15.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 258/3


DEĊIŻJONI (UE) 2018/1505 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Settembru 2018

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Bulgarija, lill-Greċja, lil-Litwanja u lill-Polonja

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (2), u b’mod partikolari l-punt 11 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea ("il-Fond") għandu l-għan li jippermetti lill-Unjoni tirrispondi b’mod rapidu, effiċjenti u flessibbli għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza sabiex tintwera solidarjetà mal-popolazzjonijiet tar-reġjuni milquta minn diżastri naturali.

(2)

Il-Fond ma jridx jaqbeż l-ammont annwali massimu ta’ EUR 500 000 000 (bil-prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (3).

(3)

Fil-11 ta’ Jannar 2018, il-Bulgarija ppreżentat applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-Fond, wara l-għargħar ikkawżat minn xita qawwija u maltempati vjolenti fil-25 u s-26 ta’ Ottubru 2017.

(4)

Fil-11 ta’ Ottubru 2017, il-Greċja ppreżentat applikazzjoni biex timmobilizza l-Fond, wara terremot li affettwa r-reġjun tal-Eġew tan-Nofsinhar u l-gżira ta’ Kos fl-20 ta’ Lulju 2017.

(5)

Fit-22 ta’ Diċembru 2017, il-Litwanja ppreżentat applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-Fond, wara għargħar ikkawżati minn xita kontinwa matul is-sajf u l-ħarifa tal-2017.

(6)

Fil-25 ta’ Ottubru 2017, il-Polonja ppreżentat applikazzjoni biex timmobilizza l-Fond, wara maltempati eċċezzjonalment vjolenti u x-xita qawwija li seħħew bejn id-9 u t-12 ta’ Awwissu 2017.

(7)

L-applikazzjonijiet mill-Bulgarija, mill-Greċja, mil-Litwanja u mill-Polonja jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond, kif stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2012/2002.

(8)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Fond jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja lill-Bulgarija, lill-Greċja, lil-Litwanja u lill-Polonja.

(9)

Sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun il-ħin li jieħu l-Fond biex jiġi mobilizzat, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tiġi tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi l-ammont ta’ EUR 2 258 225 lill-Bulgarija, EUR 2 535 796 lill-Greċja, EUR 16 918 941 lil-Litwanja u EUR 12 279 244 lill-Polonja, f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Hija għandha tapplika mit-12 ta’ Settembru 2018.

Magħmul fi Strasburgu, it-12 ta’ Settembru 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

K. EDTSTADLER


(1)   ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3.

(2)   ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).