7.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 226/7


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1220

tas-6 ta' Settembru 2018

dwar ir-regoli ta' proċedura tal-Bord imsemmija fl-Artikolu 143 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014 u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE, u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 143(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 issostitwixxa r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) li jistabbilixxi bord għall-valutazzjoni b'mod ċentrali ta' ċerti sitwazzjonijiet ta' esklużjoni ta' operaturi ekonomiċi u sabiex jiġu adottati rakkomandazzjonijiet xierqa (“il-Bord”).

(2)

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 jestendi l-kompetenza tal-Bord għall-formulazzjoni tal-opinjoni u r-rakkomandazzjonijiet bil-għan li tiġi stabbilita l-eżistenza ta' irregolarità finanzjarja u huwa xieraq li t-twettiq ta' din il-kompetenza jkun organizzat fir-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

(3)

L-Artikolu 143 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 jistabbilixxi l-għamla tal-Bord, u l-proċedura ta' ħatra tal-President tiegħu u l-ġestjoni ta' kunflitti ta' interess. Huwa jistipula li r-regoli ta' proċedura tal-Bord huma adottati mill-Kummissjoni u li l-Bord għandu jkun assistit minn segretarjat permanenti, ipprovdut mill-Kummissjoni.

(4)

Sabiex jiġu żgurati l-kontinwità u l-funzjonament tajjeb tal-Bord, ta' min jispeċifika l-proċedura ta' ħatra u ta' revoka tal-President u li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet tas-sostitut tiegħu f'każ ta' assenza jew indispożizzjoni.

(5)

Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità u l-funzjonament tal-Bord, huwa neċessarju wkoll li jiġu stabbiliti regoli dettaljati dwar il-kompożizzjoni tiegħu f'kull każ partikolari, b'mod partikolari dwar il-ħatra taż-żewġ membri permanenti, is-sostituti tagħhom u l-membru addizzjonali li jirrappreżenta l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni kompetenti.

(6)

Huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li l-osservaturi jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Bord, b'mod partikolari sabiex jiġi żgurat li jkun infurmat bis-sħiħ u kif jixraq.

(7)

Fl-interess ta' amministrazzjoni tajba, huwa xieraq li jiġu speċifikati l-funzjonijiet ta' appoġġ li s-segretarjat permanenti għandu jipprovdi għall-ħidma tiegħu.

(8)

Il-proċedura biex wieħed iressaq każ quddiem il-Bord għandha tiġi ċċarata, b'mod partikolari fir-rigward tal-kontenut minimu tal-konsultazzjoni.

(9)

Għall-benefiċċju tal-operaturi ekonomiċi, huwa meħtieġ li tiġi stabbilita l-proċedura biex tiżgura li jiġi rispettat id-dritt tagħhom għal smigħ.

(10)

Huwa xieraq li jiġu speċifikati l-arranġamenti prattiċi għal kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Bord u l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), fid-dawl tal-arranġamenti amministrattivi dwar il-kooperazzjoni u l-iskambju f'waqtu ta' informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-OLAF.

(11)

Huwa xieraq li jiġu ċċarati r-regoli għall-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet tal-Bord.

(12)

Billi l-Bord jissostitwixxi lill-Bord stabbilit fl-Artikolu 73(6) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u huwa s-suċċessur tal-Bord stabbilit fl-Artikolu 108(4) tal-istess Regolament, hemm lok għal abrogazzjoni taż-żewġ Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni C (2011) 6109 finali u (UE) 2015/2463 (3) dwar ir-regolamenti interni tagħhom.

(13)

Id-data personali kollha relatata mal-membri tal-grupp għandha tkun ipproċessata b'konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(14)

Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) japplika għar-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Bord,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Deċiżjoni tistabblixxi r-regoli ta' proċedura tal-Bord imsemmija fl-Artikolu 143 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

Artikolu 2

Ħatra, tmiem tal-kariga u tneħħija tal-president u tas-sostitut tiegħu

1.   Il-president tal-Bord huwa maħtur mill-Kummissjoni għal mandat ta' ħames snin li ma jiġġeddidx, wara sejħa għal espressjoni ta' interess. Il-mandat tiegħu jibda jiddekorri fid-data indikata għal dan il-għan fl-att tal-ħatra. Din id-Deċizjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea — Serje Ċ.

2.   Il-President jinħatar bħala konsulent speċjali tal-Kummissjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea. Il-kuntratt ta' konsulent speċjali għandu jirrispetta b'mod sħiħ l-indipendenza tiegħu u ma jaffettwax il-perjodu tal-mandat tiegħu.

3.   Il-Kummissjoni tista' tkeċċi lill-President jekk ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-qadi ta' dmirijietu.

4.   Ir-regoli applikabbli għall-ħatra, it-tmiem tal-kariga u t-tneħħija tal-President japplikaw ukoll għas-sostitut tiegħu. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 sa 3 ta' dan l-Artikolu u dawk li jinsabu fl-Artikolu 143 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 japplikaw ukoll għas-sostitut tal-President.

Artikolu 3

Sostituzzjoni tal-President

1.   F'każ ta' impediment tal-President, il-funzjonijiet tiegħu jiġu eżerċitati mill-membru sostitut tiegħu.

2.   Fil-każ li l-presidenza tkun vakanti, il-funzjonijiet ta' President huma eżerċitati mis-sostitut tiegħu sakemm jinħatar President ġdid.

3.   Fil-każ ta' impedimenti simultanji tal-President u s-sostitut tiegħu, il-funzjonijiet jiġu eżerċitati mill-membru permanenti l-iktar anzjan li jirrappreżenta lill-Kummissjoni.

Artikolu 4

Responsabbiltajiet tal-President

1.   Il-President jirrappreżenta lill-Bord.

2.   Huwa jippresjedi l-laqgħat tiegħu u jorganizza l-ħidma tiegħu.

3.   Għal dan il-għan huwa għandu jkun megħjun mis-Segretarjat Permanenti msemmi fl-Artikolu 7.

4.   Huwa jista' jiddelega l-firma tiegħu lil kull wieħed mill-membri permanenti li jirrappreżentaw lill-Kummissjoni sabiex ikunu jistgħu jiffirmaw f'ismu u għalih, fuq l-istruzzjonijiet li jagħti, id-dokumenti kollha relatati ma' fajl speċifiku jew ma' kwistjonijiet amministrattivi.

5.   Jadotta, wara konsultazzjoni mal-membri permanenti, l-iskedar tal-laqgħat tal-bord.

6.   Jeżerċita s-setgħat mogħtija lilu minn din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Ħatra ta' membri oħra tal-Bord u s-sostituti tagħhom

1.   Id-Direttur tas-Servizz Finanzjarju Ċentrali fid-Direttorat Ġenerali għall-Baġit ikun wieħed miż-żewġ membri permanenti tal-Bord li jirrappreżentaw lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 143(2)(b), tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Id-Direttur Ġenerali għall-Baġit jaħtar uffiċjal ta' grad AD11 jew ogħla biex jiżgura s-sostituzzjoni ta' dan il-membru permanenti.

Id-Direttur Ġeneral tal-baġit jipproċedi għall-ħatra ad personam tat-tieni membru permanenti li jirrappreżenta lill-Kummissjoni u s-sostitut tiegħu fost l-uffiċjali tal-Kummissjoni li jkunu mill-inqas rispettivament fil-gradi AD14 u AD11.

2.   Il-membru li jirrappreżenta l-uffiċjal awtorizzanti kompetenti (minn hawn 'il quddiem “l-awtorità ta' konsultazzjoni”), kif ukoll is-sostitut tiegħu, ikunu uffiċjali jew aġenti temporanji maħtura skont ir-regolament intern u r-regoli amministrattivi interni tal-istituzzjoni, tal-aġenzija jew tal-entità kkonċernata, imsemmi fl-Artikolu 73(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Huma jeżerċitaw tal-inqas il-funzjonijiet ta' Kap ta' Unità jew ta' Kap ta' Delegazzjoni.

Artikolu 6

Osservaturi

1.   L-osservaturi jieħdu sehem fid-deliberazzjonijiet tal-Bord mingħajr ma jieħdu sehem fl-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet.

2.   Is-Servizz Legali tal-Kummissjoni għandu bid-dritt il-kwalità ta' osservatur għal kull fajl ippreżentat lill-Bord u jippreżenta osservazzjonijiet fuq inizjattiva proprja jew fuq talba tal-President. F'dan ir-rigward, wieħed mill-membri tiegħu għandu jassisti għad-diskussjonijiet kollha tal-Bord. Is-Servizz Legali jkun infurmat dwar il-proċeduri kollha bil-miktub.

3.   F'każijiet fejn it-talba tal-awtorità ta' konsultazzjoni hija bbażata, b'mod partikolari, fuq informazzjoni mogħtija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF), ir-rappreżentant tiegħu għandu jkun preżenti għal-laqgħat tal-Bord, jipparteċipa fil-proċedimenti orali u bil-miktub. Huwa jista' jagħmel osservazzjonijiet fuq inizjattiva proprja jew fuq talba tal-President.

4.   Fil-każijiet oħra, l-OLAF jista' jiġi mistieden biex jipprovdi informazzjoni jew pariri, fuq talba tal-President.

5.   Minbarra l-awtorità ta' konsultazzjoni, l-uffiċjali l-oħra tal-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni, ta' uffiċċju Ewropew imwaqqaf mill-Kummissjoni, ta' aġenzija eżekuttiva, istituzzjoni oħra, jew uffiċċju Ewropew ieħor, korp jew aġenzija li huma kkonċernati mill-kawża quddiem il-bord għandu jkollhom l-istatus ta' osservaturi. Dawn jistgħu jattendu d-deliberazzjonijiet tal-Bord, għandhom jiġu infurmati dwar il-proċeduri bil-miktub u jippreżentaw osservazzjonijiet orali u bil-miktub fuq talba tal-President.

6.   Il-President, wara konsultazzjoni mal-membri permanenti tal-Bord, jista' jistieden osservaturi oħra biex jattendu d-diskussjonijiet tal-bord u jistedinhom jippreżentaw osservazzjonijiet orali u bil-miktub.

Artikolu 7

Is-Segretarjat Permanenti

1.   Is-Segretarjat Permanenti tal-Bord ikun ipprovdut minn uffiċjali jew impjegati tad-Direttorat Ġenerali għall-Baġit, li jaqa' taħtu amministrattivament.

2.   Taħt l-awtorità tal-President, is-Segretarjat Permanenti:

(a)

jivverifika l-kwalità tal-awtoritajiet ta' konsultazzjoni, rappreżentanti maħturin u osservaturi;

(b)

jivverifika li l-konsultazzjonijiet għandhom ikunu kompluti u jinkludu l-informazzjoni u d-dokumenti kollha meħtieġa, inkluż fid-dokument ta' informazzjoni;

(c)

jidentifika kull uffiċjal awtorizzanti ieħor ikkonċernat mill-każ li jista' jiġi propost bħala osservatur possibbli;

(d)

jorganizza l-proċeduri u l-kuntatti meħtieġa mal-awtorità ta' konsultazzjoni, is-Servizz Legali tal-Kummissjoni u entitajiet oħra li huma jew li jistgħu jkunu involuti fil-fajl inkwistjoni, sabiex jinkiseb l-aġġornament tal-informazzjoni relatati mal-konsultazzjonijiet;

(e)

jistabbilixxi l-abbozz għal konsiderazzjoni tal-Awtorità u jgħaddihom lill-President, lill-membri l-oħra u lil osservaturi li jissejħu biex jieħdu sehem biex tinstab soluzzjoni għal fajl;

(f)

jipproponi lill-President l-abbozz tal-iskeda tal-laqgħat tal-Bord;

(g)

ifassal abbozz ta' aġenda għal-laqgħat tal-Bord u jibgħatha lill-membri u l-parteċipanti tal-bord fil-laqgħat;

(h)

jivverifika jekk ikunx hemm persuni u d-dokumenti meħtieġa biex jiżguraw li d-deliberazzjonijiet tal-Bord isiru b'mod regolari;

(i)

jattendi d-deliberazzjonijiet tal-Bord, u jiżgura s-segwitu tagħom;

(j)

jistabbilixxi rapport fil-qosor ta' kull laqgħa u jgħaddiha lill-Membri;

(k)

jindirizza n-notifiki għall-operaturi ekonomiċi;

(l)

jinnotifika lill-awtorità ta' konsultazzjoni r-rakkomandazzjoni adottata mill-Bord;

(m)

jiżgura s-segwitu tal-korrispondenza kollha indirizzata lill-Bord jew dwar l-attivitajiet tiegħu;

(n)

iżomm ir-reġistru tar-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Bord u d-deċiżjonijiet meħuda mill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli;

(o)

jiżgura l-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet ta' esklużjoni u penali finanzjarji msemmija fl-Artikolu 140 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

Artikolu 8

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess

1.   Meta l-President jew is-sostitut tiegħu, jew xi membru ieħor jew is-sostitut tiegħu, l-uffiċjali u l-impjegati l-oħra tas-segretarjat tal-proċedimenti, jew kull persuna oħra li tieħu sehem fil-proċedimenti tal-Bord jew tkun konxja mid-dokumenti relatati ma' fajl ikunu f'sitwazzjoni li tista' twassal għal kunflitt ta' interess, għandhom jinfurmaw minnufih lill-Membri l-oħra u lis-Segretarjat. L-istess japplika meta jsibu ruħhom f'sitwazzjoni li tista' oġġettivament tiġi perċepita bħala kunflitt ta' interessi.

2.   L-ebda persuna msemmija fil-paragrafu 1 ma għandha tieħu sehem fid-deliberazzjonijiet jew l-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni. Nota ta' kif ir-riskju ta' kunflitt ta' interess ġie ttrattat jitqiegħed fil-fajl.

Artikolu 9

Kooperazzjoni bejn il-Bord u l-OLAF

1.   L-OLAF jikkoopera mill-qrib mal-Bord f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), b'kunsiderazzjoni xierqa għar-rispett tad-drittijiet proċedurali u fundamentali, u għall-protezzjoni tal-informaturi.

2.   Fejn it-talba mill-awtorità ta' konsultazzjoni tkun ibbażata fuq informazzjoni mibgħuta mill-OLAF, il-Bord jikkonsulta lill-OLAF qabel ma jibgħat in-notifika lill-operatur ekonomiku sabiex ma jimminax il-kunfidenzjalità tal-proċedimenti u l-investigazzjonijiet ġudizzjarji mwettqa jew ikkoordinati mill-OLAF, inkluża l-protezzjoni tal-informaturi, u ta' investigazzjonijiet nazzjonali jew proċedimenti ġudizzjarji, jekk ikunu magħrufa.

3.   Il-komunikazzjoni lill-operaturi ekonomiċi jew l-uffiċjali ta' informazzjoni tagħhom li tirriżulta minn investigazzjonijiet jew investigazzjonijiet immexxija jew ikkoordinati mill-OLAF, teħtieġ il-qbil ta' dan tal-aħħar.

Artikolu 10

Konsultazzjoni tal-Bord

1.   Il-Bord jirċievi talba għal rakkomandazzjoni minn kull uffiċjal tal-awtorizzazzjoni b'delega tal-Kummissjoni, ta' istituzzjoni oħra, ta' uffiċċju Ewropew imwaqqaf mill-Kummissjoni, ta' aġenzija eżekuttiva, jew uffiċċju Ewropew ieħor, korp jew aġenzija.

Meta t-talba ta' konsultazzjoni ssir minn awtorità li mhijiex parti mill-Kummissjoni, il-kuntatti meħtieġa għandhom jiġu stabbiliti minnufih mis-Segretarjat Permanenti biex jiżguraw l-iskambju kunfidenzjali dwar il-każ in kwistjoni.

2.   It-talba tintbagħat f'forma kunfidenzjali, lis-segretarjat bil-posta elettronika fl-indirizz li ġej: Panel-secretariat-BUDG@ec.europa.eu.

3.   Meta l-awtorità ta' konsultazzjoni tieħu nota tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, hija tressaq il-każ quddiem il-bord fl-iqsar żmien possibbli wara li din l-informazzjoni tkun ġiet ikkomunikata lilha, ħlief f'każijiet ġustifikati kif xieraq.

4.   L-applikazzjoni tinkludi l-informazzjoni kollha meħtieġa skont id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 142(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Fiha wkoll informazzjoni oħra rilevanti msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament imsemmi qabel, inklużi fejn xieraq ir-rapporti tal-OLAF. Għandu jkollha skeda informattiva debitament kompluta.

Artikolu 11

Sejħa tal-Bord

Il-Bord għandu jiltaqa' meta jitlaqqa' mill-President tiegħu bil-għan li:

(a)

jistabbilixxi l-klassifikazzjoni preliminari fil-liġi skont l-Artikolu 136(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 għall-finijiet li tiġi notifikata lill-operatur ekonomiku kkonċernat;

(b)

jadotta rakkomandazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 143(6) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

(c)

jindirizza kwistjonijiet relatati mal-funzjonament tal-proċedimenti.

Artikolu 12

Proċedura bil-miktub

Fuq l-inizjattiva tal-President jew fuq talba ta' xi membru ieħor tal-Bord, jistgħu jiġu stabbiliti l-fatti u l-klassifikazzjoni preliminari fil-liġi, u r-rakkomandazzjoni tista' tiġi adottata, permezz ta' proċedura bil-miktub. Kull membru tal-Bord jista' joġġezzjona għall-użu tal-proċedura bil-miktub. L-osservaturi jkunu involuti f'din il-proċedura.

Artikolu 13

Id-dritt tal-operatur ekonomiku għal smigħ

1.   Ħlief fejn ikun hemm raġunijiet leġittimi serji biex tkun ippreservata l-kunfidenzjalità tal-investigazzjoni jew proċedimenti ġudizzjarji nazzjonali, l-operatur ekonomiku għandu d-dritt li jippreżenta osservazzjonijiet skont l-Artikolu 143(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

2.   Ittra ta' osservazzjoni tal-fatti u l-klassifikazzjoni preliminari tagħhom fil-liġi fejn il-korp għandu jieħu inkunsiderazzjoni biss id-dokumenti li l-operaturi ekonomiċi setgħu jikkonsultaw, għandha tiġi kkomunikata lil dan tal-aħħar skont l-Artikolu 143(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Fil-prinċipju, din il-komunikazzjoni ssir bil-posta elettronika.

3.   L-operatur ekonomiku jippreżenta l-osservazzjonijiet lis-segretarjat bil-miktub, f'format elettroniku, fl-indirizz li ġej: Panel-secretariat-BUDG@ec.europa.eu jew l-indirizz tal-posta elettronika kkomunikat lilu fl-ittra ta' komunikazzjoni, flimkien ma' kwalunkwe anness, fil-forma ta' fajl elettroniku standard maħluq bl-użu ta' softwer tal-uffiċċju attwali.

4.   L-osservazzjonijiet bil-miktub ma jeċċedux għaxar paġni fit-tul esklużi l-annessi, ħlief f'każijiet debitament ġustifikati minħabba l-kumplessità fid-dritt jew fil-fatt.

5.   Bħala regola ġenerali, il-limitu ta' tliet ġimgħat għandu jingħata lill-operatur ekonomiku għall-preżentazzjoni tal-osservazzjonijiet tiegħu. Dan it-terminu jibda jiddekorri mill-jum ta' wara l-komunikazzjoni tal-fatti u l-klassifikazzjoni preliminari fil-liġi tagħhom. Meta l-operatur ekonomiku jkun ftiehem kuntrattwalment li jikkomunika mal-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli b'mezzi elettroniċi, in-notifika għandha ssir billi tintbagħat l-ittra ta' komunikazzjoni b'dan il-mod.

6.   Eċċezzjonalment, fuq talba motivata ta' operatur ekonomiku, il-limitu ta' żmien jista' jiġi estiż għal perjodu li ma jistax jaqbeż nofs tat-terminu inizjalment mogħti.

7.   Fi tmiem il-perjodu stabbilit u fin-nuqqas ta' talba għall-estensjoni debitament motivata jew sal-iskadenza tal-perjodu estiż, il-proċedura kontenzjuża għandha tintemm.

8.   Jekk il-President isib li l-operatur ekonomiku ma ppreżentax osservazzjonijiet fit-terminu li ngħatalu, il-proċedura għandha tkompli u l-President għandu jsejjaħ lill-Bord sabiex jadotta r-rakkomandazzjoni.

Artikolu 14

Adozzjoni tal-ittri u tar-rakkomandazzjonijiet

Il-President u l-membri l-oħra għandhom ifittxu li jilħqu konsensus dwar il-kontenut tal-ittra li tikkomunika lill-operatur ekonomiku kkonċernat il-fatti u l-klassifikazzjoni preliminari tagħhom fil-liġi u sussegwentement dwar ir-rakkomandazzjoni.

Jekk le, għandha ssir votazzjoni b'maġġoranza li għaliha:

(a)

il-President għandu vot wieħed;

(b)

iż-żewġ membri permanenti flimkien ikollhom vot wieħed;

(c)

il-membru li jirrappreżenta l-awtorità ta' konsultazzjoni jkollu vot wieħed.

Artikolu 15

Notifika tar-rakkomandazzjoni

Il-Bord jinnotifika r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-awtorità ta' konsultazzjoni u lill-osservaturi.

Artikolu 16

Il-limiti ta' żmien għar-riżoluzzjoni tal-każ

1.   Ladarba s-Segretarjat ikun ivverifika l-konsultazzjoni u eżamina l-każ skont id-dispożizzjonijiet relevanti tal-Artikolu 7, huwa jibgħatu lill-President u lill-membri tal-Bord. Il-President jinnota li l-fajl ġie aġġornat, wara li jkun talab miżuri ta' verifika jew istruzzjonijiet addizzjonali, jekk meħtieġ.

2.   It-tul tal-proċedura, li tibda b'dikjarazzjoni mill-President dwar l-aġġornament tal-fajl u tispiċċa permezz ta' komunikazzjoni ta' opinjoni lill-awtorità ta' konsultazzjoni u, jekk meħtieġ, rakkomandazzjoni fil-prinċipju ma taqbiżx tliet xhur. Dan il-perjodu jista' jiġi estiż mill-President, b'mod partikolari sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt għal smigħ.

Artikolu 17

Kunfidenzjalità tal-ħidma u tad-deliberazzjonijiet

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 u l-Artikolu 22(a) tar-Regolamenti tal-Persunal (7), il-Membri tal-Bord u s-Segretarjat tiegħu, kif ukoll kwalunkwe persuna li, fi kwalunkwe kapaċità, ipparteċipat fil-proċedimenti jew fil-laqgħat tal-Bord jew kienu involuti fit-tħejjija tad-dokumenti, l-opinjonijiet jew l-opinjonijiet maħruġa, jirrispettaw l-aktar kunfidenzjalità stretta f'dan ir-rigward, skont ir-responsabbiltà amministrattiva, statutorja jew kuntrattwali possibbli tagħhom. L-istess jgħodd fir-rigward tal-President u tas-sostitut tiegħu.

Artikolu 18

Trattament tat-talbiet għal aċċess għad-dokumenti u protezzjoni tad-data personali

Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 għandhom japplikaw għall-proċedimenti tal-Bord.

KAPITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI LI JIRRIGWARDAW L-EŻERĊIZZJUTAL-KOMPETENZA KONSULTATTIVA MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 93 TAR-REGOLAMENT FINANZJARJU

Artikolu 19

Prinċipji

1.   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1 sa 4, 8, 12, 13, 17 u 18 stabbiliti fil-Kapitolu I ta' dan ir-Regolament japplikaw għall-eżerċizzju mill-Bord tal-kompetenza mogħtija lilu permezz tal-Artikolu 93 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

2.   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli oħra tal-Kapitolu I ta' dan ir-Regolament japplikaw, ukoll għall-eżerċizzju mill-Bord tal-kompetenza msemmija fil-paragrafu 1, sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni speċifika stabbilita f'dan il-Kapitolu.

Artikolu 20

Membri oħra tal-Bord u s-sostituti tagħhom

1.   Meta jagħti l-opinjoni tiegħu skont l-Artikolu 93(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, il-Bord għandu jkun magħmul mill-membri msemmija fl-Artikolu 143(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 u t-tliet membri addizzjonali li ġejjin:

(a)

rappreżentant tal-awtorità tal-ħatra inkarigat minn kwistjonijiet dixxiplinari tal-istituzzjoni jew tal-korp ikkonċernat;

(b)

membru, maħtur mill-kumitat tal-persunal tal-istituzzjoni jew tal-korp ikkonċernat;

(c)

membru tas-servizz legali ta' istituzzjoni, uffiċċju Ewropew imwaqqaf mill-Kummissjoni, ta' aġenzija eżekuttiva, jew uffiċċju Ewropew ieħor, korp jew aġenzija tal-membru tal-persunal ikkonċernat.

2.   Kull wieħed minn dawn it-tliet membri għandu jkollu sostitut, li għandu jinħatar, skont il-każ, minn:

(a)

l-awtorità tal-ħatra kkonċernata;

(b)

il-Kumitat tal-Persunal ikkonċernat;

(c)

is-servizz legali kkonċernat.

Artikolu 21

Ħatra tal-osservaturi

1.   Is-servizz Legali tal-Kummissjoni jaħtar osservatur fejn il-membru tal-persunal ikkonċernat ma huwiex parti mill-Kummissjoni.

2.   L-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli jew, skont il-każ, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni li jaġixxi bħala uffiċjal tal-awtorizzazzjoni b'sottodelega, jew ir-rappreżentanti tagħhom għandu jkollhom l-istatus ta' osservatur.

3.   L-OLAF jaħtar osservatur jekk informazzjoni dwar l-allegat ksur ta' dispożizzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, kwalunkwe dispożizzjoni relatata mal-ġestjoni finanzjarja jew il-kontroll ta' operazzjonijiet jirriżulta minn informazzjoni li ġiet mgħoddija.

4.   L-uffiċċju ta' dixxiplina tal-istituzzjoni jew korp ikkonċernat jaħtar osservatur f'każijiet fejn il-Bord huwa invokat mill-Awtorità tal-Ħatra. F'każijiet oħra, huwa jista' jiġi mistieden mill-President biex jaħtar osservatur.

5.   Wara konsultazzjoni tal-membri, il-President jista' jistieden osservaturi oħra.

Artikolu 22

Is-Segretarjat Permanenti tal-Bord

1.   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7, minbarra dawk inklużi fil-paragrafu 2(k), għandhom japplikaw.

2.   B'mod partikolari, is-segretarjat:

(a)

meta l-Bord jiġi mgħarraf direttament b'kwistjoni minn membru tal-persunal, jittrażmetti l-fajl lill-awtorità tal-ħatra u jinforma lill-membru tal-persunal li bagħat l-informazzjoni, hekk kif speċifikat fl-Artikolu 23(2);

(b)

meta l-Bord jingħata każ, jivverifika l-kwalità tal-awtorità ta' konsultazzjoni u r-rappreżentanti maħturin tagħhom;

(c)

jidentifika bi ftehim mal-President, tliet membri addizzjonali tal-Bord u l-osservaturi u jivverifika l-kwalità tagħhom;

(d)

jivverifika li l-fajls huma kompluti u jinkludu l-informazzjoni u d-dokumenti kollha meħtieġa, inkluż id-dokument ta' informazzjoni, deskrizzjoni tal-fatti, l-irregolarità allegata u d-dokumenti ta' sostenn, inklużi r-rapporti ta' investigazzjoni;

(e)

jivverifika li l-membru tal-persunal ikkonċernat ikun instema' regolarment mill-awtorità tal-ħatra jew mill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni kompetenti, kif xieraq;

(f)

jabbozza l-opinjonijiet għal konsiderazzjoni b'deċiżjoni tal-Bord u jgħaddihom lill-President, lill-membri l-oħra u lill-osservaturi meħtieġa biex jipparteċipaw fir-riżoluzzjoni ta' każ;

(g)

jgħaddi r-rakkomandazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 93(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 lill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni kompetenti u lid-dipartiment rilevanti tal-awditjar intern;

(h)

meta l-Bord iqis li l-każ jaqa' taħt il-kompetenza tal-OLAF, għandu jibgħat il-fajl lill-awtorità tal-ħatra u għandu jinforma lill-OLAF.

Artikolu 23

Konsultazzjoni tal-Bord

1.   F'konformità mal-Artikolu 93(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, il-Bord għandu jitlaqqa' fuq talba ta' kwalunkwe awtorità tal-ħatra responsabbli għal kwistjonijiet dixxiplinarji jew ta' uffiċjal tal-awtorizzazzjoni kompetenti, inkluż kap ta' delegazzjoni tal-Unjoni jew sostitut ta' dan tal-aħħar li jkun qed jaġixxi bħala uffiċjal awtorizzanti b'sottodelega, minn hawn' il quddiem “l-awtoritajiet ta' konsultazzjoni”.

2.   Meta l-Bord jiġi infurmat direttament minn membru tal-persunal, huwa għandu jibgħat il-fajl lill-awtorità tal-ħatra kompetenti jew, fejn xieraq, lill-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta' reklutaġġ u għandu jinforma lill-membru tal-persunal. Jekk l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Bord, hija għandha tinforma lill-membru tal-persunal. Jekk tiddeċiedi li ma tippreżentax il-każ għall-proċedimenti quddiem il-Bord, hi għandha tinforma lill-membru tal-persunal dwar dan.

Sabiex tkun żgurata l-protezzjoni effettiva tal-informaturi, kif previst fl-Artikolu 22(a)(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Bord jista' jiddeċiedi li, b'deroga mis-subparagrafu preċedenti, ma jinfurmax lill-awtorità tal-ħatra kompetenti u minnufih jinforma lill-OLAF.

Artikolu 24

Proċedura bil-miktub

Fuq l-inizjattiva tal-President jew fuq talba ta' membru tal-Bord, tista' tiġi stabbilita l-opinjoni, permezz ta' proċedura bil-miktub. Kull membru tal-Bord jew il-President jistgħu joġġezzjonaw għall-użu tal-proċedura bil-miktub. F'każ bħal dan, il-President isejjaħ laqgħa fi żmien raġonevoli. L-istess japplika għal dak li jirrigwarda r-rakkomandazzjoni msemmija fl-Artikolu 93(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

Artikolu 25

Adozzjoni tal-opinjoni u tar-rakkomandazzjoni

1.   Il-Bord għandu jagħmel ħiltu sabiex jilħaq konsensus dwar id-determinazzjoni tal-eżistenza ta' irregolarità finanzjarja u fuq il-motivazzjoni li fuqha hija bbażata l-opinjoni jew ir-rakkomandazzjoni.

2.   Fin-nuqqas ta' kunsens, il-kwistjoni titressaq għall-vot fejn:

(a)

il-President għandu vot wieħed;

(b)

iż-żewġ membri permanenti li jirrappreżentaw lill-Kummissjoni flimkien għandhom vot wieħed;

(c)

il-membru li jirrappreżenta l-awtorità ta' konsultazzjoni għandu vot wieħed;

(d)

it-tliet membri addizzjonali jkollhom vot wieħed kull wieħed.

F'każ ta' parità ta' voti, dak tal-president għandu jipprevali.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet. Il-kunsens jew il-votazzjoni jiffoka b'mod partikolari fuq in-natura sistemika ta' irregolarità finanzjarja.

Artikolu 26

Notifika tal-opinjoni u r-rakkomandazzjoni

Il-Bord jinnotifika mingħajr dewmien l-opinjoni lill-awtorità ta' konsultazzjoni, lill-uffiċjal kompetenti u lill-osservaturi.

Artikolu 27

Id-dritt tal-impjegat għal smigħ

Skont l-Artikolu 93(2), it-tieni subparagrafu tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2018/1046, qabel ma jressquh quddiem il-Bord, l-Awtorità tal-Ħatra jew, fejn ikun xieraq, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni kompetenti, jagħtu lill-membru tal-persunal il-possibbiltà li jikkummenta dwar il-fatti li jikkonċernawh. Skont l-Artikolu 22(2)(e) is-Segretarjat Permanenti għandu jivverifika, wara l-konsultazzjoni, li l-persuna kienet instemgħet b'mod regolari.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 29

Reviżjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi riveduta sad-data stabbilita mill-Kummissjoni skont it-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 120(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2017/1939 (8).

Artikolu 30

Revoka

1.   Id-Deċiżjoni C(2011) 6109 hija revokata.

2.   Id-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/2463 hija revokata.

Artikolu 31

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Hija tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 143(4) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Settembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2463 tat-18 ta' Diċembru 2015 dwar ir-regoli ta' proċedura tal-Bord imsemmija fl-Artikolu 108 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 342, 29.12.2015, p. 57).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(6)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999, ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1.

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta' Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1).

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).