18.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 123/119


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/744

tas-16 ta' Mejju 2018

li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2008 dwar miżuri ta' kontroll tas-saħħa tal-annimali fir-rigward tal-marda tal-infafet fil-ġilda f'ċerti Stati Membri

(notifikata bid-dokument C(2018) 2815)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar, veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta' ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/119/KEE tas-17 ta' Diċembru 1992 li tintroduċi miżuri ġenerali Komunitarji għall-kontroll ta' ċertu mard tal-annimali u l-miżuri speċifiċi li għandhom x'jaqsmu mal-marda vexxikolari tal-ħnieżer (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 14(2), l-Artikolu 19(1)(a) u (3)(a) u l-Artikolu 19(4) u (6) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta' Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (4), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(3) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 92/119/KEE tistabbilixxi miżuri ġenerali ta' kontroll li jridu jiġu applikati fil-każ ta' tifqigħa ta' ċertu mard tal-annimali, inkluża l-marda tal-infafet fil-ġilda (LSD). Dawn il-miżuri ta' kontroll jinkludu t-twaqqif ta' żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza madwar l-azjenda infettata, filwaqt li jipprevedu wkoll it-tilqim ta' emerġenza f'każ ta' tifqigħa tal-marda tal-infafet fil-ġilda bħala suppliment għal miżuri oħra ta' kontroll.

(2)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2008 (5) tistabbilixxi miżuri ta' kontroll tas-saħħa tal-annimali fir-rigward tal-okkorrenza tal-marda tal-infafet fil-ġilda f'ċerti Stati Membri jew f'partijiet minnhom. Tiddefinixxi “żoni infettati” bħala l-partijiet mit-territorju ta' Stat Membru kif elenkat fil-Parti II tal-Anness I ta' dik id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni li tinkludi ż-żoni fejn il-marda tal-infafet fil-ġilda kienet ikkonfermata u kull protezzjoni u żona ta' sorveljanza stabbiliti skont id-Direttiva 92/119/KEE, u fejn it-tilqim kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda jista' jiġi implimentat wara l-approvazzjoni ta' programmi ta' tilqim. Tiddefinixxi wkoll “żoni ħielsa bit-tilqim” bħala l-partijiet tat-territorju ta' Stat Membru kif elenkat fil-Parti I ta' dak l-Anness li tinkludi ż-żoni barra miż-“żoni infettati”, fejn it-tilqim kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda huwa implimentat wara l-approvazzjoni ta' programmi ta' tilqim.

(3)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2008 tipprevedi miżuri speċifiċi ta' mitigazzjoni tar-riskju u restrizzjonijiet kummerċjali fir-rigward ta' annimali bovini ħajjin u ruminanti selvaġġi miżmuma fil-magħluq, il-prodott ġerminali tagħhom, u prodotti oħra ta' dawk l-annimali li għandhom jiddaħħlu fis-seħħ fiż-“żoni ħielsa bit-tilqim”, bil-ħsieb li jiġi minimizzat kull riskju ta' tixrid tal-marda tal-infafet fil-ġilda.

(4)

Il-marda tal-infafet fil-ġilda ġiet ikkonfermata għall-ewwel darba fl-Ewropa kontinentali f'Awwissu 2015 (il-Greċja). Il-marda reġgħet feġġet fl-2016 u affettwat b'kollox seba' pajjiżi fix-Xlokk tal-Ewropa (il-Greċja, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, is-Serbja, il-Kosovo (6), l-Albanija u l-Montenegro), filwaqt li fl-2017 il-marda tal-infafet fil-ġilda kienet inqas preżenti (b'rikorrenza fuq skala kbira fl-Albanija biss u xi tifqigħat sporadiċi fil-Greċja u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja biss).

(5)

B'reazzjoni għall-marda tal-infafet fil-ġilda, l-Istati Membri kollha milquta (il-Ġreċja u l-Bulgarija), kif ukoll il-pajjiżi kollha li ntlaqtu u li mhumiex fl-UE, irrikorrew malajr għat-tilqim tal-massa tal-annimali bovini ħajjin u r-ruminanti selvaġġi miżmuma fil-magħluq kollha tagħhom għal mill-inqas sentejn konsekuttivi (2016 u 2017). Matul dan l-istess perjodu, bħala miżura preventiva fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemjoloġika fil-pajjiżi ġirien, il-Kroazja, fejn il-marda tal-infafet tal-ġilda qatt ma faqqgħet, implimentat l-istess miżura ta' tilqim.

(6)

Mill-ewwel okkorezza tal-marda tal-infafet fil-ġilda fl-Ewropa kontinentali, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) forniet parir urġent dwar il-marda tal-infafet fil-ġilda, li ġie adottat fid-29 ta' Lulju 2016 (7) u żewġ rapporti, approvati fis-27 ta' Marzu 2017 (8) u fid-29 ta' Jannar 2018 (9) rispettivament. Dawn il-valutazzjonijiet xjentifiċi kollha juru li r-riżultati mill-analiżi tad-dejta epidemjologika disponibbli dwar il-marda tal-infafet fil-ġilda fl-Ewropa fl-2016 u fl-2017, jagħtu x'jifhem li fejn il-kampanji ta' tilqim tal-massa kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda ġew implimentati kif xieraq, dawn rażżnu tajjeb il-marda billi pprevjenew l-okkorrenza ta' tifqigħat ġodda. Barra minn hekk, ġie konkluż li t-tilqim tal-massa huwa l-iktar miżura effettiva għat-trażżin tal-marda tal-infafet fil-ġilda, speċjalment jekk il-protezzjoni tal-annimali mlaqqma tkun ġiet żviluppata diġà qabel ma feġġet il-marda, b'mod speċifiku bit-tilqim ta' prevenzjoni.

(7)

L-effiċjenza tal-kampanji ta' tilqim riċenti kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda, kif ikkonfermat bil-Parir tal-EFSA tal-2016 u r-Rapporti tal-EFSA tal-2017 u l-2018, tagħti x'tifhem li r-riskju li l-marda tal-infafet fil-ġilda tinxtered minħabba l-moviment tal-annimali bovini ħajjin u r-ruminanti selvaġġi miżmuma fil-magħluq, huwa baxx ħafna wara li titlesta kampanja tat-tilqim kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda skont l-Anness II tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2008.

(8)

Il-Kroazja, il-Bulgarija u l-Ġreċja għandhom it-territorju kollu tagħhom jew partijiet minnu elenkat fl-Anness I tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2008 bħala “żoni ħielsa bit-tilqim”.

(9)

Kemm il-Kroazja, kif ukoll il-Bulgarija rraportaw li diġà lestew il-kampanja tagħhom ta' tilqim kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda fiż-“żoni ħielsa bit-tilqim” tagħhom fis-sena 2017, skont l-Anness II tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2008. Barra minn hekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemjoloġika pożittiva tal-2017 fix-Xlokk tal-Ewropa, mill-2018 il-Kroazja se twaqqaf it-tilqim kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda.

(10)

Hekk kif titlesta l-kampanja ta' tilqim kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda fiż-“żoni ħielsa bit-tilqim” tal-Greċja, jenħtieġ li japplikaw id-derogi introdotti b'din id-Deċiżjoni għaż-“żoni ħielsa bit-tilqim” rilevanti tal-Greċja.

(11)

Skont id-dispożizzjonijiet attwali tal-Artikolu 6a tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2008, il-moviment tal-annimali bovini ħajjin u tar-ruminanti selvaġġi miżmuma fil-magħluq fiż-“żoni ħielsa bit-tilqim” tal-istess Stat Membru huwa permess biss jekk huma joriġinaw minn azjenda fejn l-annimali kollha l-oħra huma mlaqqma jew għandhom l-immunità materna, bi ftit eċċezzjonijiet (l-annimali għall-iskarnar urġenti jew l-annimali introdotti minn żoni ħielsa mill-marda tal-infafet fil-ġilda inqas minn tliet xhur ilu). Għalhekk, b'riżultat tat-twaqqif progressiv tat-tilqim kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda fiż-“żoni ħielsa bit-tilqim”, huma meħtieġa dispożizzjonijiet fir-rigward tal-movimenti tal-annimali bovini ħajjin u r-ruminanti selvaġġi miżmuma fil-magħluq ladarba tiskadi l-immunità materna tal-għoġġiela, speċjalment matul it-tieni nofs tal-2018.

(12)

Għalhekk, jenħtieġ li r-rekwiżiti li jikkonċernaw id-derogi u l-kundizzjonijiet speċjali għall-ispedizzjoni ta' annimali bovini ħajjin u ruminanti selvaġġi miżmuma fil-magħluq fiż-“żoni ħielsa bit-tilqim” jiġu emendati u l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2008 jiġi emendat skont dan.

(13)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fil-paragrafu (2) tal-Artikolu 6a tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2008, jiżdied il-punt (e) li ġej:

“(e)

l-annimali, irrispettivament mill-istatus ta' tilqim individwali tagħhom jew mit-tilqim kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda fl-azjenda tagħhom ta' oriġini, jiġu mċaqalqa minn azjendi li jinsabu f'żona elenkata fil-Parti I tal-Anness I għal kwalunkwe destinazzjoni oħra li tinsab f'żona oħra elenkata fil-Parti I tal-Anness I tal-istess Stat Membri jekk:

(i)

l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat ikunu implimentaw programm annwali ta' tilqim kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda fiż-żoni kollha tal-Istat Membru elenkati fil-Parti I tal-Anness I, li jkun tlesta mill-inqas 28 jum qabel id-data tal-ispedizzjoni, u li kien konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness II u kien approvat mill-Kummissjoni, u jkunu informaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar id-data tal-bidu u d-data tat-tlestija tal-programm ta' tilqim; kif ukoll

(ii)

fil-każ li l-moviment tal-annimali jgħaddi minn żona elenkata fil-Parti II tal-Anness I, ġiet stabbilita proċedura ta' gwida skont l-Artikolu 12, taħt il-kontroll tal-awtoritajiet komptenti tal-postijiet tal-oriġini, tat-tranżitu u tad-destinazzjoni.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Mejju 2018.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

(2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(3)  ĠU L 62, 15.3.1993, p. 69.

(4)  ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

(5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2008 tal-15 ta' Novembru 2016 dwar miżuri ta' kontroll tas-saħħa tal-annimali fir-rigward tal-marda tal-infafet fil-ġilda f'ċerti Stati Membri (ĠU L 310, 17.11.2016, p. 51).

(6)  Din id-deżinjazzjoni hi mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mal-UNSCR 1244 u mal-Opinjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar id-Dikjarazzjoni ta' Indipendenza tal-Kosovo.

(7)  EFSA Journal 2016;14(8):4573.

(8)  EFSA Journal 2017;15(4):4773.

(9)  EFSA Journal 2018;16(2):5176.