|
10.9.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 227/7 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1222
tal-5 ta' Settembru 2018
dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem ta' “End the Cage Age”
(notifikata bid-dokument C(2018) 5829)
(It-test Ingliż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Is-suġġett tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bit-titolu “End the Cage Age” jirreferi għal li ġej: “Mijiet ta' miljuni ta' annimali tar-razzett fl-UE jinżammu f'gaġeġ tul il-biċċa l-kbira ta' ħajjithom u dan jikkawża tbatija kbira. Aħna nistiednu lill-Kummissjoni Ewropea biex ittemm dan it-trattament inuman tal-annimali tar-razzett”. |
|
(2) |
L-objettivi tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta jirreferu għal dan li ġej: “Ta' kull sena l-gaġeġ jikkawżaw tbatija fuq għadd enormi ta' annimali tar-razzett. Il-gaġeġ huma krudili u bla bżonn, peress li huma vijabbli sistemi bla gaġeġ li joffru aktar benessri. Għalhekk il-Kummissjoni qiegħda tiġi mistiedna biex tipproponi leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-użu ta': il-gaġeġ għat-tiġieġ tal-bajd, għall-fniek, għall-għattuqa, għat-tiġieġ tat-tnissil, għat-tiġieġ tal-bajd ripproduttivi, għas-summien, għall-papri u għall-wiżż; il-gaġġeġ tal-ħlas għall-ħnieżer nisa; l-imqajjel tal-ħnieżer nisa, fejn mhux diġà pprojbiti; il-gaġeġ fejn jinżammu l-għoġol individwalment, fejn mhux diġà pprojbiti.” |
|
(3) |
It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jirrinforza ċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jsaħħaħ aktar il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni billi jipprevedi, fost l-oħrajn, li kull ċittadin ikollu d-dritt jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni permezz ta' inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej. |
|
(4) |
Għal dan il-għan, il-proċeduri u l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-inizjattiva taċ-ċittadini għandhom ikunu ċari, sempliċi, faċli biex jintużaw u proporzjonati man-natura tal-inizjattiva taċ-ċittadini sabiex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u biex l-Unjoni ssir aktar aċċessibbli. |
|
(5) |
Għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati jista' jiġi adottat Att ġuridiku tal-Unjoni għad-dispożizzjonijiet meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi tal-politika agrikola komuni, inkluż il-projbizzjoni tat-tqegħid fil-gaġeġ fil-kuntest tal-produzzjoni agrikola, fuq il-bażi tal-Artikolu 43(2) TFUE. |
|
(6) |
L-inizjattiva taċ-ċittadini proposta, sa fejn hija mmirata lejn proposti mill-Kummissjoni għal att ġuridiku li jistabbilixxi projbizzjonijiet relatati mal-produzzjoni agrikola, ma taqax manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att ġuridiku tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati, skont l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament. |
|
(7) |
Barra minn hekk, ġie ffurmat kumitat taċ-ċittadini u nħattru persuni ta' kuntatt skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament u l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta la tidher li hija abbużiva, la frivola u lanqas vessatorja u lanqas ma tidher li tmur kontra l-valuri tal-Unjoni kif stipulat fl-Artikolu 2 TUE. |
|
(8) |
Għalhekk jenħtieġ li l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bit-titolu “End the Cage Age” tiġi rreġistrata. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. L-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bit-titolu “End the Cage Age” qiegħda b'dan tiġi rreġistrata.
2. Jistgħu jinġabru dikjarazzjonijiet ta' appoġġ għal din l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta, abbażi tal-fehim li l-inizjattiva timmira lejn proposti mill-Kummissjoni għal att ġuridiku li jistabbilixxi projbizzjonijiet relatati mal-produzzjoni agrikola.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-11 ta' Settembru 2018.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-organizzaturi (il-membri tal-kumitat taċ-ċittadini) tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bit-titolu “End the Cage Age”, rappreżentati mis-Sinjura Ms Léopoldine CHARBONNEAUX u mis-Sinjura Olga KIKOU li jaġixxu bħala persuni ta' kuntatt.
Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Settembru 2018.
Għall-Kummissjoni
Frans TIMMERMANS
L-Ewwel Viċi President