6 applikazzjonijiet mobbli. |
|
2.1.6. |
Jekk l-għadd ta' siti elettroniċi fi Stat Membru jkun inqas mill-għadd mitlub għall-monitoraġġ, l-Istat Membru għandu jwettaq monitoraġġ ta' mill-anqas 75 % tas-siti elettroniċi kollha. |
|
2.1.7. |
Jekk l-għadd ta' applikazzjonijiet mobbli fi Stat Membru jkun inqas mill-għadd mitlub għall-monitoraġġ, l-Istat Membru għandu jwettaq monitoraġġ ta' mill-anqas 50 % tal-applikazzjonijiet mobbli kollha. |
2.2. Għażla tal-kampjun għas-siti elettroniċi
|
2.2.1. |
L-għażla tal-kampjun għas-siti elettroniċi għandha l-għan li tikseb distribuzzjoni varjata, rappreżentattiva u ġeografikament bilanċjata. |
|
2.2.2. |
Il-kampjun għandu jkopri siti elettroniċi mil-livelli differenti ta' amministrazzjoni li jeżistu fl-Istati Membri. Filwaqt li jqis bħala referenza l-Klassifikazzjoni Komuni tal-Unitajiet Territorjali għall-Istatistika (NUTS) u l-Unitajiet Amministrattivi Lokali (LAU) stabbiliti fin-NUTS, il-kampjun għandu jinkludi dawn li ġejjin, meta jkunu jeżistu:
|
|
2.2.3. |
Il-kampjun għandu jinkludi siti elettroniċi li jirrappreżentaw kemm jista' jkun il-varjetà ta' servizzi li jagħtu l-korpi tas-settur pubbliku, b'mod partikolari dawn li ġejjin: il-protezzjoni soċjali, is-saħħa, it-trasport, l-edukazzjoni, ix-xogħol u t-taxxi, il-ħarsien ambjentali, ir-rikreazzjoni u l-kultura, l-akkomodazzjoni u l-ħtiġijiet tal-komunità, l-ordni pubbliku u s-sikurezza. |
|
2.2.4. |
L-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lil partijiet konċernati nazzjonali, b'mod partikolari lil organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b'diżabbiltà, dwar il-kompożizzjoni tal-kampjun tas-siti elettroniċi li għandhom jiġu monitorjati, u jqisu kif xieraq l-opinjoni tal-partijiet konċernati b'rabta ma' siti elettroniċi speċifiċi li jridu jiġu monitorjati. |
2.3. Għażla tal-kampjun għall-applikazzjonijiet mobbli
|
2.3.1. |
L-għażla tal-kampjun għall-applikazzjonijiet mobbli għandha l-għan li tikseb distribuzzjoni varjata u rappreżentattiva. |
|
2.3.2. |
Fil-kampjun għandhom jitqiesu applikazzjonijiet mobbli li jitniżżlu ta' sikwit. |
|
2.3.3. |
Meta jkunu qed jintgħażlu l-applikazzjonijiet mobbli għall-kampjun, għandhom jitqiesu sistemi operatorji differenti. Għal finijiet ta' teħid tal-kampjun, verżjonijiet ta' applikazzjoni mobbli maħluqa għal sistemi operatorji differenti għandhom jitqiesu bħala applikazzjonijiet mobbli distinti. |
|
2.3.4. |
Il-kampjun għandu jinkludi biss l-aħħar verżjoni ta' applikazzjoni mobbli, minbarra meta l-aħħar verżjoni ta' applikazzjoni mobbli ma tkunx kompatibbli ma' sistema operatorja antika, iżda li għadha tiġi appoġġata. F'dak il-każ, il-kampjun għandu jinkludi wkoll waħda minn dawk il-verżjonijiet preċedenti tal-applikazzjoni mobbli. |
|
2.3.5. |
L-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lil partijiet konċernati nazzjonali, b'mod partikolari lil organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b'diżabbiltà, dwar il-kompożizzjoni tal-kampjun tal-applikazzjonijiet mobbli li għandhom jiġu monitorjati, u jqisu kif xieraq l-opinjoni tal-partijiet konċernati b'rabta ma' applikazzjonijiet mobbli speċifiċi li jridu jiġu mmonitorjati. |
2.4. Kampjun rikorrenti
Mit-tieni perjodu ta' monitoraġġ 'il quddiem, jekk l-għadd ta' siti elettroniċi jew applikazzjonijiet mobbli eżistenti jkun jippermetti, il-kampjun għandu jinkludi mill-anqas 10 % tas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli mmonitorjati fil-perjodu ta' monitoraġġ preċedenti u mill-anqas 50 % ta' dawk li ġewx immonitorjati fil-perjodu ta' monitoraġġ preċedenti.
3. TEĦID TA' KAMPJUNI TAL-PAĠNI
3.1. Għall-finijiet ta' dan l-Anness, “paġna” tfisser paġna web jew skrin f'applikazzjoni mobbli.
3.2. Għall-metodu tal-monitoraġġ profond, għandhom jiġu mmonitorjat dawn il-paġni u dokumenti li ġejjin, jekk ikunu jeżistu:
|
(a) |
il-paġna ewlenija, il-login, il-mappa tas-sit, il-kuntatt, il-paġni tal-għajnuna u tal-informazzjoni legali; |
|
(b) |
mill-anqas paġna waħda rilevanti dwar kull tip ta' servizz mogħti mis-sit elettroniku jew mill-applikazzjoni mobbli, u kwalunkwe użi primarji oħra maħsuba tagħha, inkluż il-funzjonalità tat-tiftix; |
|
(c) |
il-paġni li fihom il-politika jew id-dikjarazzjoni tal-aċċessibbiltà u l-paġni li fihom il-mekkaniżmu tar-rispons; |
|
(d) |
eżempji ta' paġni li għandhom apparenza distinta b'mod sostanzjali jew li jippreżentaw tip differenti ta' kontenut; |
|
(e) |
mill-anqas dokument wieħed rilevanti li jista' jitniżżel, meta applikabbli, għal kull tip ta' servizz mogħti mis-sit elettroniku jew mill-applikazzjoni mobbli, u kwalunkwe użi primarji oħra maħsuba tagħha; |
|
(f) |
kwalunkwe paġna oħra meqjusa rilevanti mill-korp tal-monitoraġġ; |
|
(g) |
paġni magħżula b'mod aleatorju li jammontaw għal mill-anqas 10 % tal-kampjun stabbilit mill-punti (a) sa (f) tal-punt 3.2. |
3.3. Jekk xi paġni fil-kampjun magħżul skont il-punt 3.2 jinkludu pass fi proċess, il-passi kollha tal-proċess għandhom jiġu verifikati, kif previst fil-punt 1.2.2.
3.4. Għall-metodu tal-monitoraġġ simplifikat, minbarra l-paġna ewlenija għandu jiġi mmonitorjat għadd ta' paġni li jixraq skont id-daqs stmat u l-kumplessità tas-sit elettroniku.
ANNESS II
STRUZZJONIJIET DWAR IR-RAPPURTAR
1. SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT
Ir-rapport għandu jinkludi sommarju tal-kontenut tiegħu.
2. DESKRIZZJONI TAL-ATTIVITAJIET TAL-MONITORAĠĠ
Ir-rapport għandu jiddeskrivi l-attivitajiet tal-monitoraġġ imwettqa mill-Istat Membri, b'separazzjoni ċara tas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli, u għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:
2.1. Informazzjoni ġenerali
|
(a) |
id-dati meta sar il-monitoraġġ f'kull perjodu ta' monitoraġġ; |
|
(b) |
l-identifikazzjoni tal-korp responsabbli mill-monitoraġġ; |
|
(c) |
id-deskrizzjoni tar-rappreżentattività u d-distribuzzjoni tal-kampjun kif stabbilit fil-punti 2.2 u 2.3 tal-Anness I. |
2.2. Kompożizzjoni tal-kampjun
|
(a) |
l-għadd totali ta' siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli inklużi fil-kampjun; |
|
(b) |
l-għadd ta' siti elettroniċi monitorjati permezz tal-metodu tal-monitoraġġ simplifikat; |
|
(c) |
l-għadd ta' siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli monitorjati permezz tal-metodu tal-monitoraġġ profond; |
|
(d) |
l-għadd ta' siti elettroniċi mmonitorjati, minn kull waħda mill-erba' kategoriji elenkati fil-punt 2.2.2 tal-Anness I; |
|
(e) |
id-distribuzzjoni tal-kampjun għas-siti elettroniċi li turi l-kopertura tas-servizzi pubbliċi (kif jeżiġi l-punt 2.2.3 tal-Anness I); |
|
(f) |
id-distribuzzjoni tal-kampjun għall-applikazzjonijiet mobbli minn fost is-sistemi operatorji differenti (kif jeżiġi l-punt 2.3.3 tal-Anness I); |
|
(g) |
l-għadd ta' siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli monitorjati fil-perjodu ta' monitoraġġ li ġew inklużi fil-perjodu ta' monitoraġġ preċedenti (il-kampjun rikorrenti deskritt fil-punt 2.4 tal-Anness I). |
2.3. Korrelazzjoni mal-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-għodod użati għall-monitoraġġ
|
(a) |
immeppjar, fl-għamla ta' tabella ta' korrelazzjoni, li juri kif il-metodi tal-monitoraġġ, inkluż it-testijiet applikati, jivverifikaw il-konformità mar-rekwiżiti msemmija fl-istandards u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi previsti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2102; |
|
(b) |
id-dettalji dwar l-għodod użati, il-verifiki li saru u jekk kinux involuti testijiet tal-użabbiltà. |
3. EŻITU TAL-MONITORAĠĠ
Ir-rapport għandu jagħti dettalji dwar l-eżitu tal-monitoraġġ li għamel l-Istat Membru.
3.1. Eżitu dettaljat
Għal kull metodu tal-monitoraġġ applikat (profond u simplifikat, għas-siti elettroniċi u għall-applikazzjonijiet mobbli), ir-rapport għandu jipprovdi dan li ġej:
|
(a) |
deskrizzjoni komprensiva tal-eżitu tal-monitoraġġ, inkluż data dwar il-kejl; |
|
(b) |
analiżi kwalitattiva tal-eżitu tal-monitoraġġ, inkluż:
|
3.2. Kontenut addizzjonali (fakultattiv)
Ir-rapport jista' jinkludi din l-informazzjoni li ġejja:
|
(a) |
l-eżitu tal-monitoraġġ tas-siti elettroniċi jew tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku li ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/2102; |
|
(b) |
dettalji dwar il-prestazzjoni tat-teknoloġiji differenti użati mis-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli monitorjati, fejn tidħol l-aċċessibbiltà; |
|
(c) |
ir-riżultati tal-monitoraġġ ta' kwalunkwe rekwiżiti li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti fl-istandards u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2102; |
|
(d) |
it-tagħlimiet miksuba mir-rispons li bagħat il-korp tal-monitoraġġ lill-korpi tas-settur pubbliku monitorjati; |
|
(e) |
kwalunkwe aspett rilevanti ieħor tal-monitoraġġ tal-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi jew tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku li jmur lilhinn mir-rekwiżiti tad-Direttiva (UE) 2016/2102; |
|
(f) |
sommarju tal-eżiti tal-konsultazzjoni mal-partijiet konċernati u l-lista ta' dawk ikkonsultati; |
|
(g) |
dettalji dwar l-użu tad-deroga minħabba piż sproporzjonat prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2016/2102. |
4. UŻU TAL-PROĊEDURA TA' INFURZAR U R-RISPONS TAL-UTENT FINALI
Ir-rapport għandu jagħti dettalji dwar l-użu u deskrizzjoni tal-proċedura ta' infurzar stabbilita mill-Istati Membri.
Fir-rapport, l-Istati Membri jistgħu jinkludu kwalunkwe data kwalitattiva u kwantitattiva dwar ir-rispons li rċevew il-korpi tas-settur pubbliku permezz tal-mekkaniżmu tar-rispons stabbilit fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva (UE) 2016/2102.
5. KONTENUT RELATAT MA' MIŻURI ADDIZZJONALI
Ir-rapport għandu jkun fih il-kontenut li jeżiġi l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva (UE) 2016/2102.