24.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 128/13


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/757

tal-14 ta' Mejju 2018

li tiddenunzja l-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u l-Unjoni ta' Comoros

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1563/2006 (2) jikkonċerna l-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u l-Unjoni ta' Comoros (“l-FPA bejn l-UE u Comoros”).

(2)

Wieħed mill-objettivi tal-FPA bejn l-UE u Comoros huwa li jiġi żgurat li l-miżuri għall-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd ikunu effettivi, u li jiġi evitat sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (“IUU”).

(3)

Bis-saħħa tal-Artikolu 11 tal-FPA bejn l-UE u Comoros, il-Ftehim japplika għal seba' snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu u jista' jiġġedded għal perijodi addizzjonali ta' seba' snin, dment li waħda mill-Partijiet ma tagħtix notifika ta' terminazzjoni.

(4)

Bis-saħħa tal-Artikolu 12 tal-FPA bejn l-UE u Comoros, il-Ftehim jista' jiġi tterminat minn kwalunkwe Parti fil-każ ta' ċirkostanzi serji bħan-nuqqas ta' konformità mal-impenji li jkunu ttieħdu fir-rigward tal-ġlieda kontra s-sajd IUU. Il-Parti kkonċernata għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra bl-intenzjoni tagħha li tiddenunzja l-Ftehim mill-inqas sitt xhur qabel id-data ta' skadenza tal-perijodu inizjali ta' seba' snin jew ta' kull perijodu addizzjonali. Kif tintbagħat din in-notifika, jibdew konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet.

(5)

Bis-saħħa tal-Artikolu 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 (3) (“ir-Regolament IUU”), il-Kummissjoni għandha tidentifika l-pajjiżi terzi li tqis bħala pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU. Pajjiż terz jista' jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax jekk jonqos milli jaqdi dmirijietu skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq, li jieħu azzjoni sabiex jipprevjeni, jiskoraġġixxi jew jelimina s-sajd IUU.

(6)

F'konformità ma' deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni fl-1 ta' Ottubru 2015 (4), l-Unjoni ta' Comoros ġiet innotifikata bil-possibbiltà li tista' tiġi identifikata mill-Kummissjoni bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd IUU minħabba l-politika tal-bandiera ta' konvenjenza segwita mill-awtoritajiet ta' Comoros, l-evidenza ta' attivitajiet ta' sajd illegali mill-flotta ta' Comoros, il-kapaċitajiet skarsi jew ineżistenti ta' monitoraġġ u kontroll tal-awtoritajiet ta' Comoros, u l-qafas legali obsolet ta' Comoros fil-qasam tas-sajd.

(7)

Permezz ta' dik id-deċiżjoni, il-Kummissjoni fetħet proċess ta' djalogu mal-Unjoni ta' Comoros li sar f'konformità mar-rekwiżiti proċedurali stipulati fl-Artikolu 32 tar-Regolament IUU. L-Unjoni ta' Comoros ma ħaditx l-azzjoni korrettiva neċessarja, fi żmien raġonevoli.

(8)

Fid-dawl tan-nuqqasijiet persistenti tal-Unjoni ta' Comoros fil-qadi ta' dmirijietha skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq, li jieħu azzjoni sabiex jipprevjeni, jiskoraġġixxi jew jelimina s-sajd IUU, l-Unjoni ta' Comoros ġiet identifikata f'konformità mal-Artikolu 31 tar-Regolament IUU bħala pajjiż li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd IUU permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/889 (5). Wara din l-identifikazzjoni, l-Unjoni ta' Comoros xorta naqset milli tieħu l-azzjoni korrettiva neċessarja.

(9)

F'konformità mal-Artikolu 33 tar-Regolament IUU, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1332 (6), żiedet l-Unjoni ta' Comoros mal-lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx stabbilita permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2014/170/UE (7).

(10)

Bis-saħħa tal-Artikolu 38(8) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni għandha tipproponi d-denunzja ta' kwalunkwe ftehim ta' sajd bilaterali eżistenti jew ftehim ta' sħubija ta' sajd eżistenti ma' pajjiż terz li ma jikkooperax, fejn dak il-ftehim jipprevedi t-terminazzjoni tal-ftehim fejn dak il-pajjiż ikun naqas milli jikkonforma mal-impenji fir-rigward tal-ġlieda kontra s-sajd IUU.

(11)

Għalhekk jixraq li l-FPA bejn l-UE u Comoros jiġi ddenunzjat.

(12)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tinnotifika lill-Unjoni ta' Comoros bid-denunzja.

(13)

Jenħtieġ li d-denunzja ssir effettiva sitt xhur wara dik in-notifika.

(14)

Madankollu, jekk l-Unjoni ta' Comoros titneħħa mil-lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx taħt l-Artikolu 33 tar-Regolament IUU qabel ma d-denunzja ssir effettiva, jenħtieġ li d-denunzja tiġi irtirata u jenħtieġ li l-Kummissjoni immedjatament tinnotifika lill-Unjoni ta' Comoros li tneħħiet mil-lista,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u l-Unjoni ta' Comoros (“l-FPA bejn l-UE u Comoros”), li daħal fis-seħħ fis-6 ta' Marzu 2008, għandu jiġi ddenunzjat.

Artikolu 2

1.   Mad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, għandha tinnotifika lill-Unjoni ta' Comoros dwar id-denunzja tal-FPA bejn l-UE u Comoros.

2.   Id-denunzja għandha ssir effettiva sitt xhur wara dik in-notifika.

3.   Jekk il-Kunsill ineħħi l-Unjoni ta' Comoros mil-lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx taħt l-Artikolu 33 tar-Regolament IUU qabel ma d-denunzja ssir effettiva, id-denunzja għandha tiġi irtirata u l-Kummissjoni għandha immedjatament tinnotifika lill-Unjoni ta' Comoros li tneħħiet mil-lista.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Mejju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

E. ZAHARIEVA


(1)  Kunsens tal-15 ta' Marzu 2018 (għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1563/2006 tal-5 ta' Ottubru 2006 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u l-Unjoni tal-Komoros (ĠU L 290, 20.10.2006, p. 6).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Ottubru 2015 dwar notifika lil pajjiż terz dwar il-possibbiltà li dan jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU C 324, 2.10.2015, p. 6).

(5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/889 tat-23 ta' Mejju 2017 li tidentifika lill-Unjoni ta' Comoros bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU L 135, 24.5.2017, p. 35).

(6)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1332 tal-11 ta' Lulju 2017 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/170/UE li tistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, fir-rigward tal-Unjoni tal-Comoros (ĠU L 185, 18.7.2017, p. 37).

(7)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/170/UE tal-24 ta' Marzu 2014 li tistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU skont ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU L 91, 27.3.2014, p. 43).