8.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 252/38


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1490

tat-2 ta' Ottubru 2018

li tawtorizza lill-Ungerija biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont il-punt (12) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Ungerija tista' teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx l-ekwivalenti ta' EUR 35 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-kambju fil-jum tal-adeżjoni tagħha.

(2)

B'ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-13 ta' Novembru 2017, l-Ungerija talbet awtorizzazzjoni biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-punt (12) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE biex iżżid il-livell limitu għall-eżenzjoni għal EUR 48 000. Permezz ta' dik il-miżura speċjali, dawk il-persuni taxxabbli jkunu eżentati minn ċerti obbligi jew mill-obbligi kollha fir-rigward tal-VAT imsemmija fil-Kapitoli 2 sa 6 tat-Titolu XI tad-Direttiva 2006/112/KE.

(3)

Livell limitu ogħla għall-iskema speċjali għall-impriżi żgħar stabbilit fl-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE huwa miżura ta' simplifikazzjoni, billi dan jista' jnaqqas b'mod sinifikanti l-obbligi tal-VAT tal-impriżi żgħar.

(4)

F'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, permezz ta' ittri datati s-6 ta' Frar 2018, il-Kummissjoni ttrasmettiet it-talba tal-Ungerija lill-Istati Membri l-oħra. Permezz ta' ittra datata s-7 ta' Frar 2018, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Ungerija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tkun tista' tqis it-talba.

(5)

Il-miżura speċjali mitluba hija f'konformità mal-għanijiet ta' politika tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ġunju 2008 intitolata “Aħseb l-ewwel fiż-żgħir” — “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa.

(6)

B'kunsiderazzjoni li ż-żieda tal-livell limitu tirriżżulta fi tnaqqis fl-obbligi tal-VAT u b'hekk fi tnaqqis fil-piż amministrattiv u fl-ispejjeż ta' konformità għal impriżi żgħar, jenħtieġ li l-Ungerija tkun awtorizzata tapplika l-miżura speċjali għal perjodu limitat. L-iskema speċjali għal impriżi żgħar hija fakultattiva, u għalhekk persuni taxxabbli xorta waħda jkunu jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT.

(7)

Minħabba li l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE li jirregolaw l-iskema speċjali għal impriżi żgħar huma s-suġġett ta' reviżjoni, jista' jkun li tidħol fis-seħħ direttiva, li temenda dawk l-Artikoli, li tistabbilixxi data li minnha l-Istati Membri jkollhom japplikaw dispożizzjonijiet nazzjonali qabel ma jiskadi l-perjodu ta' validità tad-deroga fil-31 ta' Diċembru 2021. Jekk jiġri hekk, din id-Deċiżjoni ma tibqax tapplika.

(8)

Abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Ungerija, il-miżura speċjali ser ikollha biss impatt negliġibbli fuq l-ammont ġenerali ta' dħul mit-taxxa li l-Ungerija tiġbor fl-istadju tal-konsum finali.

(9)

Il-miżura speċjali ma għandha l-ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jakkumulaw mill-VAT minħabba li l-Ungerija ser twettaq kalkolu ta' kumpens skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE,Euratom ) Nru 1553/89 (2),

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B'deroga mill-punt (12) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Ungerija hija awtorizzata li teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li d-dħul annwali tagħhom mhuwiex ogħla mill-ekwivalenti ta' EUR 48 000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2019 sal-aktar data bikrija minn dawn iż-żewġ dati li ġejjin:

(a)

il-31 ta' Diċembru 2021;

(b)

id-data li fiha l-Istati Membri jkollhom japplikaw kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali li huma meħtieġa jadottaw f'każ li tiġi adottata direttiva li temenda l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE li tirregola l-iskema speċjali għal impriżi żgħar.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-2 ta' Ottubru 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LÖGER


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta' Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta' riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9).