2.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 165/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL EWROPEW (UE) 2018/937

tat-28 ta' Ġunju 2018

li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew

IL-KUNSILL EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 14(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (2),

Billi:

(1)

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jistabbilixxi l-kriterji għall-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew, jiġifieri li n-numru tar-rappreżentanti taċ-ċittadini tal-Unjoni ma jisboqx is-seba' mija u ħamsin, apparti l-President, li r-rappreżentanza għandha tkun proporzjonalment digressiva, b'limitu minimu ta' sitt membri għal kull Stat Membru, u li l-ebda Stat Membru ma għandu jiġi allokat aktar minn sitta u disgħin siġġu.

(2)

L-Artikolu 10 TUE jipprevedi, inter alia, li l-funzjonament tal-Unjoni għandu jkun ibbażat fuq id-demokrazija rappreżentattiva, fejn iċ-ċittadini jkunu rappreżentati direttament fil-livell tal-Unjoni fil-Parlament Ewropew u l-Istati Membri jkunu rappreżentati mill-gvernijiet tagħhom, li huma stess ikunu demokratikament responsabbli lejn il-Parlamenti nazzjonali jew lejn iċ-ċittadini tagħhom, fil-Kunsill.

(3)

L-Artikolu 14(2) TUE għalhekk japplika fil-kuntest tal-arranġamenti istituzzjonali usa' stabbiliti fit-Trattati, li jinkludu wkoll id-dispożizzjonijiet dwar teħid ta' deċiżjonijiet fil-Kunsill,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-applikazzjoni tal-Artikolu 14(2) TUE, għandhom jiġu rispettati l-prinċipji li ġejjin:

l-allokazzjoni tas-siġġijiet fil-Parlament Ewropew għandha tuża b'mod sħiħ il-limitu minimu u dak massimu għal kull Stat Membru stabbiliti mit-TUE, biex ikun rifless kemm jista' jkun possibbli d-daqs tal-popolazzjonijiet rispettivi tal-Istati Membri;

il-proporzjonalità digressiva għandha tiġi ddefinita kif ġej: il-proporzjon bejn il-popolazzjoni u n-numru ta' siġġijiet ta' kull Stat Membru qabel l-arrotondament għal numri sħaħ għandu jvarja skont il-popolazzjonijiet rispettivi tagħhom b'tali mod li kull Membru tal-Parlament Ewropew minn Stat Membru b'popolazzjoni akbar jirrappreżenta aktar ċittadini minn kull Membru tal-Parlament Ewropew minn Stat Membru b'popolazzjoni iżgħar u, bil-maqlub, li aktar ma tkun kbira l-popolazzjoni ta' Stat Membru, akbar ikun id-dritt tiegħu għal numru kbir ta' siġġijiet fil-Parlament Ewropew,

l-allokazzjoni tas-siġġijiet fil-Parlament Ewropew għandha tirrifletti l-iżviluppi demografiċi fl-Istati Membri.

Artikolu 2

Il-popolazzjoni totali tal-Istati Membri hija kkalkolata mill-Kummissjoni (Eurostat) abbażi tad-data l-aktar reċenti pprovduta mill-Istati Membri, skont metodu stabbilit permezz tar-Regolament (UE) Nru 1260/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

Artikolu 3

1.   In-numru ta' rappreżentanti fil-Parlament Ewropew eletti f'kull Stat Membru huwa b'dan stabbilit kif ġej għal-leġislatura 2019-2024:

Il-Belġju

21

Il-Bulgarija

17

Ir-Repubblika Ċeka

21

Id-Danimarka

14

Il-Ġermanja

96

L-Estonja

7

L-Irlanda

13

Il-Greċja

21

Spanja

59

Franza

79

Il-Kroazja

12

L-Italja

76

Ċipru

6

Il-Latvja

8

Il-Litwanja

11

Il-Lussemburgu

6

L-Ungerija

21

Malta

6

In-Netherlands

29

L-Awstrija

19

Il-Polonja

52

Il-Portugall

21

Ir-Rumanija

33

Is-Slovenja

8

Is-Slovakkja

14

Il-Finlandja

14

L-Iżvezja

21

2.   Madankollu, fl-eventwalità li r-Renju Unit ikun għadu Stat Membru tal-Unjoni fil-bidu tal-leġislatura tal-2019-2024, in-numru ta' rappreżentanti fil-Parlament Ewropew eletti għal kull Stat Membru li jieħdu l-kariga għandu jkun dak previst fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2013/312/UE (4) sa meta l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni jsir legalment effettiv.

Ladarba l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni jsir legalment effettiv, in-numru ta' rappreżentanti fil-Parlament Ewropew eletti f'kull Stat Membru għandu jkun dak previst fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Ir-rappreżentanti kollha fil-Parlament Ewropew li jimlew is-siġġijiet addizzjonali li jirriżultaw mid-differenza bejn in-numru ta' siġġijiet allokati skont l-ewwel u t-tieni subparagrafi għandhom jokkupaw is-siġġijiet tagħhom fil-Parlament Ewropew fl-istess waqt.

Artikolu 4

Fi żmien suffiċjenti qabel il-bidu tal-leġislatura 2024-2029, il-Parlament Ewropew għandu jressaq quddiem il-Kunsill Ewropew, skont l-Artikolu 14(2) TUE, proposta għal allokazzjoni aġġornata tas-siġġijiet fil-Parlament Ewropew.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Ġunju 2018.

Għall-Kunsill Ewropew

Il-President

D. TUSK


(1)  Inizjattiva adottata fis-7 ta' Frar 2018 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Kunsens tat-13 ta' Ġunju 2018 (għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1260/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar statistika demografika Ewropea (ĠU L 330, 10.12.2013, p. 39).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2013/312/UE tat-28 ta' Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew (ĠU L 181, 29.6.2013, p. 57).