11.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 146/5


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/856

tat-8 ta' Ġunju 2018

li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (*1) (EULEX KOSOVO)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 28, l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-4 ta' Frar 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK (1).

(2)

Fl-14 ta' Ġunju 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/947 (2), li emendat l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK u estendiet il-mandat ta' EULEX KOSOVO sal-14 ta' Ġunju 2018.

(3)

Fit-8 ta' Ġunju 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/973 (3), li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK u tipprevedi ammont ta' referenza finanzjarja sal-14 ta' Ġunju 2018.

(4)

Wara r-Reviżjoni Strateġika tal-Missjoni, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà rrakkomanda li l-mandat ta' EULEX KOSOVO jiġi emendat u estiż sal-14 ta' Ġunju 2020.

(5)

Huwa neċessarju li jiġi previst ammont ġdid ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-mandat ta' EULEX KOSOVO sal-14 ta' Ġunju 2020.

(6)

Xejn minn din id-Deċiżjoni ma għandu jiġi interpretat b'mod li jippreġudika l-indipendenza u l-awtonomija tal-imħallfin u l-prosekuturi.

(7)

Minħabba n-natura speċjali tal-attivitajiet ta' EULEX KOSOVO b'appoġġ tal-proċedimenti ġudizzjarji rilokati fi Stat Membru, huwa xieraq li jkun identifikat l-ammont previst biex ikopri l-appoġġ għall-proċedimenti ġudizzjarji rilokati fi Stat Membru u biex jipprevedi l-implimentazzjoni ta' dik il-parti mill-baġit permezz ta' għotja.

(8)

Għaldaqstant jenħtieġ li l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK tiġi emendata skont dan.

(9)

EULEX KOSOVO ser titmexxa fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u tista' timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK hija b'dan emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 2

Mandat tal-Missjoni

EULEX KOSOVO għandha tappoġġa istituzzjonijiet tal-istat tad-dritt magħżula tal-Kosovo fi triqthom lejn aktar effikaċja, sostenibbiltà, multietniċità u responsabbilizzazzjoni, ħielsa mill-interferenza politika u f'konformità sħiħa mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-aħjar prattiki Ewropej — permezz ta' attivitajiet ta' monitoraġġ u funzjonijiet eżekuttivi limitati kif stipulat fl-Artikoli 3 u 3a — bil-għan li l-kompiti li fadal jgħaddu għand strumenti oħra li jaġixxu fit-tul tal-UE u li l-funzjonijiet eżekuttivi residwi jiġu eliminati gradwalment.”

(2)

Artikolu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 3

Kompiti

Sabiex jitwettaq il-Mandat tal-Missjoni stabbilit fl-Artikolu 2, EULEX KOSOVO għandha:

(a)

timmonitorja ċerti kawżi u proċessi legali fl-istituzzjonijiet tal-ġustizzja kriminali u ċivili tal-Kosovo, f'koordinazzjoni mill-qrib ma' atturi oħra tal-UE, filwaqt li tirrispetta l-indipendenza tal-ġudikatura, u tiffaċilita l-kuntatti u timmonitorja l-laqgħat rilevanti fl-ambitu tal-kooperazzjoni reġjonali dwar każijiet li jirrigwardaw delitti tal-gwerra, korruzzjoni u kriminalità serja u organizzata;

(b)

tipprovdi appoġġ operattiv lid-Djalogu ffaċilitat mill-UE, kif meħtieġ;

(c)

timmonitorja, tiggwida u tagħti pariri lis-Servizz Korrettiv tal-Kosovo;

(d)

iżżomm ċerti responsabbiltajiet eżekuttivi limitati fl-oqsma tal-mediċina forensika u tal-pulizija, inkluż operazzjonijiet ta' sigurtà u Programm għall-Protezzjoni tax-Xhieda residwu u r-responsabbiltà li tiżgura ż-żamma u l-promozzjoni tal-ordni u s-sigurtà pubbliċi inkluż, kif neċessarju, permezz tat-treġġigħ lura jew l-annullament ta' deċiżjonijiet operattivi meħuda mill-awtoritajiet kompetenti tal-Kosovo;

(e)

tiżgura li l-attivitajiet kollha tagħha jirrispettaw l-istandards internazzjonali li jikkonċernaw id-drittijiet tal-bniedem u l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi; u

(f)

tikkoopera mal-aġenziji rilevanti tal-UE, mal-awtoritajiet ġudizzjarji u dawk tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u ta' Stati terzi fl-eżekuzzjoni tal-mandat tagħha.”;

(3)

Fl-Artikolu 16(1), l-aħħar subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa ta' EULEX KOSOVO mill-15 ta' Ġunju 2018 sal-14 ta' Ġunju 2020 għandu jkun ta' EUR 169 805 000.

Mill-ammont imsemmi fl-erbatax-il subparagrafu, l-ammont maħsub biex ikopri n-nefqa ta' EULEX KOSOVO għall-implimentazzjoni tal-mandat tagħha fil-Kosovo għandu jkun ta' EUR 83 555 000 u l-ammont maħsub biex ikopri l-appoġġ għall-proċedimenti ġudizzjarji rilokati fi Stat Membru għandu jkun ta' EUR 86 250 000.

Il-Kummissjoni għandha tiffirma ftehim ta' għotja ma' reġistratur li jaġixxi f'isem reġistru inkarigat mill-amministrazzjoni tal-proċedimenti ġudizzjarji rilokati għall-ammont ta' EUR 86 250 000. Ir-regoli dwar l-għotjiet previsti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2) għandhom japplikaw għal dan il-ftehim ta' għotja.

L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-perijodu sussegwenti għal EULEX KOSOVO għandu jiġi deċiż mill-Kunsill.

(*2)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).”;"

(4)

Fl-Artikolu 20(2), l-ewwel sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

“Hija għandha tiskadi fl-14 ta' Ġunju 2020.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-8 ta' Ġunju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

I. MOSKOVSKI


(*1)  Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244 (1999) u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

(1)  Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/124/PESK tal-4 ta' Frar 2008 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, EULEX KOSOVO (ĠU L 42, 16.2.2008, p. 92).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/947 tal-14 ta' Ġunju 2016 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (EULEX KOSOVO) (ĠU L 157, 15.6.2016, p. 26).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/973 tat-8 ta' Ġunju 2017 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (EULEX KOSOVO) (ĠU L 146, 9.6.2017, p. 141).