14.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 150/155


DEĊIŻJONI (UE) 2018/853 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-30 ta’ Mejju 2018

li temenda r-Regolament (UE) Nru 1257/2013 u d-Direttivi 94/63/KE u 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kunsill 86/278/KEE u 87/217/KEE f’dak li għandu x’jaqsam mar-regoli ta’ proċedura fir-rappurtar fil-qasam tal-ambjent u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/692/KEE

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttivi tal-Kunsill 86/278/KEE (3) u 87/217/KEE (4) huma bbażati fuq l-Artikoli 100 u 235 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, li llum il-ġurnata huma l-Artikoli 115 u 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). L-emendi għal dawk id-Direttivi f’din id-Deċiżjoni huma marbutin mal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent u huma konsegwenza diretta tat-tħassir tad-Direttiva tal-Kunsill 91/692/KEE (5) abbażi tal-Artikolu 192(1) TFUE. Għalhekk jixraq li dawk l-emendi jkunu bbażati fuq l-Artikolu 192(1) TFUE.

(2)

Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/63/KE (6) hija bbażata fuq l-Artikolu 100a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li llum il-ġurnata huwa l-Artikolu 114 TFUE. L-emendi għal dik id-Direttiva f’din id-Deċiżjoni huma marbutin mal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent u huma konsegwenza diretta tat-tħassir tad-Direttiva 91/692/KEE abbażi tal-Artikolu 192(1) TFUE. Għalhekk jixraq li dawk l-emendi jkunu bbażati fuq l-Artikolu 192(1) TFUE.

(3)

Id-Direttiva 91/692/KEE ġiet adottata biex tirrazzjonalizza u ttejjeb, fuq bażi settorjali, id-dispożizzjonijiet dwar it-tixrid tal-informazzjoni u l-pubblikazzjoni ta’ rapporti li jikkonċernaw ċerti direttivi dwar il-ħarsien tal-ambjent. Sabiex jinkiseb dak il-għan, id-Direttiva 91/692/KEE emendat diversi direttivi billi daħħlet rekwiżiti uniformi tar-rappurtar.

(4)

L-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tar-rappurtar li daħħlet id-Direttiva 91/692/KEE saret ta’ piż u mhijiex effettiva. Barra minn hekk, ħafna mill-atti tal-Unjoni li emendat id-Direttiva 91/692/KEE inbidlu u m’għadx għandhom ir-rekwiżiti tar-rappurtar li daħħlet dik id-Direttiva. Pereżempju d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) ħassret seba’ atti tal-Unjoni fil-qasam tal-politika tal-ilma u ma adottatx is-sistema tar-rappurtar li daħħlet id-Direttiva 91/692/KEE. Barra minn hekk, id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) ma fiha l-ebda referenza għad-Direttiva 91/692/KEE u minflok tipprevedi sistema separata tar-rappurtar.

(5)

Id-Direttiva 91/692/KEE ma tipprevedix l-użu ta’ għodod elettroniċi. Hekk kif ġew żviluppati b’suċċess l-istrument imsejjaħ “Reportnet” tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u l-inizjattivi settorjali dwar is-simplifikazzjoni tar-rappurtar, bħas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar l-Ilma għall-Ewropa, bdew jidħlu dejjem iktar dubji dwar kemm hemm bżonn ta’ strument orizzontali għar-rappurtar u dwar kemm strument bħal dan huwa effiċjenti. Fl-aħħar nett, l-adozzjoni tad-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u l-iżvilupp relatat tas-Sistema dwar l-Informazzjoni Ambjentali Kondiviża daħħlu approċċ orizzontali iktar modern u effettiv għall-ġestjoni tal-informazzjoni u għar-rappurtar b’rabta mal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 91/692/KEE titħassar.

(7)

Ħafna mid-Direttivi li emendat id-Direttiva 91/692/KEE m’għadhomx fis-seħħ. Madankollu, id-Direttivi 86/278/KEE u 87/217/KEE għadhom fis-seħħ.

(8)

Skont id-Direttiva 86/278/KEE, l-Istati Membri jridu jipprovdu rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ dik id-Direttiva abbażi ta’ kwestjonarju jew ta’ deskrizzjoni ġenerali li l-Kummissjoni tkun fasslet skont il-proċedura stabbilita fid-Direttiva 91/692/KEE. Sabiex jiġi evitat vojt legali li jinħoloq bit-tħassir tad-Direttiva 91/692/KEE, jeħtieġ li r-referenza għad-Direttiva 91/692/KEE tinbidel b’referenza għall-proċedura msemmija fid-Direttiva 86/278/KEE.

(9)

Wara li ġie adottat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), li jipprevedi li jitneħħew b’mod gradwali l-produzzjoni u l-użu tal-asbestos mhux maħdum u ta’ prodotti li fihom l-asbestos fl-Unjoni, m’għadx hemm bżonn tar-rappurtar mill-Istati Membri skont id-Direttiva 87/217/KEE. Għalhekk jixraq li jitħassru dawk ir-rekwiżiti tar-rappurtar stabbiliti f’dik id-Direttiva.

(10)

Wara li daħlet fis-seħħ id-Direttiva 91/692/KEE, ir-Regolamenti u d-Direttivi li ġejjin kienu jinkludu referenza għal dik id-Direttiva: id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE (11), id-Direttiva 94/63/KE, id-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE (12), id-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15), id-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) u r-Regolament (UE) Nru 1257/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17).

(11)

Bħala parti mill-pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-ekonomija ċirkolari, il-Kummissjoni pproponiet li temenda d-Direttivi 94/62/KE, 1999/31/KE, 2000/53/KE u 2008/98/KE sabiex tinbidel ir-referenza għad-Direttiva 91/692/KEE.

(12)

Sabiex ikun żgurat li ċerti dispożizzjonijiet tal-Annessi għad-Direttiva 86/278/KEE jkunu aġġornati, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE fir-rigward tal-adattament ta’ dawk id-dispożizzjonijiet għall-progress tekniku u xjentifiku. Bl-istess mod, sabiex ikun żgurat li l-Annessi għad-Direttiva 2009/31/KE jkunu aġġornati, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE fir-rigward tal-adattament ta’ dawk l-Annessi għall-progress tekniku u xjentifiku. L-adattament tal-Annessi għad-Direttiva 2009/31/KE jenħtieġ li ma jwassalx għal tnaqqis fil-livell ta’ sikurezza, jew għal indeboliment tal-prinċipji ta’ monitoraġġ, previsti mill-kriterji li jinsabu f’dawk l-Annessi. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (18). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(13)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE) Nru 1257/2013 jirreferi għad-Direttiva 91/692/KEE, li se tiġi rrevokata. Skont dik id-dispożizzjoni, l-ewwel eżerċizzju ta’ rappurtar għandu jibda fid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1257/2013. Fid-19 ta’ Diċembru 2016, permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2323 (19), il-Kummissjoni stabbiliet l-ewwel verżjoni tal-Lista Ewropea tal-faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti (“il-lista Ewropea”). F’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1257/2013, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-riċiklaġġ tal-bastimenti fil-faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti inklużi fil-Lista Ewropea qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) ma japplikax. Sabiex jiġi evitat li jkun hemm perjodu ta’ żmien meta l-informazzjoni ma tinġabarx skont ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 jew skont ir-Regolament (UE) Nru 1257/2013, huwa xieraq li jkun introdott perjodu ta’ rappurtar tranżitorju bejn id-data tal-ewwel awtorizzazzjoni antiċipata skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1257/2013 fi Stat Membru partikolari u d-data tal-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament għal kull Stat Membru li jiddeċiedi li juża l-perjodu tranżitorju previst f’dak l-Artikolu. Sabiex jiġi limitat il-piż amministrattiv relatat għal kull wieħed minn dawn l-Istati Membri, mhuwiex neċessarju li l-informazzjoni miġbura matul dan il-perijodu tranżitorju tifforma l-bażi ta’ rapport separat. Minflok, jenħtieġ li jkun biżżejjed li tali informazzjoni tiġi inkorporata jew tifforma parti mill-ewwel rapport regolari li jkopri l-perjodu ta’ tliet snin mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1257/2013.

(14)

M’għadx hemm bżonn ir-rekwiżit tar-rappurtar stabbilit fid-Direttiva 94/63/KE biex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni ta’ dik id-Direttiva. Għalhekk jenħtieġ li d-dispożizzjoni rilevanti titħassar.

(15)

Minħabba li l-għan ta’ din id-Deċiżjoni, jiġifieri li jiġu emendati jew irrevokati atti ġuridiċi tal-Unjoni fil-qasam tar-rappurtar dwar l-ambjent li m’għadhomx applikabbli jew rilevanti, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’, minħabba n-natura tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak il-għan.

(16)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1257/2013 u d-Direttivi 94/63/KE, 2009/31/KE, 86/278/KEE u 87/217/KEE jiġu emendati skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2009/31/KE

Id-Direttiva 2009/31/KE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 27, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Kull tliet snin l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, inkluż ir-reġistru msemmi fil-punt b tal-Artikolu 25(1). L-ewwel rapport għandu jintbagħat lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2011. Ir-rapport għandu jitfassal fuq il-bażi ta’ kwestjonarju jew ta’ deskrizzjoni ġenerali li l-Kummissjoni tkun adottat fil-forma ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 30(2). Dak il-kwestjonarju jew id-deskrizzjoni ġenerali għandha tintbagħat lill-Istati Membri mill-inqas sitt xhur qabel l-iskadenza għall-preżentazzjoni tar-rapport.”;

(2)

l-Artikolu 29 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 29

Emendi għall-Annessi

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 29a biex temenda l-Annessi sabiex tadattahom għall-progress tekniku u xjentifiku. Tali adattament m’għandux iwassal għal tnaqqis fil-livell ta’ sikurezza previsti mill-kriterji li jinsabu fl-Anness I jew għal indeboliment tal-prinċipji ta’ monitoraġġ li jinsabu fl-Anness II.”;

(3)

jiżdied l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 29a

Eżerċizzju tad-delega

1.   Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu.

2.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 29 għal perjodu ta’ ħames snin mill-4 ta’ Lulju 2018. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar id-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ ħames snin. Ir-rapport għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perjodi ta’ durata identika, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonawx għal din l-estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jħassru d-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 29 fi kwalunkwe mument. Deċiżjoni ta’ tħassir għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-Deċiżjoni. Hija għandha ssir effettiva fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data iktar tard speċifikata fiha. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ xi att delegat li diġà jkun fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (*1).

5.   Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bih fl-istess ħin.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 29 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għalih fi żmien xahrejn minn meta jkunu ġew mgħarrfin bih jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew u kemm il-Kunsill ikunu għarrfu lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw għalih. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

(*1)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.”;"

(4)

l-Artikolu 30 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 30

Proċedura ta’ Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima stabbilit bl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3).

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(*2)  Ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għar-rapportar ta’ informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 13)."

(*3)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”."

Artikolu 2

Emendi għad-Direttiva 86/278/KEE

Id-Direttiva 86/278/KEE hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 13 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 13

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 15a biex temenda l-Annessi sabiex tadattahom għall-progress tekniku u xjentifiku.

L-ewwel paragrafu ma għandux japplika għall-parametri u għall-valuri elenkati fl-Annessi I A, I B u I C, għal xi fattur li jista’ jaffettwa l-evalwazzjoni ta’ dawk il-valuri, u għall-parametri għall-analiżi msemmija fl-Annessi II A u II B.”;

(2)

l-Artikolu 14 jitħassar;

(3)

l-Artikolu 15 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 15

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-kumitat stabbilit bl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5).

2.   Fejn ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(*4)  Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3)."

(*5)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”;"

(4)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 15a

1.   Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu.

2.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 13 għal perjodu ta’ ħames snin mill-4 ta’ Lulju 2018. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar id-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ ħames snin. Ir-rapport għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perjodi ta’ durata identika, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonawx għal din l-estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jħassru d-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 13 fi kwalunkwe mument. Deċiżjoni ta’ tħassir għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-Deċiżjoni. Hija għandha ssir effettiva fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data iktar tard speċifikata fiha. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ xi att delegat li diġà jkun fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (*6).

5.   Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bih fl-istess ħin.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 13 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għalih fi żmien xahrejn minn meta jkunu ġew mgħarrfin bih jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew u kemm il-Kunsill ikunu għarrfu lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw għalih. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

(*6)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.”;"

(5)

fl-Artikolu 17, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“F’intervalli ta’ tliet snin l-Istati Membri għandhom jibgħatu informazzjoni lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, fil-forma ta’ rapport settorjali li għandu jkopri wkoll Direttivi oħra relevanti tal-Komunità. Ir-rapporti settorjali għandhom jitfasslu fuq il-bażi ta’ kwestjonarju jew ta’ deskrizzjoni ġenerali li l-Kummissjoni tkun adottat fil-forma ta’ att ta’ implimentazzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 15(2). Il-kwestjonarju jew deskrizzjoni ġenerali għandha tintbagħat lill-Istati Membri sitt xhur qabel ma jibda l-perjodu li għalih ikun sar ir-rapport. Ir-rapport għandu jintbagħat lill-Kummissjoni fi żmien disa’ xhur mit-tmiem tal-perjodu ta’ tliet snin kopert minnu.”.

Artikolu 3

Emendi għad-Direttiva 87/217/KEE

Fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 87/217/KEE, il-paragrafu 1 jitħassar.

Artikolu 4

Emenda għar-Regolament (UE) Nru 1257/2013

Fl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 1257/2013, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Kull rapport għandu jkopri tliet snin u għandu jintbagħat b’mod elettroniku lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn disa’ xhur wara tmiem il-perjodu ta’ tliet snin li huwa jkopri.

L-ewwel rapport elettroniku għandu jkopri l-perjodu ta’ tliet snin li jibda fid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, skont l-Artikolu 32(1). Fejn Stat Membru jawtorizza r-riċiklaġġ tal-bastimenti fil-faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti li huma inklużi fil-Lista Ewropea qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament skont l-Artikolu 26, l-ewwel rapport elettroniku ta’ dak l-Istat Membru għandu jkopri wkoll il-perijodu mid-data tat-tali awtorizzazzjoni sad-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament sa mhux aktar tard minn disa’ xhur wara li tirċievi r-rapporti mill-Istati Membri.”.

Artikolu 5

Emendi għad-Direttiva 94/63/KE

Id-Direttiva 94/63/KE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 4(4), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bit-terminals ikkonċernati b’dik id-deroga.”;

(2)

fl-Artikolu 6(4), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bid-dettalji taż-żoni li fihom ikun beħsiebhom jagħtu tali deroga u sussegwentement b’kull bidla f’dawk iż-żoni.”;

(3)

l-Artikolu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 9

Monitoraġġ u rappurtar

Il-Kummissjoni hija mistiedna tippreżenta mar-rapporti tagħha, fejn xieraq, proposti għal emendi ta’ din id-Direttiva, inkluż b’mod partikolari l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni biex jinkludi sistemi ta’ kontroll u ta’ rkupru tal-fwar għall-installazzjonijiet tat-tagħbija u għall-bastimenti.”.

Artikolu 6

Tħassir tad-Direttiva 91/692/KEE

Id-Direttiva 91/692/KEE titħassar.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, it-30 ta’ Mejju 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

L. PAVLOVA


(1)  ĠU C 173, 31.5.2017, p. 82.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2018.

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 86/278/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1986 dwar il-protezzjoni tal-Ambjent, u b’mod partikolari tal-ħamrija, meta l-ħama tad-drenaġġ jintuża fl-agrikoltura (ĠU L 181, 4.7.1986, p. 6).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 87/217/KEE tad-19 ta’ Marzu 1987 dwar il-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-tniġġis fl-ambjent mill-asbestos (ĠU L 85, 28.3.1987, p. 40).

(5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/692/KEE tat-23 ta’ Diċembru 1991, biex tistandardizza u tirrazzjonalizza rapporti dwar l-implimentazzjoni ta’ ċerti direttivi fuq l-ambjent (ĠU L 377, 31.12.1991, p. 48).

(6)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/63/KE tal-20 ta’ Diċembru 1994 dwar il-kontroll ta’ emissjonijiet ta’ komposti organiċi volatili li jirriżultaw mill-ħażna tal-petrol u d-distribuzzjoni tiegħu minn terminals għall-istazzjonijiet tas-servizz (ĠU L 365, 31.12.1994, p. 24).

(7)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

(8)  Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).

(9)  Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

(11)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE tal-20 ta’ Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU L 365, 31.12.1994, p. 10).

(12)  Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta’ April 1999 dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma (ĠU L 182, 16.7.1999, p. 1).

(13)  Id-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Settembru 2000 dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw (ĠU L 269, 21.10.2000, p. 34).

(14)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(15)  Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).

(16)  Id-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-diossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, id-Direttivi tal-Parlament u tal-Kunsill 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE, 2008/1/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 114).

(17)  Ir-Regolament (UE) Nru 1257/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 u d-Direttiva 2009/16/KE (ĠU L 330, 10.12.2013, p. 1).

(18)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(19)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2323 tad-19 ta’ Diċembru 2016 li tistabbilixxi l-Lista Ewropea tal-faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti skont ir-Regolament (UE) Nru 1257/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti (ĠU L 345, 20.12.2016, p. 119).

(20)  Ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1).