1.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 195/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1089

tat-22 ta' Ġunju 2018

dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 113 flimkien mal-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2381 (2), il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fis-6 ta' Frar 2018.

(2)

It-test tal-Ftehim, li jirriżulta min-negozjati, jirrifletti kif xieraq id-direttivi ta' negozjar maħruġa mill-Kunsill.

(3)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(4)

Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni, jagħmel in-notifika prevista fl-Artikolu 44(2) tal-Ftehim.

Artikolu 3

Il-Kummissjoni, megħjuna minn rappreżentanti tal-Istati Membri, għandha tirrappreżenta lill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 41 tal-Ftehim.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-22 ta' Ġunju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

V. GORANOV


(1)  Opinjoni tad-29 ta' Mejju 2018 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2381 tal-5 ta' Diċembru 2017 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 340, 20.12.2017, p. 4).

(3)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).