26.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 161/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/902

tal-21 ta' April 2016

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u l-applikazzjoni provviżorja ta' Protokoll għall-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, biex jittieħed kont tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikoli 207 u 212, flimkien mal-Artikolu 218(5), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Att ta' Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja, u b'mod partikolari l-Artikolu 6(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”), ġie ffirmat fi Brussell fl-10 ta' Mejju 2010.

(2)

Ir-Repubblika tal-Kroazja saret Stat Membru tal-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Lulju 2013.

(3)

Taħt it-termini tal-Artikolu 6(2) tal-Att ta' Adeżjoni, l-adeżjoni tal-Kroazja mal-Ftehim għandha tiġi miftiehma permezz ta' Protokoll għall-Ftehim. Għandha tkun tapplika proċedura ssimplifikata li permezz tagħha l-Protokoll għandu jiġi konkluż mill-Kunsill, li jaġixxi unanimament f'isem l-Istati Membri, u mill-pajjiżi terzi kkonċernati.

(4)

Fl-14 ta' Settembru 2012, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mal-pajjiżi terzi kkonċernati. In-negozjati mar-Repubblika tal-Korea ġew konklużi b'suċċess billi ġie inizjalat il-Protokoll.

(5)

L-Artikolu 4(3) tal-Protokoll jipprevedi l-applikazzjoni provviżorja tiegħu qabel ma jidħol fis-seħħ.

(6)

Jeħtieġ li l-Protokoll jiġi ffirmat, u jkun applikat fuq bażi provviżorja sa meta jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha tal-Protokoll għall-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, huwa b'dan awtorizzat, suġġett għall-konklużjoni tal-Protokoll.

It-test tal-Protokoll huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat biex jinnomina lill-persuna jew persuni mogħtija s-setgħa li jiffirmaw il-Protokoll f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

Artikolu 3

Il-Protokoll għandu jkun applikat fuq bażi provviżorja, sa meta jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta' April 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

A. VAN DER STEUR


(1)  ĠU L 20, 23.1.2013, p. 2.