|
25.9.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 240/72 |
DEĊIŻJONI TAL-QORTI ĠENERALI
tal-11 ta' Lulju 2018
dwar il-preżentata u n-notifika ta' atti proċedurali permezz tal-applikazzjoni e-Curia
IL-QORTI ĠENERALI,
Wara li rat ir-Regoli tal-Proċedura u, b'mod partikolari, l-Artikolu 56a(1), (2) u (5),
Billi:
|
(1) |
Sabiex l-evoluzzjoni ta' teknoloġiji ta' komunikazzjoni tittieħed inkunsiderazzjoni, ġiet żviluppata applikazzjoni informatika li tippermetti l-preżentata u n-notifika ta' atti proċedurali b'mod elettroniku. |
|
(2) |
Din l-applikazzjoni, li hija bbażata fuq mekkaniżmu ta' awtentifikazzjoni elettronika u li tagħmel użu minn kodiċi ta' awtentifikazzjoni u password, tissodisfa r-rekwiżiti ta' awtentiċità, ta' integrità u ta' kunfidenzjalità tad-dokumenti skambjati. |
|
(3) |
Fid-dawl tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-immedjatezza tal-iskambji mingħajr mezzi materjali li huma possibbli permezz ta' din l-applikazzjoni, l-użu tagħha sar obbligatorju għall-preżentata u għan-notifika tal-atti proċedurali fil-kuntest tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali. |
TADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Applikazzjoni informatika msemmija “e-Curia”, komuni għall-qrati li jifformaw il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, għandha tippermetti l-preżentata u n-notifika ta' atti proċedurali b'mod elettroniku skont il-kundizzjonijiet previsti f'din id-deċiżjoni.
Artikolu 2
L-użu ta' din l-applikazzjoni jeħtieġ il-ftuħ ta' kont ta' aċċess u jirrikjedi l-użu ta' kodiċi ta' identifikazzjoni u password personali.
Artikolu 3
Att proċedurali jiġi ppreżentat permezz ta' e-Curia meta l-kodiċi ta' identifikazzjoni u l-password tar-rappreżentant ikunu ntużaw sabiex titwettaq il-preżentata. L-użu tal-kodiċi ta' identifikazzjoni u tal-password personali tar-rappreżentant għall-preżentata ta' att proċedurali jiswa bħala firma ta' dan l-att.
Artikolu 4
L-att proċedurali ppreżentat permezz ta' e-Curia għandu jkollu mehmuż miegħu l-annessi msemmija fih kif ukoll l-iskeda li telenka dawn l-annessi.
Artikolu 5
Il-mument li fih att proċedurali jitqies li ġie ppreżentat fis-sens tal-Artikolu 72(2) tar-Regoli tal-Proċedura għandu jkun dak tal-validazzjoni, mir-rappreżentant, tal-preżentata ta' dan l-att.
Il-ħin li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni huwa dak tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu.
Artikolu 6
L-atti proċedurali, inklużi s-sentenzi u d-digrieti, għandhom jiġu nnotifikati permezz ta' e-Curia lid-detenturi tal-kont ta' aċċess fil-kawżi li jikkonċernawhom.
Id-destinatarji tan-notifiki msemmija fil-paragrafu preċedenti għandhom jiġu avżati, permezz ta' ittra elettronika, b'kull notifika indirizzata lilhom permezz ta' e-Curia.
L-att proċedurali għandu jitqies li ġie nnotifikat fil-mument meta d-destinatarju (rappreżentant jew assistent) jitlob aċċess għall-att inkwistjoni. Fin-nuqqas ta' talba għal aċċess, l-att għandu jitqies li ġie nnotifikat wara l-iskadenza ta' terminu ta' sebat ijiem mid-data meta tkun intbagħtet l-ittra elettronika ta' avviż.
Fil-każ li parti hija rrappreżentata minn diversi aġenti jew avukati, il-mument li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tat-termini għandu jkun dak li fih tkun saret l-ewwel talba għal aċċess.
Il-ħin li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni huwa dak tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu.
Artikolu 7
Meta l-preżentata ta' att proċedurali permezz ta' e-Curia tirriżulta teknikament impossibbli, l-utent għandu immedjatament jinforma b'dan lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali permezz ta' ittra elettronika (GC.Registry@curia.europa.eu) jew permezz ta' faks (+ 352 43032100), filwaqt li jindika:
|
— |
it-tip ta' att li jixtieq jippreżenta; |
|
— |
jekk ikun il-każ, it-terminu mogħti għall-preżentata ta' dan l-att; |
|
— |
in-natura tal-impossibbiltà teknika identifikata, sabiex id-dipartimenti tal-istituzzjoni jkunu jistgħu jivverifikaw jekk din tirriżultax minn indisponibbiltà ta' e-Curia. |
Jekk ir-rappreżentant ikun marbut minn terminu, huwa għandu jittrażmetti kopja tal-att lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali b'kull mezz adegwat (preżentata ta' verżjoni fuq karta jew trażmissjoni bil-posta, b'ittra elettronika jew bil-faks). Din it-trażmissjoni għandha tiġi segwita mill-preżentata tal-att permezz ta' e-Curia hekk kif l-użu tal-applikazzjoni jerġa' jkun teknikament possibbli.
Jekk ikun il-każ, il-Qorti Ġenerali jew il-President għandhom jiddeċiedu dwar l-aċċettazzjoni tal-att ippreżentat permezz ta' e-Curia wara t-terminu mogħti, filwaqt li jqisu l-elementi mressqa minn min ikun għamel il-preżentata sabiex juri li kien teknikament impossibbli li jippreżenta dan l-att permezz ta' e-Curia f'dan it-terminu.
Meta l-użu ta' e-Curia jirriżulta teknikament impossibbli u jekk l-urġenza teżiġi hekk, ir-Reġistratur għandu jittrażmetti l-atti proċedurali b'kull mezz adegwat. Din it-trażmissjoni għandha tiġi segwita min-notifika permezz ta' e-Curia hekk kif l-użu tal-applikazzjoni jerġa' jkun teknikament possibbli.
Artikolu 8
Ir-Reġistratur għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta' użu ta' e-Curia u għandu jiżgura l-osservanza tagħhom. Użu ta' e-Curia li ma jkunx konformi ma' dawn il-kundizzjonijiet jista' jwassal għad-diżattivazzjoni tal-kont ta' aċċess ikkonċernat.
Il-Qorti Ġenerali għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiżgura li ma jkun hemm ebda abbuż jew użu ħażin ta' e-Curia.
L-utent għandu jiġi avżat permezz ta' ittra elettronika dwar kull miżura meħuda skont dan l-artikolu li twaqqfu milli juża l-kont ta' aċċess tiegħu.
Artikolu 9
Din id-deċiżjoni tissostitwixxi d-Deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta' Settembru 2011 dwar il-preżentata u r-riċezzjoni ta' atti proċedurali permezz tal-applikazzjoni e-Curia (1).
Artikolu 10
Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tielet xahar wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fil-Lussemburgu, il-11 ta' Lulju 2018.
Ir-Reġistratur
E. COULON
Il-President
M. JAEGER