8.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 252/40


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1491

tat-2 ta' Ottubru 2018

li tawtorizza lil Spanja tapplika rata mnaqqsa ta' dazju tas-sisa fuq l-elettriku pprovdut direttament lill-bastimenti rmiġġati f'port, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea

Billi:

(1)

Permezz ta' ittra tat-12 ta' April 2018, Spanja talbet l-awtorizzazzjoni biex tapplika rata mnaqqsa ta' dazju tas-sisa fuq l-elettriku pprovdut direttament lill-bastimenti rmiġġati f'port (“elettriku mill-art”) skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE.

(2)

Bit-tnaqqis fid-dazju tas-sisa li beħsiebha tapplika, Spanja għandha l-għan li tippromwovi l-użu tal-elettriku mill-art. L-użu ta' dan l-elettriku huwa meqjus bħala mezz li jagħmel inqas ħsara lill-ambjent biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-elettriku tal-bastimenti li jkunu rmiġġati fil-portijiet, meta mqabbel mal-ħruq ta' karburanti tal-bastimenti minn dawk il-bastimenti.

(3)

Safejn l-użu tal-elettriku mill-art jevita l-emissjonijiet ta' tniġġis tal-arja li joriġinaw mill-ħruq tal-karburanti tal-bastimenti abbord il-bastimenti fl-irmiġġ, dan jikkontribwixxi għal titjieb tal-kwalità tal-arja lokali fl-ibliet portwali. Skont il-kundizzjonijiet speċifiċi tal-istruttura tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fi Spanja, l-użu tal-elettriku mill-grilja tad-distribuzzjoni mill-art minflok l-elettriku ġġenerat permezz tal-ħruq tal-karburanti tal-bastimenti abbord huwa mistenni li jnaqqas aktar l-emissjonijiet tad-CO2. Il-miżura għalhekk hija mistennija li tikkontribwixxi għall-għanijiet tal-Unjoni tal-politiki ambjentali, tas-saħħa u tal-klima.

(4)

L-għoti ta' permess lil Spanja biex tapplika rata mnaqqsa ta' dazju tas-sisa fuq l-elettriku mix-xattt ma jmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jiżdied l-użu tal-elettriku mill-art, peress li fil-maġġoranza tal-każijiet, il-ġenerazzjoni abbord tal-elettriku ser jibqa' l-iżjed alternattiva kompetittiva. Għall-istess raġuni, u minħabba li t-teknoloġija għadha mhix disponibbli fi Spanja, il-miżura x'aktarx li ma twassalx għal distorsjonijiet sinifikanti fil-kompetizzjoni matul l-eżistenza tagħha u għalhekk mhux ser ikollha effett negattiv fuq il-funzjonament korrett tas-suq intern.

(5)

B'konformità mal-paragrafu 2 tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE, kull awtorizzazzjoni mogħtija skont dak l-Artikolu teħtieġ li tkun għal żmien strettament limitat. Sabiex jiġi żgurat li l-perjodu ta' awtorizzazzjoni jkun twil biżżejjed biex ma jaqtax qalb l-operaturi tal-portijiet milli jagħmlu investimenti neċessarji, huwa xieraq li l-awtorizzazzjoni tingħata għal perjodu ta' sitt snin, soġġett madankollu għal dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-kwistjoni li jistgħu jiġu adottati skont l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u li jsiru applikabbli qabel l-iskadenza prevista tal-perjodu ta' awtorizzazzjoni.

(6)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI

Artikolu 1

Spanja hija awtorizzata tapplika rata mnaqqsa ta' dazju tas-sisa fuq l-elettriku għall-elettriku pprovdut direttament lil bastimenti rmiġġati fil-portijiet, għajr dgħajjes għal użu rikreattiv privat, diment li l-livelli minimi ta' tassazzjoni msemmijin fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE jiġu rispettati.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva mill-1 ta' Jannar 2019. Hija għandha tiskadi sitt snin wara tali data.

Madankollu, jekk il-Kunsill, li jaġixxi abbażi tal-Artikolu 113 TFUE, jistipula regoli ġenerali dwar vantaġġi fiskali għall-elettriku mill-art, din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-jum li fih dawk ir-regoli ġenerali jsiru applikabbli.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta' Spanja.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-2 ta' Ottubru 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LÖGER


(1)   ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.