|
23.5.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 126/8 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/753
tat-22 ta' Mejju 2018
li tikkonferma l-parteċipazzjoni tal-Irlanda fid-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat il-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,
Wara li kkunsidrat in-notifika mill-Irlanda dwar ix-xewqa tagħha li taċċetta u tintrabat bid-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (1),
Billi:
|
(1) |
Id-Direttiva 2013/33/UE, kienet addottata fis-26 ta' Ġunju 2013. L-Istati Membri kellhom sal-20 ta' Lulju 2015 biex idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mad-Direttiva. |
|
(2) |
Permezz ta' ittra tal-24 ta' Jannar 2018, l-Irlanda nnotifikat ix-xewqa tagħha li taċċetta u tintrabat mad-Deċiżjoni 2013/33/UE. |
|
(3) |
Fl-20 ta' Frar, fl-4 ta' April u fid-9 ta' April 2018, l-Irlanda bagħtet lill-Kummissjoni abbozz ta' leġiżlazzjoni li tittrasponi d-Direttiva 2013/33/UE fil-liġi nazzjonali. It-tlestija tal-abbozz ta' leġiżlazzjoni tinsab għaddejja. |
|
(4) |
Minħabba li l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tal-Irlanda ġew issodisfati, jinħtieġ li l-parteċipazzjoni tal-Irlanda fid-Direttiva 2013/33/UE tkun ikkonfermata, f'konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 331(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. |
|
(5) |
Miżuri transitorji huma meħtieġa biex jippermettu lill-Irlanda biex tlesti l-proċedura li ddaħħal fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex tkun konformi mad-Direttiva 2013/33/UE. Billi l-Irlanda hija diġà fi stadju avvanzat tat-tħejjija ta' abbozz ta' miżuri li jittrasponu din id-Direttiva fil-liġi nazzjonali bil-ħsieb tal-adozzjoni tagħhom, huwa meqjus raġonevoli li l-Irlanda tintalab biex tlesti l-proċedura sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2018, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-parteċipazzjoni tal-Irlanda fid-Direttiva 2013/33/UE hija kkonfermata.
2. Id-Direttiva 2013/33/UE għandha tapplika għall-Irlanda skont din id-Deċiżjoni mill-24 ta' Mejju 2018.
Artikolu 2
L-Irlanda għandha ddaħħal fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex tikkonforma mad-Direttiva 2013/33/UE sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2018. L-Irlanda għandha tikkomunika minnufih lill-Kummissjoni t-test ta' dawn id-dispożizzjonijiet. Dawn il-miżuri għandu jkun fihom referenza għad-Direttiva 2013/33/UE jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. l-Irlanda għandha tiddetermina kif għandha ssir tali referenza.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-24 ta' Mejju 2018.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Mejju 2018.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER