22.6.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 159/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/889
tal-4 ta' Ġunju 2018
dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 83(1), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
(1) |
Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1913 (2), il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu (3) (“il-Konvenzjoni”) ġiet iffirmata fit-22 ta' Ottubru 2015, soġġett għall-konklużjoni tagħha. |
(2) |
L-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni jipprevedi li l-Konvenzjoni tkun miftuħa għall-iffirmar tal-Unjoni. |
(3) |
Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) stabbilixxiet regoli komuni tal-Unjoni dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu. Għaldaqstant, l-Unjoni diġà adottat miżuri f'oqsma differenti koperti mill-Konvenzjoni. |
(4) |
Għaldaqstant jenħtieġ li l-Konvenzjoni tiġi approvata f'isem l-Unjoni fir-rigward ta' kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni sa fejn il-Konvenzjoni tista' taffettwa dawk ir-regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta' applikazzjoni tagħhom. L-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom sa fejn il-Konvenzjoni ma taffettwax ir-regoli komuni jew tbiddel il-kamp ta' applikazzjoni tagħhom. |
(5) |
L-Irlanda hija marbuta bid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI (5) u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni. |
(6) |
F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha. |
(7) |
F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu, fir-rigward ta' kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni, hija b'dan approvata f'isem l-Unjoni.
It-test tal-Konvenzjoni huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill għandu jinnomina lill-persuna jew persuni bis-setgħa li jiddepożitaw, f'isem l-Unjoni, l-istrument ta' approvazzjoni previst fl-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni (6).
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, l-4 ta' Ġunju 2018.
Għall-Kunsill
Il-President
T. TSACHEVA
(1) Approvazzjoni tat-18 ta' April 2018 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1913 tat-18 ta' Settembru 2015 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu (CETS Nru 196) (ĠU L 280, 24.10.2015, p. 22).
(3) CETS Nru. 196.
(4) Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6).
(5) Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU L 164, 22.6.2002, p. 3).
(6) Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni għall-Unjoni Ewropea ser tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.