|
3.9.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 222/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1211
tas-16 ta' Lulju 2018
dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, ta' Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali ta' passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (Ftehim Interbus) billi tiġi estiża l-possibbiltà ta' adeżjoni għar-Renju tal-Marokk
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b'mod partikulari l-Artikolu 91, flimkien mal-Artikolu 218(5), tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/917/KE (1), il-Ftehim dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali ta' passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (Ftehim Interbus) (2) ġie konkluż, f'isem l-Unjoni, fit-3 ta' Ottubru 2002 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2003 (3). |
|
(2) |
Fil-5 ta' Diċembru 2014, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati biex jiġi emendat il-Ftehim Interbus bil-għan li jitkabbar l-ambitu ġeografiku tiegħu, biex jippermetti l-adeżjoni tar-Renju tal-Marokk, li bħalissa mhijiex prevista fih. Il-Kummissjoni nnegozjat, f'isem l-Unjoni, Protokoll li jemenda l-Ftehim Interbus billi tiġi estiża l-possibbiltà ta' adeżjoni għar-Renju tal-Marokk (il-“Protokoll”). In-negozjati ġew konklużi fl-10 ta' Novembru 2017. |
|
(3) |
L-adeżjoni possibbli tar-Renju tal-Marokk mal-Ftehim Interbus mistennija tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' relazzjonijiet internazzjonali fir-rigward tat-trasport tal-passiġġieri, tat-turiżmu u tal-iskambju kulturali lil hinn minn dawk il-pajjiżi li bħalissa huma Partijiet għall-Ftehim Interbus. Ir-Renju tal-Marokk, li ma jgawdix sħubija sħiħa fil-Konferenza Ewropea tal-Ministri tat-Trasport iżda għandu biss status ta' osservatur, li mhuwiex biżżejjed għall-adeżjoni mal-Ftehim Interbus, għandu jingħata l-opportunità biex jaċċedi għall-Ftehim. |
|
(4) |
Għalhekk, il-Protokoll jeħtieġ li jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni, suġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data iktar tard. |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar tal-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali ta' passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (Ftehim Interbus) billi tiġi estiża l-possibbiltà ta' adeżjoni għar-Renju tal-Marokk huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni, suġġett għall-konklużjoni tiegħu (4).
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Protokoll f'isem l-Unjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Lulju 2018.
Għall-Kunsill
Il-President
J. BOGNER-STRAUSS
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/917/KE tat-3 ta' Ottubru 2002 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Interbus dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali tal-passiġġieri bil-coach u bix-xarabank (ĠU L 321, 26.11.2002, p. 11).
(2) ĠU L 321, 26.11.2002, p. 13.
(3) ĠU L 321, 26.11.2002, p. 44.
(4) It-test tal-Protokoll se jiġi ppubblikat flimkien mad-Deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.