4.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 137/23


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/818

tat-28 ta' Mejju 2018

li timponi multa fuq l-Awstrija għall-manipulazzjoni tad-data dwar id-dejn f'Land Salzburg

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 126(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jirrikjedi lill-Istati Membri jevitaw defiċits eċċessivi tal-gvern.

(2)

Id-data dwar id-dejn u d-defiċit tal-gvern li hija rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikoli 121 u 126 TFUE u għall-applikazzjoni tal-Protokoll Nru 12 dwar il-proċedura tad-defiċit eċċessiv anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-TFUE, hija element essenzjali għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fl-Unjoni.

(3)

Sabiex jissaħħaħ l-infurzar tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro u tiġi evitata r-rappreżentazzjoni ħażina, kemm intenzjonata kif ukoll minħabba negliġenza serja, tad-data dwar id-defiċit u d-dejn tal-gvern, il-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jista' jiddeċiedi li jimponi multa fuq l-Istat Membru responsabbli.

(4)

Fit-3 ta' Mejju 2016, il-Kummissjoni nediet investigazzjoni marbuta mal-manipulazzjoni tal-istatistika fl-Awstrija kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 1173/2011. Is-sejbiet preliminari tal-investigazzjoni ntbagħtu lill-Awstrija għall-osservazzjonijiet tagħha fl-20 ta' Diċembru 2016, kif meħtieġ skont id-Deċiżjoni ta' Delega 2012/678/UE (2). L-Awstrija pprovdiet l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha dwar is-sejbiet preliminari fil-25 ta' Jannar 2017.

(5)

Fit-22 ta' Frar 2017, il-Kummissjoni adottat rapport dwar l-investigazzjoni marbuta mal-manipulazzjoni tal-istatistika fl-Awstrija kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro, filwaqt li jittieħed kont tal-osservazzjonijiet ipprovduti mill-Awstrija.

(6)

Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Awtorità tal-Istat tal-Awditjar (Landesrechnungshof - LRH) u l-Uffiċċju ta' Land Salzburg (Amt der Salzburger Landesregierung) u l-Gvern tal-Istat ta' Land Salzburg (Salzburger Landesregierung), li huma entitajiet fis-settur tal-amministrazzjoni pubblika tal-Awstrija, kienu serjament negliġenti fin-nuqqas ta' żgurar tal-kontrolli tal-kompilazzjoni u tal-proċeduri ta' rapportar xierqa. Minħabba dan, dawk l-entitajiet iffaċilitaw il-fatt li l-Unità tal-Baġit tal-Uffiċċju tal-Istat ta' Land Salzburg setgħet tirrappreżenta b'mod ħażin u taħbi t-tranżazzjonijiet finanzjarji. Dan min-naħa tiegħu rriżulta f'rappreżentazzjoni ħażina tad-data dwar id-dejn tal-Awstrija għas-snin 2008-2012 lill-Eurostat fl-2012 u l-2013, jiġifieri wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 1173/2011. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li Statistics Austria (Statistik Austria - STAT) kien konxju dwar il-possibbiltà li Land Salzburg irrappreżenta b'mod ħażin il-kontijiet tiegħu mill-inqas mis-6 ta' Diċembru 2012, iżda li informa lill-Kummissjoni (Eurostat) dwar dan il-fatt biss fl-10 ta' Ottubru 2013.

(7)

L-ammont tal-multa ma għandux jaqbeż iż-0,2 % tal-prodott domestiku gross tal-Awstrija fl-2015.

(8)

L-ammont ta' referenza tal-multa li għandu jiġi impost għandu jkun ugwali għal 5 % tal-impatt akbar tar-rappreżentazzjoni ħażina tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika tal-Awstrija għas-snin rilevanti koperti bin-notifika fil-kuntest tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (EDP). Ir-reviżjoni tad-dejn irrappurtat mill-Awstrija għan-notifika tal-EDP ta' April 2014 ammontat għal EUR 1 192 miljun. L-ammont ta' referenza għall-multa għandu b'hekk ikun stabbilit għal EUR 59,6 miljun.

(9)

Filwaqt li jittieħed kont tal-kriterji stabbiliti fil-punt (d) tal-Artikolu 14(3) tad-Deċiżjoni ta' Delega 2012/678/UE, il-Kummissjoni kkonkludiet fir-rapport tagħha li l-azzjonijiet rilevanti tal-Istat Membru li fuqhom tista' tiġi bbażata multa huma dawk li seħħew fil-perijodu mit-13 ta' Diċembru 2011, meta daħal fis-seħħ ir-Regolament (UE) Nru 1173/2011, sat-tnedija tal-investigazzjoni. Hija kkonkludiet ukoll li l-aħħar notifika li fiha seħħet ir-rappreżentazzjoni ħażina rilevanti kienet in-notifika tal-EDP ta' Ottubru 2013 li kopriet is-snin 2009-2012. Ir-rappreżentazzjonijiet ħżiena għas-snin 2011 u 2012, li jinsabu fin-notifiki tal-EDP tal-2012 u tal-2013, rispettivament, huma ta' rilevanza fil-kuntest ta' dak ir-Regolament minħabba li jiġġustifikaw l-ammont li qed jiżdied tal-multa.

(10)

Filwaqt li jittieħed kont tal-kriterji stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 14(3) tad-Deċiżjoni ta' Delega 2012/678/UE, il-Kummissjoni kkonkludiet fir-rapport tagħha li r-rappreżentazzjoni ħażina tad-data ma kellhiex impatt b'mod sinifikanti fuq il-funzjonament tal-governanza ekonomika msaħħa tal-Unjoni, minħabba l-impatt limitat tagħha fuq id-dejn tal-Awstrija kollu kemm hu. Dawn l-elementi jiġġustifikaw tnaqqis fl-ammont tal-multa.

(11)

Filwaqt li jittieħed kont tal-kriterji stabbiliti fil-punt (b) tal-Artikolu 14(3) tad-Deċiżjoni ta' Delega 2012/678/UE, il-Kummissjoni kkonkludiet fir-rapport tagħha li r-rappreżentazzjoni ħażina kienet ir-riżultat ta' negliġenza serja. Il-Kummissjoni ma kkonkludietx fir-rapport tagħha li r-rappreżentazzjoni ħażina kienet intenzjonata f'kuntest tal-EDP. Jenħtieġ li ma tiġi applikata l-ebda modulazzjoni għall-ammont tal-multa f'dan ir-rigward.

(12)

Filwaqt li jittieħed kont tal-kriterji stabbiliti fil-punt (c) tal-Artikolu 14(3) tad-Deċiżjoni ta' Delega 2012/678/UE, il-Kummissjoni kkonkludiet fir-rapport tagħha li r-rappreżentazzjoni ħażina tad-data kienet iffaċilitata mill-fatt li tliet entitajiet tas-settur tal-amministrazzjoni pubblika tal-Awstrija kienu serjament negliġenti fin-nuqqas ta' żgurar tal-kontrolli tal-kompilazzjoni u tal-proċeduri ta' rapportar xierqa. Madankollu, il-Kummissjoni ma tqisx li din hija azzjoni miftiehma minn dawk l-entitajiet. Dawn l-elementi jiġġustifikaw tnaqqis fl-ammont tal-multa.

(13)

Filwaqt li jittieħed kont tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 14(3)(e) tad-Deċiżjoni ta' Delega 2012/678/UE, il-Kummissjoni fir-rapport tagħha kkonkludiet li l-STAT u l-entitajiet kollha kkonċernati wrew livell għoli ta' kooperazzjoni matul l-investigazzjoni. Dan l-element ġeneralment jiġġustifika tnaqqis fl-ammont tal-multa. Madankollu, ġie żgurat li, skont il-prinċipju ta' diliġenza dovuta, l-STAT seta' u kellu jkollu rwol aktar proattiv u jinforma lill-Kummissjoni (Eurostat) fil-pront dwar il-fatt li kien seħħ rapportar ħażin fil-kontijiet ta' Land Salzburg. Dan l-element ġeneralment jiġġustifika żieda fl-ammont tal-multa. Madankollu, din il-konklużjoni tenħtieġ li tiġi kkwalifikata mill-kumplessità kbira tas-sitwazzjoni fattwali li wasslet għar-rapportar ħażin, li tinvolvi telfiet minn derivattivi finanzjarji u d-diffikultajiet tekniċi assoċjati mal-fehim u l-elaborazzjoni tagħhom u li jenħtieġ li jittieħed kont tagħhom meta jiġi vvalutat il-livell ta' diliġenza muri mill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat. Filwaqt li jitqies l-effett ikkombinat tal-elementi li jiġġustifikaw tnaqqis – il-livell għoli ta' kooperazzjoni muri matul l-investigazzjoni kif ukoll id-diffikultajiet li jirriżultaw mill-kumplessità għolja tal-fatti - kontra l-elementi li jiġġustifikaw żieda, jenħtieġ li jibqa' jiġi applikat tnaqqis għall-ammont tal-multa.

(14)

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-multa li trid tiġi imposta fuq l-Awstrija jenħtieġ li tiġi stabbilita għal EUR 29,8 miljun. Fid-dawl ta' dawn iċ-ċirkustanzi, il-multa jenħtieġ li tiġi stabbilita għal EUR 26,82 miljun.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Multa ta' EUR 26,82 miljun hija imposta fuq l-Awstrija għar-rappreżentazzjoni ħażina tad-data dwar id-dejn tal-gvern minħabba negliġenza serja ta' tliet entitajiet tal-gvern kif stabbilit fir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-investigazzjoni marbuta mal-manipulazzjoni tal-istatistika fl-Awstrija kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 1173/2011.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Awstrija.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Mejju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

E. KARANIKOLOV


(1)   ĠU L 306, 23.11.2011, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Delega tal-Kummissjoni 2012/678/UE tad-29 ta' Ġunju 2012 dwar l-investigazzjonijiet u l-multi marbuta mal-manipulazzjoni tal-istatistika kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro, (ĠU L 306, 6.11.2012, p. 21).