|
22.8.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 211/5 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1193
tal-21 ta' Awwissu 2018
tmiem tal-proċediment antidumping li jikkonċerna importazzjonijiet tas-siliċju li joriġinaw mill-Bożnija-Ħerzegovina u mill-Brażil
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1) tiegħu,
Billi:
A. BIDU U PROĊEDURA
|
(1) |
Fid-19 ta' Diċembru 2017, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) bdiet investigazzjoni antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' siliċju li joriġina mill-Bożnija-Ħerzegovina u mill-Brażil u ppubblikat notifika ta' bidu f'Il Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2). |
|
(2) |
L-investigazzjoni bdiet wara lment ippreżentat minn Ferroatlántica u Ferropem (“l-ilmentaturi”), li jirrappreżentaw aktar minn 85 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tas-silikon. L-ilment kellu evidenza prima facie ta' dumping dannuż li kien biżżejjed biex jiġġustifika l-bidu. |
|
(3) |
Il-Kummissjoni infurmat lill-ilmentatur, lill-produtturi esporaturi magħrufa fil-Bożnija-Ħerzegovina u l-Brażil, lill-importaturi u utenti magħrufa u lil kwalunkwe parti oħra li kienet magħrufa li kienet ikkonċernata, kif ukoll lir-rappreżentanti tal-Bożnja-Ħerzegovina u l-Brażil dwar il-bidu tal-investigazzjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jispjegaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fil-limitu taż-żmien stabbilit fin-Notifika ta' Bidu. |
B. IRTIRAR TAL-ILMENT U TMIEM TAL-PROĊEDIMENT
|
(4) |
Permezz ta' email tas-7 ta' Mejju 2018, l-ilmentaturi informaw lill-Kummissjoni li huma rtiraw l-ilment tiegħu. |
|
(5) |
Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku, il-proċedimenti jistgħu jintemmu meta jiġi rtirat l-ilment, sakemm dan it-tmiem ma jkunx imur kontra l-interess tal-Unjoni. |
|
(6) |
L-investigazzjoni ma żvelat l-ebda kunsiderazzjoni li turi li dan it-tmiem imur kontra l-interess tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkunsidrat li jenħtieġ li l-investigazzjoni dwar importazzjonijiet fl-Unjoni ta' siliċju li joriġinaw mill-Bożnija-Ħerzegovina u mill-Brażil tintemm. |
|
(7) |
Il-partijiet interessati ġew mgħarrfa b'dan u ngħataw opportunità li jikkummentaw. Madankollu, il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kummentili jiġġustifikaw li dan it-tmiem ma jkunx fl-interess tal-Unjoni. |
|
(8) |
Għaldaqstant il-Kummissjoni tikkonkludi li jenħtieġ li l-proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-aċidu tartariku li joriġina mill-Bożnija-Ħerzegovina u mill-Brażil jintemm mingħajr l-impożizzjoni tal-miżuri, |
|
(9) |
Din id-Deċiżjoni hija f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-proċediment antidumping li jikkonċerna importazzjonijiet ta' siliċju b'kontenut ta' siliċju ta' inqas minn 99,99 % skont il-piż attwali, li joriġina mill-Bożnija-Ħerzegovina u mill-Brażil, li attwalment jaqa' fil-kodiċi tan-NM 2804 69 00, qiegħed b'dan jintemm.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Awwissu 2018.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.
(2) Notifika ta' bidu ta' proċediment antidumping li jikkonċerna importazzjonijiet tas-siliċju li joriġina mill-Bożnija-Ħerzegovina u mill-Brażil (ĠU C 438, 19.12.2017, p. 39).