24.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 239/14


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1280

tal-21 ta' Settembru 2018

li tikkonċerna ċerti miżuri protettivi marbuta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Bulgarija

(notifikata bid-dokument C(2018) 6253)

(It-test bil-Bulgaru biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta' ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

Billi:

(1)

Id-deni Afrikan tal-ħnieżer huwa marda virali infettiva li taffettwa l-popolazzjonijiet tal-ħnieżer domestiċi u selvaġġi u jista' jkollha impatt serju fuq il-profittabilità tan-negozji tat-trobbija tal-ħnieżer li jisfratta l-kummerċ fl-Unjoni u l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi.

(2)

F'każ ta' tifqigħa tad-deni Afrikan tal-ħnieżer, hemm ir-riskju li l-aġent tal-marda jista' jinxtered ma' rziezet oħra tal-ħnieżer u mal-ħnieżer selvaġġi. B'hekk, jista' jinxtered minn Stat Membru għall-ieħor u għall-pajjiżi terzi permezz tal-kummerċ tal-ħnieżer ħajjin jew tal-prodotti tagħhom.

(3)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE (3) tistabbilixxi l-miżuri minimi li jridu jiġu applikati fl-Unjoni għall-kontroll tad-deni Afrikan tal-qżieqeż. L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/60/KE jipprevedi l-istabbiliment ta' żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza fil-każ ta' tifqigħat ta' dik il-marda, fejn iridu japplikaw il-miżuri stipulati fl-Artikoli 10 u 11 ta' dik id-Direttiva.

(4)

Ir-Bulgarija infurmat lill-Kummissjoni bis-sitwazzjoni preżenti fil-provinċja ta' Varna fir-rigward tad-deni Afrikan tal-ħnieżer u, b'konformità mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/60/KE, stabbiliet żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza fejn japplikaw il-miżuri msemmija fl-Artikoli 10 u 11 ta' dik id-Direttiva.

(5)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1216 (4) ġiet adottata wara l-istabbiliment taż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza fil-Bulgarija, skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/60/KE, wara tifqigħat tad-deni Afrikan tal-ħnieżer f'dak l-Istat Membru.

(6)

Sa mid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/1216, is-sitwazzjoni epidemjoloġika fil-Bulgarija baqgħet stabbli fir-rigward tad-deni Afrikan tal-ħnieżer; l-awtoritajiet Bulgari implimentaw il-miżuri ta' kontroll meħtieġa u ġabru data ta' sorveljanza addizzjonali.

(7)

Sabiex jiġi evitat kull xkiel bla bżonn għall-kummerċ fl-Unjoni u biex jiġu evitati ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ minn pajjiżi terzi, hemm bżonn li jiġu deskritti fil-livell tal-Unjoni ż-żoni riveduti stabbiliti bħala żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza għad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Bulgarija, b'kollaborazzjoni ma' dak l-Istat Membru. Dawn iż-żoni jipprevedu żona ta' sorveljanza mnaqqsa b'konformità max-xenarju epidemjoloġiku attwali.

(8)

Għaldaqstant, iż-żoni identifikati bħala żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza fil-Bulgarija jenħtieġ li jiġu stipulati fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni u jenħtieġ li jiġi stabbilit it-tul ta' żmien ta' dik ir-reġjonalizzazzjoni.

(9)

Barra minn hekk, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/1216 jenħtieġ li titħassar u tiġi sostitwita b'din id-Deċiżjoni biex jiġu kkunsidrati l-miżuri aġġornati ta' ġestjoni tal-marda li jinsabu fis-seħħ u l-evoluzzjoni fis-sitwazzjoni tal-marda fil-Bulgarija fir-rigward tad-deni Afrikan tal-ħnieżer.

(10)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Bulgarija għandha tiżgura li ż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza stabbiliti b'konformità mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/60/KE jinkludu mill-inqas iż-żoni elenkati bħala ż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/1216 titħassar.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-30 ta' Ottubru 2018.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Settembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

(2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE tas-27 ta' Ġunju 2002 li tistabbilixxi miżuri għall-kontroll tad-deni Afrikan tal-qżieqeż u temenda d-Direttiva 92/119/KEE għar-rigward tal-marda Teschen u d-deni Afrikan tal-qżieqeż (ĠU L 192, 20.7.2002, p. 27).

(4)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1216 tal-4 ta' Settembru 2018 li tikkonċerna ċerti miżuri protettivi interim marbuta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Bulgarija (ĠU L 224, 5.9.2018, p. 10).


ANNESS

Il-Bulgarija

Żoni kif imsemmija fl-Artikolu 1

Data sa meta applikabbli

Żona ta' protezzjoni

Il-villaġġi li ġejjin tar-reġjun ta' Varna:

 

Il-muniċipalità ta' Provadia

Tutrakantsi

Bozveliysko

Provadiya

Dobrina

Manastir

Zhitnitsa

Barzitsa

Chayka

Royak

Blaskovo

Kiten

Hrabrovo

Ovcharga

Krivnya

 

Il-muniċipalità ta' Avren

Tsarevtsi

 

Il-muniċipalità ta' Dolni Chiflik

Nova Shipka

 

Il-muniċipalità ta' Dalgopol

Velichkovo

Tsonevo

Sava

Dalgopol

30 ta' Ottubru 2018

Żona ta' sorveljanza

 

Il-muniċipalità ta' Provadia

Petrov dol

Staroseletc

Zlatina

Venchan

Ravna

Cherkovna

Nenovo

Snejina

Gradinarovo

Chernook

Slaveikovo

 

Il-muniċipalità ta' Vetrino

Gabarnitsa

 

Il-muniċipalità ta' Devnya

Devnya

Padina

 

Il-muniċipalità ta' Avren

Trastikovo

Sindel

Kazashka reka

Yunak

Dabravino

Avren

 

Il-muniċipalità ta' Beloslav

Razdelna

 

Il-muniċipalità ta' Dolni Chiflik

Grozdyovo

Goren chiflik

Venelin

 

Il-muniċipalità ta' Dalgopol

Debelets

Krasimir

Boryana

Kamen dyal

Partizani

Asparuhovo

Komunari

Sladka voda

30 ta' Ottubru 2018