|
26.6.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 161/12 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/904
tal-25 ta' Ġunju 2018
li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Asja Ċentrali
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 33 u l-Artikolu 31(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fil-15 ta' April 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/598 (1) li taħtar lis-Sur Peter BURIAN bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Asja Ċentrali. Il-mandat tar-RSUE jiskadi fit-30 ta' Ġunju 2018. |
|
(2) |
Jenħtieġ li l-mandat tar-RSUE jiġi estiż għal perijodu ulterjuri ta' 20 xahar. |
|
(3) |
Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea
Il-mandat tas-Sur Peter BURIAN bħala r-RSUE għall-Asja Ċentrali huwa estiż sad-29 ta' Frar 2020. Il-Kunsill jista' jiddeċiedi li l-mandat tar-RSUE jiġi terminat qabel, abbażi ta' valutazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) u proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ).
Artikolu 2
Objettivi tal-politika
Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi tal-politika tal-Unjoni fl-Asja Ċentrali. Dawk l-objettivi jinkludu:
|
(a) |
il-promozzjoni ta' relazzjonijiet tajba u mill-qrib bejn l-Unjoni u l-pajjiżi tal-Asja Ċentrali abbażi ta' valuri u interessi komuni kif stipulati fi ftehimiet rilevanti; |
|
(b) |
il-kontribut għat-tisħiħ tal-istabbiltà u l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi fir-reġjun; |
|
(c) |
il-kontribut għat-tisħiħ tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali fl-Asja Ċentrali; |
|
(d) |
l-indirizzar ta' theddidiet ewlenin, speċjalment ta' problemi speċifiċi b'implikazzjonijiet diretti għall-Unjoni; |
|
(e) |
it-tisħiħ tal-effikaċja u l-viżibbiltà tal-Unjoni fir-reġjun, inkluż permezz tal-koordinazzjoni iżjed mill-qrib ma' sħab u organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħrajn, bħall-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u n-NU. |
Artikolu 3
Mandat
1. Sabiex jinkisbu l-objettivi tal-politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:
|
(a) |
jippromwovi l-koordinazzjoni politika tal-Unjoni fuq bażi ġenerali fl-Asja Ċentrali u jgħin biex tkun żgurata l-konsistenza tal-azzjonijiet esterni tal-Unjoni fir-reġjun; |
|
(b) |
jimmonitorja, f'isem ir-RGħ, flimkien mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u mal-Kummissjoni, il-proċess ta' implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Unjoni għal Sħubija Ġdida mal-Asja Ċentrali, ikkomplementat bil-konklużjonijiet rilevanti tal-Kunsill u rapporti ta' progress sussegwenti dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Unjoni għall-Asja Ċentrali, jagħmel rakkomandazzjonijiet u jirrapporta lill-korpi rilevanti tal-Kunsill fuq bażi regolari; |
|
(c) |
jgħin lill-Kunsill biex tkompli tiġi żviluppata politika komprensiva fir-rigward tal-Asja Ċentrali; |
|
(d) |
isegwi mill-qrib l-iżviluppi politiċi fl-Asja Ċentrali billi jiżviluppa u jżomm kuntatti mill-qrib mal-gvernijiet, il-parlamenti, il-ġudikatura, is-soċjetà ċivili u l-mezzi ta' komunikazzjoni tal-massa; |
|
(e) |
iħeġġeġ lill-Każakistan, il-Kirgiżistan, it-Taġikistan, it-Turkmenistan u l-Użbekistan biex jikkooperaw fir-rigward ta' kwistjonijiet reġjonali ta' interess komuni; |
|
(f) |
jiżviluppa kuntatti u kooperazzjoni adatti mal-atturi interessati ewlenin fir-reġjun, u l-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali rilevanti kollha; |
|
(g) |
jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun f'kooperazzjoni mar-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem, inklużi l-Linji Gwida tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-Linji Gwida tal-Unjoni dwar it-Tfal u l-Konflitti Armati kif ukoll dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontrihom, u tal-politika tal-Unjoni rigward ir-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, inkluż billi jimmonitorja u jirrapporta dwar l-iżviluppi kif ukoll ifassal rakkomandazzjonijiet f'dan ir-rigward; |
|
(h) |
jikkontribwixxi, f'kooperazzjoni mill-qrib man-NU u l-OSKE, għall-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta' konflitti billi jiżviluppa kuntatti mal-awtoritajiet u ma' atturi lokali oħra bħal organizzazzjonijiet nongovernattivi, partiti politiċi, minoranzi, gruppi reliġjużi u l-mexxejja tagħhom; |
|
(i) |
jikkontribwixxi għall-formulazzjoni ta' aspetti tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni, fir-rigward tal-Asja Ċentrali li jikkonċernaw is-sigurtà tal-enerġija, is-sigurtà tal-fruntieri, il-ġlieda kontra l-kriminalità serja, inklużi d-droga u t-traffikar tal-bnedmin, kif ukoll il-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma, l-ambjent u t-tibdil fil-klima; |
|
(j) |
jippromwovi s-sigurtà reġjonali fl-intern tal-fruntieri tal-Asja Ċentrali fil-kuntest tat-tnaqqis tal-preżenza internazzjonali fl-Afganistan. |
2. Ir-RSUE għandu jappoġġa l-ħidma tar-RGħ u jżomm viżjoni globali tal-attivitajiet kollha tal-Unjoni fir-reġjun.
Artikolu 4
Implimentazzjoni tal-mandat
1. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat, taħt l-awtorità tar-RGħ.
2. Il-KPS għandu jżomm kollegament privileġġjat mar-RSUE u għandu jkun il-punt ta' kuntatt primarju tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.
3. Ir-RSUE għandu jaħdem f'koordinazzjoni mill-qrib mas- SEAE u d-dipartimenti rilevanti tiegħu.
Artikolu 5
Finanzjament
1. L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE għall-perijodu mill-1 ta' Lulju 2018 sad-29 ta' Frar 2020 għandu jkun ta' EUR 1 660 000.
2. In-nefqa għandha tiġi amministrata f'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.
3. L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jagħti rendikont lill-Kummissjoni għal kull nefqa.
Artikolu 6
Formazzjoni u kompożizzjoni tat-tim
1. Fil-limiti tal-mandat tar-RSUE u l-mezzi finanzjarji korrispondenti li jsiru disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-formazzjoni ta' tim. It-tim għandu jinkludi l-kompetenza esperta dwar kwistjonijiet speċifiċi ta' politika kif jirrikjedi l-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tat-tim.
2. L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu l-issekondar ta' persunal mar-RSUE. Is-salarju ta' tali persunal issekondat għandu jkun kopert mill-Istat Membru kkonċernat, mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew mis-SEAE, rispettivament. L-esperti ssekondati mill-Istati Membri mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mas-SEAE jistgħu wkoll jiġu assenjati biex jaħdmu mar-RSUE. Il-persunal internazzjonali b'kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru.
3. Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa' taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru li jissekonda, l-istituzzjoni tal-Unjoni li tissekonda jew is-SEAE, u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.
4. Il-persunal tar-RSUE għandu jitqiegħed fl-istess post li fih jinsabu d-dipartimenti rilevanti tas-SEAE jew id-delegazzjonijiet rilevanti tal-Unjoni sabiex ikunu żgurati l-koerenza u l-konsistenza tal-attivitajiet rispettivi tagħhom.
Artikolu 7
Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u tal-persunal tar-RSUE
Il-privileġġi, immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-twettiq u l-funzjonament regolari tal-missjoni tar-RSUE u tal-membri tal-persunal tar-RSUE għandhom jiġu miftehmin mal-pajjiżi ospitanti, kif adatt. L-Istati Membri u s-SEAE għandhom jagħtu l-appoġġ meħtieġ kollu għal dan il-għan.
Artikolu 8
Sigurtà ta' informazzjoni klassifikata tal-UE
Ir-RSUE u l-membri tat-tim tar-RSUE għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards minimi ta' sigurtà stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (2).
Artikolu 9
Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku
1. L-Istati Membri, il-Kummissjoni, is-SEAE u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li r-RSUE jingħata aċċess għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.
2. Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun u/jew l-Istati Membri, skont il-każ, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.
Artikolu 10
Sigurtà
F'konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta' persunal stazzjonat barra l-Unjoni f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, skont il-mandat tar-RSUE u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fiż-żona ta' responsabbiltà, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tar-RSUE, b'mod partikolari billi:
|
(a) |
jistabbilixxi pjan ta' sigurtà speċifiku bbażat fuq gwida mis-SEAE, li jinkludi miżuri ta' sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi, li jirregolaw il-ġestjoni tal-moviment sigur tal-persunal lejn iż-żona ta' responsabbiltà u ġewwa fiha, kif ukoll il-ġestjoni ta' inċidenti ta' sigurtà u li jipprevedu pjan ta' kontinġenza ta' evakwazzjoni; |
|
(b) |
jiżgura li l-persunal kollu stazzjonat barra l-Unjoni jkun kopert b'assigurazzjoni ta' riskju għoli, kif ikunu jeħtieġu l-kondizzjonijiet fiż-żona ta' responsabbiltà; |
|
(c) |
jiżgura li l-membri kollha tat-tim tar-RSUE li jkunu ser jiġu stazzjonati barra l-Unjoni, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu rċevew taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jew kif jaslu fiż-żona ta' responsabbiltà, abbażi tal-livelli tar-riskju assenjati lil dik iż-żona mis-SEAE; |
|
(d) |
jiżgura li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet miftehmin kollha li jsiru wara valutazzjonijiet regolari ta' sigurtà u jippreżenta lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta' sigurtà fil-qafas tar-rapport ta' progress u r-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-mandat. |
Artikolu 11
Rappurtar
Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment rapporti bil-fomm u bil-miktub lir-RGħ u lill-KPS. Ir-RSUE għandu jirrapporta wkoll lill-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill, kif neċessarju. Ir-rapporti regolari għandhom jiġu ċċirkolati permezz tan-netwerk COREU. Ir-RSUE jista' jipprovdi rapporti lill-Kunsill tal-Affarijiet Barranin. F'konformità mal-Artikolu 36 tat-Trattat, ir-RSUE jista' jiġi involut fl-għoti ta' informazzjoni lill-Parlament Ewropew.
Artikolu 12
Koordinazzjoni
1. Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-unità, il-konsistenza u l-effikaċja tal-azzjoni tal-Unjoni u għandu jgħin sabiex ikun żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni u l-azzjonijiet kollha tal-Istati Membri jkunu impenjati konsistentement, sabiex jinkisbu l-objettivi tal-politika tal-Unjoni. Għandhom jintalbu kuntatti mal-Istati Membri fejn xieraq. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati mad-dipartiment ġeografiku rilevanti tas-SEAE, kif ukoll mal-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jipprovdi informazzjoni fuq bażi regolari lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni.
2. Fuq il-post, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Kapijiet rilevanti tal-Missjonijiet tal-Istati Membri u mal-Kapijiet rilevanti tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni. Dawn għandhom jagħmlu kull sforz biex jassistu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu wkoll iżomm kollegament ma' atturi internazzjonali u reġjonali oħrajn fuq il-post.
Artikolu 13
Assistenza rigward pretensjonijiet
Ir-RSUE u l-persunal tar-RSUE għandhom jassistu fil-forniment ta' elementi b'rispons għal kwalunkwe pretensjoni u obbligu li jirriżultaw mill-mandati tar-RSUE preċedenti għall-Asja Ċentrali, u għandhom jipprovdu assistenza amministrattiva u aċċess għall-fajls rilevanti għal tali finijiet.
Artikolu 14
Reviżjoni
L-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma' kontributi oħrajn mill-Unjoni lir-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni rapport ta' progress sal-31 ta' Ottubru 2018 u rapport komprensiv dwar l-implementazzjoni tal-mandat sat-30 ta' Novembru 2019.
Artikolu 15
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, il-25 ta' Ġunju 2018.
Għall-Kunsill
Il-President
F. MOGHERINI
(1) Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/598 tal-15 ta' April 2015 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Asja Ċentrali (ĠU L 99, 16.4.2015, p. 25).
(2) Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).