19.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 235/7


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/1247

tat-18 ta' Settembru 2018

li temenda d-Deċiżjoni 2012/392/PESK dwar il-missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-16 ta' Lulju 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/392/PESK (1) li tistabbilixxi missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer sabiex tappoġġa t-tisħiħ tal-kapaċità tal-atturi tas-sigurtà tan-Niġer biex jikkumbattu t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata (EUCAP Sahel Niger).

(2)

Il-Kunsill estenda l-Missjoni sal-15 ta' Lulju 2018 permezz tad-Deċiżjoni (PESK) 2016/1172 (2) u pprovdielha referenza finanzjarja sal-istess data permezz tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/1253 (3). Barra minn hekk, il-Kunsill estenda l-Missjoni u l-ammont ta' referenza finanzjarja tagħha sat-30 ta' Settembru 2018 permezz tad-Deċiżjoni (PESK) 2018/997 (4).

(3)

Fit-28 ta' Ġunju 2018, il-Kunsill Ewropew adotta konklużjonijiet dwar il-migrazzjoni.

(4)

B'segwitu għall-Analiżi Strateġika tal-Missjoni, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà rrakkomanda li jiġi emendat il-mandat ta' EUCAP Sahel Niger u li din tiġi estiża b'sentejn.

(5)

L-EUCAP Sahel Niger ser titmexxa fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(6)

Id-Deċiżjoni 2012/392/PESK jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2012/392/PESK għandha tiġi emendata kif ġej:

(a)

L-Artikoli 1, 2 u 3 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“Artikolu 1

Missjoni

L-Unjoni tistabbilixxi missjoni ta' PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer sabiex tappoġġa t-tisħiħ tal-kapaċità tal-atturi tas-sigurtà tan-Niġer biex jikkumbattu t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata (EUCAP Sahel Niger), inkluż bil-ħsieb li tittejjeb il-kapaċità tagħhom li jikkontrollaw u jikkumbattu l-migrazzjoni irregolari u li jnaqqsu l-livell ta' kriminalità assoċjata.

Artikolu 2

Objettivi

Fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel, l-EUCAP Sahel Niger għandha timmira li l-awtoritajiet tan-Niġer ikunu jistgħu jiżviluppaw l-oqfsa strateġiċi meħtieġa u li jagħmlu l-strateġiji eżistenti aktar operattivi. L-EUCAP Sahel Niger għandha timmira wkoll li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' approċċ integrat, multidixxiplinari, koerenti, sostenibbli u ċċentrat fuq id-drittijiet tal-bniedem fost id-diversi atturi tas-sigurtà tan-Niġer fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata Għandha wkoll tgħin lill-awtoritajiet ċentrali u lokali u lill-forzi tas-sigurtà tan-Niġer jiżviluppaw politiki, tekniki u proċeduri sabiex jikkontrollaw u jikkumbattu l-migrazzjoni irregolari b'mod effettiv.

Artikolu 3

Kompiti

1.   Sabiex twettaq l-objettivi stipulati fl-Artikolu 2, l-EUCAP Sahel Niger għandha:

(a)

ittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-atturi differenti fin-Niġer fil-qasam tas-sigurtà u tappoġġa l-iżvilupp ta' oqfsa strateġiċi u tagħmel l-istrateġiji eżistenti f'dak il-qasam aktar operattivi;

(b)

issaħħaħ il-kapaċità tal-forzi tas-sigurtà tan-Niġer fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata permezz ta' konsulenza, taħriġ u fejn xieraq mentoraġġ;

(c)

tassisti lill-forzi tas-sigurtà tan-Niġer fl-iżvilupp tal-proċeduri u t-tekniki biex jikkontrollaw u jikkumbattu l-migrazzjoni irregolari b'mod effettiv u jnaqqsu l-livell ta' kriminalità assoċjata billi jipprovdu konsulenza strateġika u taħriġ, inkluż fir-rigward tal-kontroll tal-fruntieri, b'appoġġ għall-objettivi tal-UE dwar il-migrazzjoni;

(d)

tiffaċilita l-koordinazzjoni reġjonali u internazzjonali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u l-migrazzjoni irregolari.

2.   L-EUCAP Sahel Niger għandha tiffoka fuq l-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 li jikkontribwixxu għat titjib tal-kontroll tat-territorju tan-Niġer, inkluż f'koordinament mal-Forzi Armati tan-Niġer.

3.   Fit-twettiq tal-kompiti tagħha, l-EUCAP Sahel Niger għandha timmira li tiżgura li l-kapaċità tan-Niġer biex jikkumbatti t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata tiġi żviluppata b'mod sostenibbli, b'mod partikolari permezz ta' titjib fil-ġestjoni tar-riżorsi umani, il-loġistika u l-politika dwar it-taħriġ f'dak il-qasam.

4.   L-EUCAP Sahel Niger ma għandha twettaq l-ebda funzjoni eżekuttiva.”.

(b)

Fl-Artikolu 13(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-ammont ta' referenza finanzjarja biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUCAP Sahel Niger għall-perijodu mill-1 ta' Ottubru 2018 sat-30 ta' Settembru 2020 għandu jkun ta' EUR 63 400 000.”.

(c)

Fl-Artikolu 16, it-tieni sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

“Hija għandha tapplika sat-30 ta' Settembru 2020.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Settembru 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

G. BLÜMEL


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/392/PESK tas-16 ta' Lulju 2012 dwar il-missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger) (ĠU L 187, 17.7.2012, p. 48).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/1172 tat-18 ta' Lulju 2016 li temenda d-Deċiżjoni 2012/392/PESK dwar il-missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger) (ĠU L 193, 19.7.2016, p. 106).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1253 tal-11 ta' Lulju 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2012/392/PESK dwar il-missjoni ta' PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger) (ĠU L 179, 12.7.2017, p. 15).

(4)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/997 tat-13 ta' Lulju 2018 li temenda d-Deċiżjoni 2012/392/PESK dwar il-missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger (ĠU L 178, 16.7.2018, p. 7).