2.10.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 246/46 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1471
tad-19 ta' Settembru 2018
dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem ta' “INWAQQFU L-FRODI u l-abbuż ta' FONDI TAL-UE — permezz ta' kontroll aħjar ta' deċiżjonijiet, implimentazzjoni u penali”
(notifikata bid-dokument C(2018) 6077)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,
Billi:
(1) |
Is-suġġett tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem ta' “INWAQQFU L-FRODI u l-abbuż ta' FONDI TAL-UE — permezz ta' kontroll aħjar ta' deċiżjonijiet, implimentazzjoni u penali” jirreferi għal li ġej: “L-Istituzzjonijiet Ewropej għandhom ikunu intitolati li japplikaw kontrolli u sanzjonijiet imsaħħin u aktar stretti (inkluż ex-ante) f'dawk l-Istati Membri tal-UE li mhumiex membri tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew.” |
(2) |
L-objettivi tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta jirreferu għal dan li ġej: “Biex jipprevjenu u jippenalizzaw il-frodi u l-abbuż ta' fondi tal-UE, l-Istituzzjonijiet Ewropej għandhom ikunu intitolati li japplikaw kontroll imsaħħaħ fl-Istati Membri li mhumiex parti mill-kooperazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ewropew. Dan ikun jinkludi kontroll ex-ante ta' deċiżjonijiet ta' finanzjament u akkwist f'oqsma riskjużi. Aħna nipproponu li tali kontroll approfondit għandu jkopri l-esplorazzjoni kompleta taċ-ċirkustanzi kollha kif ukoll il-pubblikazzjoni ta' attivitajiet frodulenti u reati oħra li huma ta' ħsara lill-interessi finanzjarji tal-UE.” |
(3) |
Ġie ffurmat il-kumitat taċ-ċittadini u l-persuni ta' kuntatt ġew maħtura skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament u l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta la tidher li hija abbużiva, la frivola u lanqas vessatorja u lanqas ma tidher li tmur kontra l-valuri tal-Unjoni kif stipulat fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). |
(4) |
L-atti legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati jistgħu jiġu adottati
|
(5) |
Id-deċiżjoni dwar jekk jipparteċipawx jew le f'kooperazzjoni msaħħa, bħall-kooperazzjoni msaħħa li stabbiliet l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, hija għażla volontarja għal kull Stat Membru. Għalhekk, l-atti legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati ma għandhomx, bħala kwistjoni ta' prinċipju, jagħmlu distinzjoni bejn l-Istati Membri biss skont il-parteċipazzjoni tagħhom jew n-nuqqas ta' parteċipazzjoni f'kooperazzjoni msaħħa. Madankollu, l-implimentazzjoni ta' atti legali tal-Unjoni tista' tiddifferenzja bejn l-Istati Membri meta dan ikun oġġettivament ġustifikat, pereżempju meta, bl-elementi rilevanti kollha jittieħdu inkunsiderazzjoni, ikun jeżisti, fil-prattika, livell differenti ta' protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni bejn l-Istati Membri. |
(6) |
It-TUE jirrinforza ċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jsaħħaħ aktar il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni billi jipprevedi, fost l-oħrajn, li kull ċittadin ikollu d-dritt jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni permezz ta' inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej. |
(7) |
Għal dan il-għan, il-proċeduri u l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-inizjattiva taċ-ċittadini għandhom ikunu ċari, sempliċi, faċli biex jintużaw u proporzjonati man-natura tal-inizjattiva taċ-ċittadini sabiex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u biex l-Unjoni ssir aktar aċċessibbli. |
(8) |
Għal dawk ir-raġunijiet, l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem ta' “INWAQQFU L-FRODI u l-abbuż ta' FONDI TAL-UE— permezz ta' kontroll aħjar ta' deċiżjonijiet, implimentazzjoni u penali” ma taqax manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tippreżenta l-atti legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati, skont l-Artikolu 4(2)(b) u għandha, għalhekk, tiġi rreġistrata. Jenħtieġ li d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ għal din l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta jinġabru peress li għandha l-għan li jsiru proposti mill-Kummissjoni għal atti legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati li — filwaqt li jtejbu l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni — ma jagħmlux differenza bejn l-Istati Membri biss skont il-parteċipazzjoni tagħhom jew in-nuqqas ta' parteċipazzjoni f'kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. L-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem ta' “INWAQQFU L-FRODI u l-abbuż ta' FONDI TAL-UE — permezz ta' kontroll aħjar ta' deċiżjonijiet, implimentazzjoni u penali” b'hekk hi reġistrata.
2. Id-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ għal din l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta jistgħu jinġabru, abbażi tal-fehim li hija mmirata lejn proposti mill-Kummissjoni għal atti legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati li — filwaqt li jtejbu l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni — ma jiddifferenzjawx bejn l-Istati Membri biss skont il-parteċipazzjoni tagħhom jew in-nuqqas ta' parteċipazzjoni fil-kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fis-27 ta' Settembru 2018.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-organizzaturi (il-membri tal-kumitat taċ-ċittadini) tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem ta' “INWAQQFU L-FRODI u l-abbuż ta' FONDI TAL-UE — permezz ta' kontroll aħjar ta' deċiżjonijiet, implimentazzjoni u penali”, rappreżentata mis-Sur Zoltán KERESZTÉNY u s-Sur Balázs FEHÉR li jaġixxu bħala persuni ta' kuntatt.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Settembru 2018.
Għall-Kummissjoni
Frans TIMMERMANS
L-Ewwel Viċi President