16.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 120/10


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/717

tal-14 ta' Mejju 2018

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari l-Artikoli 42(4) u 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-18 ta' Mejju 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 (1) dwar operazzjoni militari tal-UE fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA) li tikkontribwixxi għat-tfixkil tal-mudell kummerċjali tan-netwerks ta' faċilitazzjoni ta' dħul klandestin u traffikar tal-bnedmin fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali.

(2)

Fl-20 ta' Ġunju 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/993 (2) li emendat id-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 billi estendiet il-mandat tal-operazzjoni b'mod partikolari biex tikkontribwixxi lejn il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-implimentazzjoni tal-embargo tal-armi tan-NU fl-ibħra miftuħa 'l barra mill-kosta tal-Libja.

(3)

Fid-19 ta' Diċembru 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/2314 (3) u fil-25 ta' Lulju 2017 id-Deċiżjoni (PESK) 2017/1385 (4) li saħħet l-awtorizzazzjonijiet mogħtija lil EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA biex tiskambja informazzjoni ma' atturi rilevanti.

(4)

Fl-20 ta' Marzu 2018, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà qabel li, bl-għan li tittejjeb il-kondiviżjoni tal-informazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u l-aġenziji tal-Unjoni, EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA tista' tospita Ċellola ta' Informazzjoni dwar il-Kriminalità (CIC) fi ħdan l-operazzjoni.

(5)

Jeħtieġ li L-ipproċessar ta' data personali minn membri tas-CIC jikkonforma mal-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(6)

Id-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

(7)

F'konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-elaborazzjoni u fl-implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li għandhom implikazzjonijiet ta' difiża. Konsegwentement, id-Danimarka mhix tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, la hi marbuta biha u lanqas hija soġġetta għall-applikazzjoni tagħha u ma tiħux sehem fil-finanzjament ta' din l-operazzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/778, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   EUNAVFOR MED operazzjoni Sophia tista' tospita Ċellola ta' Informazzjoni dwar il-Kriminalità (‘CIC’) magħmula minn persunal tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u tal-aġenziji tal-Unjoni rilevanti elenkati fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, sabiex tiffaċilita r-riċeviment, il-ġbir u t-trasmissjoni ta' informazzjoni, inkluż data personali, dwar ild-dħul klandestin u t-traffikar ta' bnedmin, l-embargo tal-armi fuq il-Libja, it-traffikar illegali kif imsemmi fl-Artikolu 2b(4), kif ukoll ir-reati rilevanti għas-sigurtà tal-operazzjoni.

L-ipproċessar ta' data personali f'dan il-kuntest għandu jitwettaq f'konformità mal-liġi applikabbli tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment li fuqu jinsab is-CIC u, fir-rigward tal-persunal tal-aġenziji tal-Unjoni, f'konformità mal-qafas legali applikabbli għall-aġenziji rispettivi.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Mejju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

E. ZAHARIEVA


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/778 tat-18 ta' Mejju 2015 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA) (ĠU L 122, 19.5.2015, p. 31).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/993 tal-20 ta' Ġunju 2016 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA) (ĠU L 162, 21.6.2016, p. 18).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/2314 tad-19 ta' Diċembru 2016 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA) (ĠU L 345, 20.12.2016, p. 62).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1385 tal-25 ta' Lulju 2017 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA) (ĠU L 194, 26.7.2017, p. 61).