25.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 160/6


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/896

tad-19 ta' Ġunju 2018

li tistabbilixxi l-metodoloġija għall-kalkolu tal-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief u li temenda d-Deċiżjoni 2005/270/KE

(notifikata bid-dokument C(2018) 3736)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE tal-20 ta' Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(1a) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 94/62/KE tistipula li l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jitnaqqas il-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief u tipprevedi li dawn il-miżuri għandhom jiżguraw li ma jinqabiżx ċertu għadd ta' basktijiet tal-plastik ħfief għal kull persuna fis-sena, jew mira ekwivalenti stabbilita abbażi tal-piż.

(2)

Jenħtieġ li jintużaw sistema ta' rappurtar armonizzata u metodoloġija armonizzata għall-kalkolu tal-konsum ta' basktijiet tal-plastik ħfief għal kull persuna, għall-monitoraġġ ta' dak il-konsum fil-livell tal-Unjoni u biex jiġi vvalutat jekk inkisibx jew le tnaqqis sostnut fil-konsum ta' dan it-tip ta' basktijiet.

(3)

L-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu l-miżuri nazzjonali tagħhom permezz ta' referenza għall-għadd ta' basktijiet tal-plastik ħfief jew permezz ta' referenza għall-piż. L-approċċi użati għall-kejl tal-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief huma marbuta b'mod intrinsiku mal-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ bl-għan li jitnaqqas il-konsum. Għalhekk, il-metodoloġija għall-kalkolu tal-konsum għandha tipprevedi kalkolu bbażat kemm fuq l-għadd kif ukoll fuq il-piż, sabiex titqies l-għażla tal-Istati Membri bejn iż-żewġ tipi ta' miżuri ta' tnaqqis.

(4)

Meta jittieħdu miżuri sabiex jitnaqqas il-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief f'termini ta' piż, għandha tiġi rrappurtata informazzjoni dwar il-piż medju tal-basktijiet tal-plastik ħfief, sabiex iċ-ċifri tal-konsum ikunu jistgħu jiġi konvertiti f'numri u biex ikun jista' jsir tqabbil bejn id-dejta rrappurtata mill-Istati Membri differenti abbażi tal-piż jew abbażi tal-għadd ta' basktijiet tal-plastik ħfief.

(5)

L-Istati Membri jistgħu jeskludu l-basktijiet tal-plastik ħfief ħafna mill-miżuri nazzjonali għat-tnaqqis tal-konsum. Madankollu, dawn il-basktijiet jikkwalifikaw bħala basktijiet tal-plastik għall-għanijiet tal-obbligi ta' rappurtar u għandhom jiġu inklużi fir-rappurtar dwar il-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief. Il-metodoloġiji ta' kalkolu bbażati fuq id-dħul minn taxxi, imposti jew levies obbligatorji jistgħu ma jkoprux dawn il-basktijiet eżenti. Sabiex jitqies dan, l-Istati Membri għandhom jesiġu li l-operaturi ekonomiċi jirrappurtaw l-għadd jew il-piż tal-basktijiet tal-plastik ħfief kollha introdotti fis-suq, inklużi dawk li huma eżenti minn taxxi, imposti jew levies ta' dan it-tip.

(6)

Il-formati għar-rappurtar dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ huma stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/270/KE (2). Hemm bżonn ta' formati ġodda għall-għanijiet tar-rappurtar dwar il-konsum ta' basktijiet tal-plastik ħfief. Għalhekk, id-Deċiżjoni 2005/270/KE għandha tiġi emendata skont dan.

(7)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 21 tad-Direttiva 94/62/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Metodoloġija għall-kalkolu u għar-rappurtar tal-konsum annwali

Il-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief għal kull persuna għandu jiġi kkalkulat u rrappurtat bl-użu tal-metodoloġija għar-rappurtar abbażi tal-għadd stabbilita fl-Artikolu 2, jew tal-metodoloġija għar-rappurtar abbażi tal-piż stabbilita fl-Artikolu 3.

Artikolu 2

Metodoloġija għar-rappurtar abbażi tal-għadd

1.   Meta Stat Membru jikkalkula u jirrapporta l-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief abbażi tal-għadd, għandu juża wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

l-għadd totali ta' basktijiet tal-plastik ħfief introdotti fis-suq nazzjonali tiegħu;

(b)

l-ammont totali:

(i)

tal-għadd ta' basktijiet tal-plastik ħfief ikkalkulat abbażi tad-dħul minn taxxi, imposti jew levies obbligatorji li jridu jitħallsu mill-konsumaturi għal kull unità ta' basktijiet tal-plastik ħfief kif iddikjarat jew irrappurtat mill-operaturi ekonomiċi skont il-liġijiet nazzjonali, u

(ii)

tal-għadd ta' basktijiet tal-plastik ħfief eżenti minn dawk it-taxxi, imposti jew levies, introdott fis-suq nazzjonali tiegħu kif irrappurtat mill-operaturi ekonomiċi f'konformità mal-liġijiet nazzjonali.

2.   L-Istati Membri li jirrappurtaw il-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief skont il-paragrafu 1(a) għandhom jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi jirrappurtaw l-għadd ta' basktijiet tal-plastik ħfief introdotti minnhom fis-suq fit-territorju tagħhom għal kull sena kalendarja.

3.   L-Istati Membri li jirrappurtaw il-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief skont il-paragrafu 1(b) għandhom jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi jirrappurtaw l-għadd ta' basktijiet tal-plastik ħfief li huma eżenti mit-taxxi, imposti jew levies introdotti minnhom fis-suq fit-territorju tagħhom għal kull sena kalendarja.

4.   L-Istati Membri li jagħmlu użu mill-metodoloġija stabbilita fil-paragrafu 1(a) għandhom jirrappurtaw il-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief skont it-Tabella 4 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2005/270/KE.

5.   L-Istati Membri li jagħmlu użu mill-metodoloġija stabbilita fil-paragrafu 1(b) għandhom jirrappurtaw il-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief skont it-Tabella 5 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2005/270/KE.

Artikolu 3

Metodoloġija għar-rappurtar abbażi tal-piż

1.   Meta Stat Membru jikkalkula u jirrapporta l-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief abbażi tal-piż, għandu juża wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

il-piż totali ta' basktijiet tal-plastik ħfief introdotti fis-suq nazzjonali tiegħu;

(b)

l-ammont totali:

(i)

tal-piż ta' basktijiet tal-plastik ħfief ikkalkulat abbażi tad-dħul minn taxxi, imposti jew levies obbligatorji li jridu jitħallsu mill-konsumaturi għal kull unità ta' basktijiet tal-plastik ħfief kif iddikjarat jew irrappurtat mill-operaturi ekonomiċi skont il-liġijiet nazzjonali, u

(ii)

tal-piż ta' basktijiet tal-plastik ħfief eżenti minn dawk it-taxxi, imposti jew levies, introdott fis-suq nazzjonali tiegħu kif irrappurtat mill-operaturi ekonomiċi f'konformità mal-liġijiet nazzjonali.

2.   L-Istati Membri li jirrappurtaw il-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief f'konformità ma' dan l-Artikolu għandhom jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi jipprovdu informazzjoni dwar il-piż medju ta' basktijiet tal-plastik ħfief.

3.   L-Istati Membri li jirrappurtaw il-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief skont il-paragrafu 1(a) għandhom jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi jirrappurtaw il-piż totali ta' basktijiet tal-plastik ħfief introdotti minnhom fis-suq tat-territorju tagħhom għal kull sena kalendarja.

4.   L-Istati Membri li jirrappurtaw il-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief skont il-paragrafu 1(b) għandhom jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi jirrappurtaw il-piż totali ta' basktijiet tal-plastik ħfief li huma eżenti mit-taxxi, imposti jew levies introdotti minnhom fis-suq tat-territorju tagħhom għal kull sena kalendarja.

5.   L-Istati Membri li jagħmlu użu mill-metodoloġija stabbilita fil-paragrafu 1(a) għandhom jirrappurtaw il-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief skont it-Tabella 6 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2005/270/KE.

6.   L-Istati Membri li jagħmlu użu mill-metodoloġija stabbilita fil-paragrafu 1(b) għandhom jirrappurtaw il-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief skont it-Tabella 7 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2005/270/KE.

Artikolu 4

Emendi għad-Deċiżjoni 2005/270/KE

Id-Deċiżjoni 2005/270/KE hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 9 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 9

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu d-dejta dwar il-ġenerazzjoni, l-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-trattament tal-iskart mill-imballaġġ billi jagħmlu użu mill-formati stabbiliti fit-Tabella 1, fit-Tabella 2 u fit-Tabella 3 tal-Anness.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu d-dejta dwar il-konsum ta' basktijiet tal-plastik ħfief billi jagħmlu użu mill-format stabbilit fit-Tabella 4 jew fit-Tabella 5 tal-Anness, kif xieraq, għar-rappurtar abbażi tal-għadd, u billi jagħmlu użu mill-format stabbilit fit-Tabella 6 jew fit-Tabella 7 tal-Anness, kif xieraq, għar-rappurtar abbażi tal-piż.”

(2)

L-Anness huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Ġunju 2018.

Għall-Kummissjoni

Karmenu VELLA

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 365, 31.12.1994, p. 10.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/270/KE tat-22 ta' Marzu 2005 li tistabbilixxi l-formati relatati mas-sistema tal-bażi tad-dejta skont id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU L 86, 5.4.2005, p. 6).


ANNESS

Jiddaħħlu t-Tabelli 4 sa 7 fl-Anness mad-Deċiżjoni 2005/270/KE:

TABELLA 4

Il-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief ikkalkulat skont il-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/896  (*1)

L-għadd ta' basktijiet tal-plastik ħfief introdotti fis-suq

 

Li minnhom ta' ħxuna ta'

< 15-il mikron

15 < 50 mikron

 

 

Noti:

1.

Kaxxa bajda: Id-dejta trid tingħata b'mod obbligatorju

2.

Kaxxi skuri: Id-dejta tingħata b'mod volontarju

TABELLA 5

Il-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief ikkalkulat skont il-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/896

L-għadd ta' basktijiet tal-plastik ħfief ikkalkulat minn taxxi, imposti jew levies obbligatorji

L-għadd ta' basktijiet tal-plastik ħfief ikkalkulat minn taxxi, imposti jew levies obbligatorji kif dikjarat jew irrappurtat mill-operaturi ekonomiċi

L-għadd ta' basktijiet tal-plastik ħfief eżenti minn taxxi, imposti jew levies obbligatorji kif irrappurtat mill-operaturi ekonomiċi

(a)

(b)

(a) + (b)

Li minnhom ta' ħxuna ta'

< 15-il mikron

15 < 50 mikron

< 15-il mikron

15 < 50 mikron

 

 

 

 

Noti:

1.

Kaxxa bajda: Id-dejta trid tingħata b'mod obbligatorju

2.

Kaxxi skuri: Id-dejta tingħata b'mod volontarju

3.

Meta ma jkunx hemm eżenzjoni fis-seħħ, il-valur għal (b) għandu jiġi indikat bħala 0.

TABELLA 6

Il-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief ikkalkulat skont il-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 3(1)(a) tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/896

Il-piż ta' basktijiet tal-plastik ħfief introdotti fis-suq

Il-piż ta' basktijiet tal-plastik ħfief introdotti fis-suq

Piż medju ponderat għal kull basket tal-plastik ħafif kif irrappurtat mill-operaturi ekonomiċi

 

 

Li minnhom ta' ħxuna ta'

Ta' ħxuna ta'

 

< 15-il mikron

15 < 50 mikron

< 15-il mikron

15 < 50 mikron

 

 

 

 

Noti:

1.

Kaxxa bajda: Id-dejta trid tingħata b'mod obbligatorju

2.

Kaxxi skuri: Id-dejta tingħata b'mod volontarju

TABELLA 7

Il-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief ikkalkulat skont il-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 3(1)(b) tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/896

Il-piż ta' basktijiet tal-plastik ħfief ikkalkulat minn taxxi, imposti jew levies obbligatorji

Il-piż ta' basktijiet tal-plastik ħfief ikkalkulat minn taxxi, imposti jew levies obbligatorji kif dikjarat jew irrappurtat mill-operaturi ekonomiċi

Il-piż ta' basktijiet tal-plastik ħfief eżenti minn taxxi, imposti jew levies obbligatorji kif irrappurtat mill-operaturi ekonomiċi

Piż medju għal kull basket tal-plastik ħafif kif irrappurtat mill-operaturi ekonomiċi

a

b

 

a + b

Li minnhom ta' ħxuna ta'

< 15-il mikron

15 < 50 mikron

< 15-il mikron

15 < 50 mikron

(a)

15 < 50 mikron

(b)

15 < 50 mikron

 

 

 

 

 

 

Noti:

1.

Kaxxa bajda: Id-dejta trid tingħata b'mod obbligatorju

2.

Kaxxi skuri: Id-dejta tingħata b'mod volontarju

3.

Meta ma jkunx hemm eżenzjoni fis-seħħ, il-valur għal (b) ikun ugwali għal 0.”

(*1)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/896 tad-19 ta' Ġunju 2018 li tistabbilixxi l-metodoloġija għall-kalkolu tal-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief u li temenda d-Deċiżjoni 2005/270/KE (ĠU L 160, 25.6.2018, p. 6).