6.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 400/3


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-24 ta’ Ottubru 2018

dwar il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem imsemmi fl-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

“Schaf-Heumilch”/“Sheep’s Haymilk”/“Latte fieno di pecora”/“Lait de foin de brebis”/“Leche de heno de oveja” (STG)

(2018/C 400/03)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 50(2)(b) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Awstrija bagħtet lill-Kummissjoni applikazzjoni għall-protezzjoni tal-ismijiet “Schaf-Heumilch”/“Sheep’s Haymilk”/“Latte fieno di pecora”/“Lait de foin de brebis”/“Leche de heno de oveja” f’konformità mal-Artikolu 49(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni u kkonkludiet li hija tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati f’dak ir-Regolament.

(3)

Sabiex tippermetti s-sottomissjoni ta’ avviżi ta’ oppożizzjoni f’konformità mal-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, imsemmija fl-Artikolu 50(2)(b) ta’ dak ir-Regolament għall-ismijiet “Schaf-Heumilch”/“Sheep’s Haymilk”/“Latte fieno di pecora”/“Lait de foin de brebis”/“Leche de heno de oveja” jenħtieġ li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott imsemmija fl-Artikolu 50(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 għall-ismijiet “Schaf-Heumilch”/“Sheep’s Haymilk”/“Latte fieno di pecora”/“Lait de foin de brebis”/“Leche de heno de oveja” (STG) tinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

F’konformità mal-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandha tagħti d-dritt ta’ oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem imsemmi fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu fi żmien tliet xhur mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Ottubru 2018.

Għall-Kummissjoni

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


ANNESS

SPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ SPEĊJALITÀ TRADIZZJONALI GARANTITA

“Schaf-Heumilch”/“Sheep’s Haymilk”/“Latte fieno di pecora”/“Lait de foin de brebis”/“Leche de heno de oveja”

Nru tal-UE: TSG-AT-02289 – 22.2.2017

“L-Awstrija”

1.   Isem/ismijiet li jrid(u) jiġi/u rreġistrat(i)

“Schaf-Heumilch” (de); “Sheep’s Haymilk” (en); “Latte fieno di pecora” (it); “Lait de foin de brebis” (fr); “Leche de heno de oveja” (es)

2.   Tip ta’ prodott

2.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.4. Prodotti oħrajn li joriġinaw mill-annimali (bajd, għasel, diversi prodotti mill-ħalib għajr butir, eċċ.)

3.   Raġunijiet għar-reġistrazzjoni

3.1.   Jekk il-prodott

jirriżultax minn metodu ta’ produzzjoni, ta’ pproċessar jew ta’ kompożizzjoni li jikkorrispondi għall-prattika tradizzjonali għal dak il-prodott jew l-oġġett tal-ikel

huwiex magħmul minn materja prima jew ingredjenti li jintużaw tradizzjonalment

Il-produzzjoni tal-ħalib tat-tip “Heumilch” hija l-aktar forma naturali tal-produzzjoni tal-ħalib. Il-ħalib jiġi minn annimali li jitrabbew fi rziezet tradizzjonali u sostenibbli tal-produzzjoni tal-ħalib. Id-differenza ewlenija bejn il-ħalib standard u l-ħalib tat-tip “Heumilch”, kif ukoll il-karattru tradizzjonali tal-ħalib tat-tip “Heumilch”, ġejjin mill-fatt li, bħalma kien jiġri fl-eqdem forma tal-produzzjoni tal-ħalib, l-annimali ma jiġux mitmugħa foraġġ iffermentat. Mis-snin sittin (1960s) ’il quddiem, u minħabba l-mekkanizzazzjoni, l-industrijalizzazzjoni tal-agrikoltura bdiet tistrieħ dejjem aktar fuq il-produzzjoni tas-silaġġ (foraġġ iffermentat) u b’hekk naqset il-produzzjoni tal-foraġġ frisk. Barra minn hekk, ir-regolamenti jipprojbixxu l-użu ta’ annimali u għalf li jridu jiġu identifikati bħala “ġenetikament modifikati” skont il-leġiżlazzjoni prevalenti. Il-proċedura tal-għalf tiġi adattata sabiex taqbel mal-bidliet staġjonali: fil-“perjodu tal-għalf tal-ħaxix frisk”, l-annimali jiġu mitmugħa ħaxix frisk u faxxina u xi ħuxlief u forom ta’ għalf permessi skont il-punt 4.2; fil-perjodu tax-xitwa, l-annimali jiġu mitmugħa ħuxlief, jew forom oħrajn ta’ għalf permessi skont il-punt 4.2.

3.2.   Jekk l-isem

intużax tradizzjonalment sabiex jirreferi għall-prodott speċifiku

jidentifikax il-karattru tradizzjonali jew il-karattru speċifiku tal-prodott

In-nagħġa hija wieħed mill-eqdem annimali domestikati fid-dinja. In-nagħaġ ilhom sa mill-Era Bikrija ta’ Żmien il-Ħaġar jipprovdu lill-bnedmin b’laħam, ħalib, ġlud u suf. It-tnissil tan-nagħaġ x’aktarx beda fl-isteppi tal-lbiċ tal-Asja u nġieb fl-Ewropa mill-Persja u l-Balkani. Ir-reġjuni tal-Alpi storikament kienu addattati għat-tnissil tan-nagħaġ. Forma speċjali ta’ produzzjoni intensiva tal-bhejjem, imsejħa “Schwaigen”, intużat b’mod komuni fit-Tirol minn nofs is-seklu tnax. Il-kelma “Schwaig” ġejja mill-Ġermaniż mitkellem bejn l-1050 u l-1350 u tirreferi għal forma speċjali ta’ insedjament u, b’mod partikolari, għall-biedja fir-reġjun tal-Alpi. L-irziezet “Schwaighof” ta’ spiss kienu stabbiliti bħala insedjamenti permanenti mis-sidien tal-art għall-finijiet tat-tnissil tal-bhejjem tal-ifrat u tan-nagħaġ. L-evidenza tal-eżistenza tagħhom fit-Tirol tmur lura għas-seklu tnax. Aktar tard, it-terminu “Schwaige” xi drabi ntuża sabiex jirreferi għal mergħat tal-muntanji kkultivati biss fix-xhur tas-sajf. Il-produtturi tal-ħalib fir-reġjun tal-Alpi jissejħu wkoll “Schwaiger” jew “Schwaigerin”. Sal-aħħar tas-seklu erbatax, l-irziezet “Schwaighof” tat-Tirol kienu primarjament involuti fit-tnissil tan-nagħaġ. It-trobbija tan-nagħaġ fuq mergħat alpini wiesgħa hija għalhekk tradizzjoni fit-Tirol li tmur lura għal mijiet ta’ snin.

Madankollu, mis-seklu erbatax sas-seklu dsatax, it-tnissil tan-nagħaġ fl-Awstrija beda jonqos bil-kbir u ġie sostitwit gradwalment bit-tnissil tal-majjal. Illum il-ġurnata, in-nagħġa reġgħet bdiet tikseb l-importanza għall-produzzjoni tal-ħalib u tal-laħam tagħha.

4.   Deskrizzjoni

4.1.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1, inklużi l-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi, mikrobijoloġiċi jew organolettiċi tiegħu, li juru l-karattru speċifiku tal-prodott (l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament)

Ħalib tan-nagħaġ li huwa konformi mal-leġiżlazzjoni applikabbli.

4.2.   Deskrizzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem imsemmi fil-punt 1 li jridu jsegwu l-produtturi, inklużi, fejn xieraq, in-natura u l-karatteristiki tal-materja prima jew tal-ingredjenti li jintużaw, kif ukoll il-metodu li permezz tiegħu jitħejja l-prodott (l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament)

Il-ħalib tat-tip “Schaf-Heumilch” jiġi prodott skont kundizzjonijiet ta’ produzzjoni tradizzjonali konformi mal-“Heumilchregulativ” (regolamenti dwar il-produzzjoni tal-ħalib tat-tip “Heumilch”). Id-distinzjoni ta’ dan it-tip ta’ ħalib issir minn regoli li jipprojbixxu l-użu ta’ foraġġ iffermentat, bħal silaġġ, u regoli li jipprojbixxu l-użu ta’ annimali u għalf li għandhom jiġu identifikati bħala “ġenetikament modifikati” skont il-leġiżlazzjoni prevalenti.

“Heumilchregulativ” (regolamenti dwar il-produzzjoni tal-ħalib tat-tip “Heumilch”)

“Schaf-Heumilch” huwa tip ta’ ħalib tan-nagħaġ li jiġi estratt minn nagħaġ li jkunu qegħdin jipproduċu l-ħalib u li jiġi prodott minn produtturi tal-ħalib li jkunu ntrabtu li jikkonformaw mal-kriterji li ġejjin. Ma jistgħux jintużaw annimali jew għalf li għandhom jiġu identifikati bħala “ġenetikament modifikati” skont il-leġiżlazzjoni prevalenti.

L-azjenda agrikola kollha tat-trobbija tal-bhejjem trid titmexxa skont dawn ir-regoli tal-produzzjoni tal-ħalib tat-tip “Heumilch”.

Tipi ta’ għalf permessi

L-annimali jiġu mitmugħa prinċipalment ħaxix frisk, pjanti leguminużi u faxxina matul il-“perjodu tal-għalf tal-ħaxix frisk” u ħuxlief fil-perjodu tax-xitwa.

Dawn li ġejjin huma inklużi u permessi bħala għalf oħxon addizzjonali: żerriegħa tal-kolza ħadra, qamħirrum aħdar, segala ħadra u pitravi għall-għalf, kif ukoll ħuxlief, nifel u gerbub tal-qamħirrum.

Mill-inqas 75 % tal-għalf niexef kollu li jingħata lill-annimali kull sena jrid ikun għalf oħxon.

L-għelejjel taċ-ċereali, bħall-qamħ, ix-xgħir, il-ħafur, it-tritikal, is-segala u l-qamħirrum huma wkoll permessi, fil-forma kummerċjali konvenzjonali tagħhom u f’komposti bil-minerali (eż. nuħħala, gerbub).

Dawn li ġejjin jistgħu jintużaw ukoll bħala għalf: fażola, piżelli tal-għelieqi, frott żejtni u frakass jew pasta estratti.

Tipi ta’ għalf ipprojbiti

It-tipi ta’ għalf li ġejjin huma pprojbiti: silaġġ (foraġġ iffermentat), ħuxlief umduż u ħuxlief iffermentat.

L-annimali ma jistgħux jiġu mitmugħa prodotti sekondarji mill-birreriji, mid-distilleriji jew mill-għasir tal-frott, jew prodotti sekondarji oħrajn mill-industrija tal-ikel, bħal żrieragħ imxarrbin tal-birreriji jew biċċiet ta’ pjanti mxarrbin. Xi eċċezzjonijiet huma biċċiet ta’ pjanti nixfin u melassa bħala prodott sekondarju tal-manifattura taz-zokkor u għalf tal-proteina niexef li jiġi prodott matul l-ipproċessar taż-żrieragħ.

L-annimali li jipproduċu l-ħalib ma għandhom jiġu mitmugħa ebda forma ta’ foraġġ imxarrab.

L-annimali ma jistgħux jiġu mitmugħa prodotti li ġejjin mill-annimali, ħlief għall-annimali żgħar fl-età, li jistgħu jingħataw ħalib u xorrox.

L-annimali ma jistgħux jiġu mitmugħa skart tal-ġonna u tal-frott jew urea.

Il-kundizzjonijiet tal-fertilizzazzjoni

L-użu ta’ ħama tad-dranaġġ, prodotti ta’ ħama tad-dranaġġ jew kompost li jkun ġej minn impjanti muniċipali tat-trattament tal-iskart, bl-eċċezzjoni ta’ kompost ekoloġiku (taħlita komposta ta’ materja veġetali) huwa pprojbit fiż-żoni kollha sfruttati fuq livell agrikolu mill-azjenda tat-trobbija tal-bhejjem.

L-azjendi tat-trobbija tal-bhejjem iridu jistennew mill-inqas tliet ġimgħat wara t-tixrid tad-demel qabel ma jużaw l-art sabiex jirgħu l-bhejjem fuqha.

L-użu ta’ sustanzi awżiljarji kimiċi

Huwa permess biss l-użu selettiv ta’ pestiċidi kimiċi sintetiċi taħt is-superviżjoni esperta ta’ speċjalisti agronomiċi u l-immirar ta’ siti speċifiċi fi kwalunkwe waħda miż-żoni tal-għalf aħdar tal-azjenda tat-trobbija tal-bhejjem.

L-isprej permess għall-qtil tad-dubbien jista’ jintuża fl-imqawel għall-produzzjoni tal-ħalib biss meta ma jkunx hemm in-nagħaġ li jkunu qegħdin jipproduċu l-ħalib.

Projbizzjonijiet fuq il-konsenja

Il-ħalib ma jistax jiġi kkonsenjat bħala ħalib tat-tip “Schaf-Heumilch” fi żmien 10 ijiem wara li twelled in-nagħġa.

Meta jintużaw nagħaġ li jkunu ġew mitmugħa silaġġ (foraġġ iffermentat), irid ikun hemm perjodu ta’ stennija ta’ mill-inqas 14-il jum.

Fir-rigward tal-annimali alpini li jkunu ġew mitmugħa silaġġ (foraġġ iffermentat) fl-irziezet tagħhom, dawn għandhom jiġu mitmugħa għalf li ma jkunx fih silaġġ għal 14-il jum qabel ma jittellgħu jirgħu fil-mergħat alpini, jew inkella l-ħalib tagħhom jista’ jiġi kklassifikat bħala ħalib tat-tip “Schaf-Heumilch” biss wara li jkunu qattgħu 14-il jum jirgħu fil-mergħat alpini (li jkunu proprjetà tal-fornitur tal-ħalib tat-tip “Schaf Heumilch”). Fil-mergħat alpini ma jista’ jiġi prodott jew użat ebda silaġġ bħala għalf.

Projbizzjoni ta’ ikel u għalf ġenetikament modifikati

Sabiex tiġi ppreservata l-produzzjoni tradizzjonali tal-ħalib tat-tip “Schaf-Heumilch”, ma jistgħux jintużaw annimali jew għalf li għandhom jiġu identifikati bħala “ġenetikament modifikati” skont il-leġiżlazzjoni prevalenti.

Regolamenti oħrajn

Ma jista’ jiġi prodott jew maħżun ebda silaġġ (foraġġ iffermentat) fl-azjenda tat-trobbija tal-bhejjem.

Ma jistgħux jiġu prodotti jew maħżuna balal tondi mgeżwra f’rita ta’ kwalunkwe tip fl-azjenda tat-trobbija tal-bhejjem.

Ma jista’ jiġi prodott ebda ħuxlief umduż jew ħuxlief iffermentat fl-azjenda tat-trobbija tal-bhejjem.

4.3.   Deskrizzjoni tal-elementi ewlenin li jistabbilixxu l-karattru tradizzjonali tal-prodott (l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament)

Il-karattru tradizzjonali tal-ħalib tat-tip “Heumilch” ġej mill-fatt li, bħalma kien jiġri fl-eqdem forma tal-produzzjoni tal-ħalib, l-annimali ma jiġux mitmugħa foraġġ iffermentat. Mis-snin sittin (1960s) ’il quddiem, u minħabba l-mekkanizzazzjoni, l-industrijalizzazzjoni tal-agrikoltura bdiet tistrieħ dejjem aktar fuq il-produzzjoni tas-silaġġ (foraġġ iffermentat) u b’hekk naqset il-produzzjoni tal-foraġġ frisk.

It-trobbija tal-bhejjem kienet ibbażata, minn naħa waħda, fuq ir-ragħa fil-mergħat u, min-naħa l-oħra, fuq il-produzzjoni tal-ħaxix u l-ħuxlief fil-mergħat. Skont ir-rekords bil-miktub, il-ħsad tal-ħuxlief — jew ħuxlief u “grummet” [foraġġ aħdar] — mill-inqas darbtejn fis-sena (fenum primum et secundum) kien prattika komuni fit-Tirol mis-seklu 13 ’il quddiem. (Stolz, O., Rechtsgeschichte des Bauernstandes und der Landwirtschaft in Tirol und Vorarlberg [L-istorja legali tal-bdiewa u tal-agrikoltura fit-Tirol u f’Vorarlberg], 1949.)

Ir-reġistru tal-artijiet tal-arċiveskovat ta’ Salzburg fih informazzjoni dettaljata ħafna dwar in-numru ta’ bhejjem fuq l-insedjamenti ta’ “Schwaig” u l-proprjetajiet l-oħrajn kollha li kienu jappartjenu lill-arċiveskovat fil-wied ta’ Ziller fl-1607. Speċifikament fi tmiem kull deskrizzjoni dettaljata tal-irqajja’ ta’ proprjetà individwali hemm dikjarazzjoni li tgħid: “matul ix-xitwa, joqogħdu tant żwiemel, bhejjem tal-ifrat, nagħaġ jew mogħoż”. Il-bdiewa alpini kellhom inqas bhejjem fix-xitwa milli fis-sajf, meta l-mergħat kienu disponibbli. Ma hemmx dubju li r-ragħa fuq mergħat tal-villaġġi kien ipprattikat b’mod intensiv fl-insedjamenti ta’ “Schwaig” u serva bħala sors primarju ta’ għalf għall-bhejjem. Hemm evidenza dokumentarja minn perjodu aktar kmieni, speċifikament is-sekli 13 u 14, li l-irziezet ta’ “Schwaighof” kienu jinkludu mergħat u għelieqi, kif ukoll mergħat u bwar alpini. Dan ifisser li l-produzzjoni tal-ħaxix u tal-ħuxlief twettqet fuq l-irziezet ta’ “Schwaighof” mill-aktar perjodi bikrin. F’ċerta distanza mill-irziezet hemm meded ta’ muntanji li wkoll jappartjenu għall-insedjamenti ta’ “Schwaig”. Dawn il-meded tradizzjonalment kienu jikkonsistu f’mergħat fejn jintbagħtu l-bhejjem sabiex jirgħu għal ftit ġimgħat fir-rebbiegħa u l-ħarifa, u li jintużaw sabiex isir il-ħuxlief matul il-bqija tas-sena. Fost id-diversi tipi ta’ mergħat, dawn il-mergħat muntanjużi jew f’altitudni għolja huma partikolarment karatteristiċi tal-Alpi. Dawn il-mergħat jiġu maħsuda mhux aktar minn darba fis-sena u, f’xi postijiet, darba kull sentejn sa erba’ snin. Il-kwantità ta’ ħuxlief li jipproduċu hija żgħira, iżda dan il-ħuxlief huwa fragranti u nutrittiv ħafna. (Stolz, O., Die Schwaighöfe in Tirol [L-irziezet ta’ Schwaighof fit-Tirol], 1930.)

Irid ikun hemm matmura disponibbli għall-ħuxlief. Il-provvista tal-ħuxlief trid tinħażen sar-rebbiegħa ta’ wara, minħabba li spiss ikun il-każ li l-borra tinżel ftit wara li l-bhejjem jinġiebu fil-mergħat alpini. (Trientl, A., Die Landwirtschaft in den Gebirgsländern [L-agrikoltura fil-pajjiżi muntanjużi], 1892.)