23.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 185/6


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1031

tat-13 ta' Lulju 2018

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta' Status bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Albanija dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Albanija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punti (b) u (d) tal-Artikolu 77(2) u l-punt (c) tal-Artikolu 79(2), flimkien mal-Artikolu 218(5), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Taħt l-Artikolu 54(4) tar-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), f'każijiet fejn ikun mistenni li timijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u l-Kosta se jkunu stazzjonati f'pajjiż terz f'azzjonijiet fejn il-membri tat-tim ikollhom setgħat eżekuttivi, jew fejn azzjonijiet oħra f'pajjiżi terzi jeħtieġu dan, għandu jiġi konkluż mill-Unjoni ftehim dwar l-istatus mal-pajjiż terz konċernat.

(2)

Fis-16 ta' Ottubru 2017, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mar-Repubblika tal-Albanija għal ftehim ta' status dwar l-azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Albanija (il-“Ftehim”).

(3)

In-negozjati dwar il-Ftehim infetħu fit-13 ta' Diċembru 2017 u ġew iffinalizzati b'suċċess bl-inizjalar tal-Ftehim fit-12 ta' Frar 2018.

(4)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom ir-Renju Unit ma jiħux sehem, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (2); għaldaqstant, ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew suġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(5)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom l-Irlanda ma tiħux sehem, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (3); għaldaqstant, l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(6)

B'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Ladarba din id-Deċiżjoni tibni fuq l-acquis ta' Schengen, id-Danimarka għandha, f'konformità mal-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar din id-Deċiżjoni jekk hijiex ser timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

(7)

Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat u li t-test tad-dikjarazzjoni konġunta fir-rigward tal-Iżlanda, tan-Norveġja, tal-Iżvizzera u tal-Liechtenstein, li jinsab anness ma' din id-Deċiżjoni, jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta' Status bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Albanija dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Albanija (il-“Ftehim”) huwa b'dan awtorizzat, suġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim (4).

Artikolu 2

It-test tad-dikjarazzjoni konġunta anness ma' din id-Deċiżjoni għandu jiġi approvat f'isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Lulju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LÖGER


(1)  Ir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal- Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE (ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tiehu sehem f'xi disposizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(4)  It-test tal-Ftehim se jiġi ppubblikat flimkien mad-Deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.


ANNESS

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA FIR-RIGWARD TAL-IŻLANDA, TAN-NORVEĠJA, TAL-IŻVIZZERA U TAL-LIECHTENSTEIN

Il-Partijiet Kontraenti jieħdu nota tar-relazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, b'mod partikolari bis-saħħa tal-Ftehimiet tat-18 ta' Mejju 1999 u tas-26 ta' Ottubru 2004 dwar l-assoċjazzjoni ta' dawk il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen.

F'tali ċirkostanzi huwa mixtieq li l-awtoritajiet tan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Albanija, min-naħa l-oħra, jikkonkludu, mingħajr dewmien, ftehimiet bilaterali dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Albanija f'termini simili għal dawk ta' dan il-Ftehim.