|
3.5.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 113/10 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/672
tal-15 ta' Diċembru 2016
dwar l-iskema ta' għajnuna nazzjonali fit-tul għall-agrikoltura fir-reġjuni tat-Tramuntana tal-Finlandja
(notifikata bid-dokument C(2016) 8419)
(It-testi bil-Finlandiż u bl-Iżvediż biss huma awtentiċi)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat l-Att tal-Adeżjoni tal-Awstrija, tal-Finlandja u tal-Iżvezja mal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 142 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 95/196/KE (1), il-Kummissjoni kienet approvat l-iskema ta' għajnuna nazzjonali fit-tul għall-agrikoltura fir-reġjuni tat-Tramuntana tal-Finlandja (“l-iskema tal-għajnuna Nordika”), li l-Finlandja kienet innotifikat skont l-Artikolu 143 tal-Att tal-Adeżjoni sabiex din tiġi awtorizzata skont l-Artikolu 142 ta' dak l-Att. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 95/196/KE nbidlet bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009)3067 tat-30 ta' April 2009 (2). Dik id-Deċiżjoni ġiet emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015)2790 tat-30 ta' April 2015. |
|
(2) |
Fit-12 ta' Ottubru 2015, il-Finlandja pproponiet li l-Kummissjoni temenda d-Deċiżjoni C(2009)3067 sabiex tiġi ssimplifikata l-amministrazzjoni tal-iskema u sabiex jitqiesu l-bidliet li saru fil-politika agrikola komuni u l-iżviluppi ekonomiċi li kien hemm fl-agrikoltura fir-reġjuni tat-Tramuntana tal-Finlandja. Permezz ta' ittra tat-8 ta' Ġunju 2016, il-Finlandja emendat il-proposta u bagħtet iktar informazzjoni dwar il-produzzjoni agrikola tar-reġjuni tat-Tramuntana ta' dan il-pajjiż. |
|
(3) |
Minħabba l-emendi li saru minħabba f'hekk fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009)3067 u l-għadd ta' emendi li kienu saru qabel, jixraq li dik id-Deċiżjoni tinbidel b'Deċiżjoni ġdida. |
|
(4) |
L-għajnuna nazzjonali fit-tul imsemmija fl-Artikolu 142 tal-Att tal-Adeżjoni hija maħsuba biex tiżgura li tinżamm l-attività agrikola fir-reġjuni tat-Tramuntana kif stabbilit mill-Kummissjoni. |
|
(5) |
Meta jitqiesu l-fatturi msemmijin fl-Artikolu 142(1) u (2) tal-Att tal-Adeżjoni, jenħtieġ li l-għajnuna nazzjonali skont dak l-Artikolu tkun limitata għaż-żoni li jinsabu fit-Tramuntana tat-62 parallel jew ħdejn dak il-parallel, u li jintlaqtu minn kundizzjonijiet klimatiċi komparabbli li jagħmlu l-attività agrikola partikolarment diffiċli. Jenħtieġ li l-muniċipalità (il-“kunta”) tintgħażel bħala l-unità amministrattiva rilevanti, inklużi l-muniċipalitajiet li madwarhom għandhom muniċipalitajiet oħrajn fit-tali żoni, anke meta dawn ma jkunux jissodisfaw l-istess rekwiżiti. |
|
(6) |
Sabiex tiġi ffaċilitata l-amministrazzjoni tal-iskema u biex din tiġi kkoordinata mal-appoġġ mogħti fil-kuntest tar-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 (3) u tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), kif ukoll fil-kuntest tal-iskemi ta' għajnuna nazzjonali, jixraq li l-muniċipalitajiet taż-żona delimitata fil-Programm tal-Iżvilupp Rurali għall-2014 sal-2020 għall-Finlandja Kontinentali skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 32(2) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 jiġu inklużi fost iż-żoni li jirċievu l-għajnuna fil-kuntest ta' din id-Deċiżjoni. |
|
(7) |
Jenħtieġ li, bl-użu tal-istatistika nazzjonali disponibbli bħala l-bażi, il-perjodu ta' referenza li b'rabta miegħu jridu jitqiesu l-iżviluppi fil-produzzjoni agrikola u l-livell tal-appoġġ ġenerali jibqa' l-istess bħal dak mogħti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009)3067 u jkun ikopri l-1991, l-1992 u l-1993 f'dak li għandu x'jaqsam mal-produzzjoni agrikola. |
|
(8) |
Skont l-Artikolu 142 tal-Att tal-Adeżjoni, jenħtieġ li l-ammont totali tal-għajnuna li jingħata jkun biżżejjed biex tinżamm l-attività agrikola fir-reġjuni tat-Tramuntana tal-Finlandja, iżda ma jwassalx għal appoġġ ġenerali li jaqbeż il-livell tal-appoġġ mogħti waqt il-perjodu ta' referenza ta' qabel l-adeżjoni. Għalhekk jeħtieġ li titqies l-għajnuna għall-introjtu mogħtija fil-kuntest tal-politika agrikola komuni meta jkun qed jiġi stabbilit il-livell massimu tal-għajnuna li jista' jingħata skont dak l-Artikolu. Abbażi tad-dejta tal-2016, jenħtieġ li l-ammont massimu annwali tal-għajnuna jiġi stabbilit bħala ammont ta' EUR 563,9 miljun, ikkalkulat bħala ammont medju fuq perjodu ta' ħames snin mill-1 ta' Jannar 2017 sal-31 ta' Diċembru 2021. |
|
(9) |
Sabiex l-iskema tal-għajnuna Nordika tiġi ssimplifikata u sabiex il-Finlandja jkollha l-flessibbiltà li tagħti l-għajnuna lil setturi differenti tal-produzzjoni, filwaqt li jiġi żgurat li l-għajnuna titqassam b'mod ibbilanċjat bejn setturi differenti, jenħtieġ li l-ammont massimu medju annwali tal-għajnuna jinqasam bejn il-kategoriji tal-għajnuna li ġejjin: it-trobbija tal-annimali, il-produzzjoni tal-pjanti u tipi oħra ta' għajnuna Nordika. Fil-każ tal-produzzjoni tal-ħalib tal-baqar, jixraq li jiġi stabbilit ammont massimu medju annwali tal-għajnuna li jkun biżżejjed biex tinżamm din it-tip ta' produzzjoni fir-reġjuni tat-Tramuntana tal-Finlandja. |
|
(10) |
Jenħtieġ li l-għajnuna tingħata ta' kull sena abbażi ta' fatturi tal-produzzjoni (bħall-unitajiet tal-bhejjem u l-ettari), fil-limiti totali stabbiliti f'din id-Deċiżjoni. |
|
(11) |
Jenħtieġ li l-għajnuna għar-renni tingħata għal kull annimal u tkun limitata għall-għadd ta' renni li kien hemm tradizzjonalment fir-reġjuni tat-Tramuntana tal-Finlandja. Fil-każ tal-ħżin tal-frott artab salvaġġ u tal-faqqiegħ salvaġġ, jenħtieġ li l-għajnuna titħalla tingħata għal kull kilogramm u, fil-każ tal-għajnuna għat-trasport tal-ħalib u tal-laħam u għal servizzi li huma indispensabbli għat-trobbija tal-annimali, skont l-ispejjeż li jkunu ġġarrbu, filwaqt li jitnaqqsu l-pagamenti pubbliċi l-oħrajn li jkunu saru għall-istess spejjeż. |
|
(12) |
Fil-każ tal-ħalib tal-baqar, jenħtieġ li l-għajnuna titħalla tingħata għal kull kilogramm ta' ħalib sabiex jinżamm l-inċentiv favur il-produzzjoni effiċjenti. |
|
(13) |
Id-dejta dwar id-dħul tal-irziezet fil-Finlandja turi li dan ivarja b'mod konsiderevoli minn sena għall-oħra fir-reġjuni tat-Tramuntana, u dan kien il-każ b'mod partikulari mill-2008 'l hawn. Bil-ħsieb li jkun jista' jkun hemm reazzjoni rapida għal din il-varjazzjoni u li jinżammu l-attivitajiet agrikoli fir-reġjuni tat-Tramuntana tal-Finlandja, jixraq li, għal kull sena kalendarja, il-Finlandja titħalla tistabbilixxi l-ammont tal-għajnuna għal kull settur f'kategorija tal-għajnuna partikulari u għal kull unità tal-produzzjoni. |
|
(14) |
F'dan ir-rigward, jenħtieġ li l-Finlandja tiddistingwi l-għajnuna fir-reġjuni tat-Tramuntana tagħha u tistabbilixxi l-ammonti annwali tal-għajnuna skont kemm ikun gravi l-iżvantaġġ naturali u abbażi ta' kriterji oġġettivi, trasparenti u ġġustifikati oħrajn marbutin mal-għanijiet stipulati fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 142(3) tal-Att tal-Adeżjoni, li huma li jinżammu l-produzzjoni primarja u l-ipproċessar tradizzjonali li huma adattati b'mod partikulari għall-kundizzjonijiet klimatiċi tar-reġjuni kkonċernati, li jittejbu l-istrutturi tal-produzzjoni, tal-kummerċjalizzazzjoni u tal-ipproċessar tal-prodotti agrikoli, li jiġi ffaċilitat id-disponiment tat-tali prodotti, u li jiġi żgurat li jitħarsu l-ambjent u l-kampanja. |
|
(15) |
Sabiex ikun żgurat li jkun hemm pagamenti regolari tul is-sena kalendarja kollha, jenħtieġ li l-Finlandja titħalla tħallas l-għajnuna għal sena partikulari permezz ta' pagamenti bil-quddiem ibbażati fuq stima inizjali tal-għadd ta' fatturi tal-produzzjoni u ta' unitajiet tal-produzzjoni, u tħallas l-għajnuna għall-produzzjoni tal-ħalib permezz ta' pagamenti parzjali ta' kull xahar ibbażati fuq il-produzzjoni fir-realtà. |
|
(16) |
Jenħtieġ li jiġi evitat li l-produtturi jingħataw kumpens żejjed billi, qabel l-1 ta' Ġunju tas-sena ta' wara, jiġu rkuprati l-pagamenti mhux dovuti li jkunu saru. |
|
(17) |
Hekk kif previst fl-Artikolu 142(2) tal-Att tal-Adeżjoni, jenħtieġ li l-għajnuna li tingħata fil-kuntest ta' din id-Deċiżjoni ma twassalx għal żieda fil-produzzjoni ġenerali meta mqabbla mal-livell ta' produzzjoni tradizzjonali fiż-żona koperta mill-iskema tal-għajnuna Nordika. |
|
(18) |
Għalhekk jeħtieġ li jiġi stabbilit għadd massimu annwali ta' fatturi tal-produzzjoni li jkunu eliġibbli għal kull kategorija tal-għajnuna, fosthom ammont massimu separat għall-għadd ta' baqar tal-ħalib, li jkun fl-istess livell ta' dak tal-perjodi ta' referenza jew inqas minnu. |
|
(19) |
F'dak li għandu x'jaqsam mal-għadd ta' baqar tal-ħalib, jenħtieġ li jitqies kif żviluppat il-kwantità prodotta fil-każ ta' kull fattur tal-produzzjoni minn żmien il-perjodi ta' referenza 'l quddiem. Għalhekk jenħtieġ li l-għadd massimu ta' baqar tal-ħalib li jkunu eliġibbli jiġi stabbilit abbażi tal-produzzjoni medja tal-ħalib għal kull baqra fil-perjodu ta' bejn l-2004 u l-2013. |
|
(20) |
Meta tingħata l-għajnuna għat-trobbija, għall-ipproċessar u għall-kummerċjalizzazzjoni tar-renni, jenħtieġ li dan isir b'mod li jiġi evitat il-kumpens żejjed meta tingħata flimkien mal-għajnuna mogħtija skont l-Artikolu 213 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). |
|
(21) |
Fil-każ tal-produzzjoni tal-pjanti, sabiex l-art agrikola tkun tista' tintuża b'mod flessibbli għal oqsma differenti tal-produzzjoni, jenħtieġ li ż-żona massima permessa tkun ta' 944 300 ettaru, kif stabbilit fl-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 3067, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 2790, li minnhom ammont massimu ta' 481 200 ettaru jistgħu jkunu bwar. |
|
(22) |
Fil-każ tal-produzzjoni fis-serer, jenħtieġ li tiġi stabbilita żona massima separata permessa ta' 203 ettari, li tikkorrispondi għaż-żona tradizzjonali tal-produzzjoni fir-reġjuni tat-Tramuntana tal-Finlandja. |
|
(23) |
Meta l-għadd ta' fatturi tal-produzzjoni f'kategorija partikulari jaqbeż l-għadd massimu tagħhom f'sena partikulari, jenħtieġ li l-għadd ta' fatturi tal-produzzjoni eliġibbli jitnaqqas b'għadd korrispondenti ta' fatturi tal-produzzjoni fis-sena kalendarja ta' wara dik li fiha jkun inqabeż l-għadd massimu. |
|
(24) |
Skont l-Artikolu 143(2) tal-Att tal-Adeżjoni, il-Finlandja trid tagħti informazzjoni lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-għajnuna u l-effetti tagħha. Sabiex jiġu vvalutati aħjar l-effetti tal-għajnuna fit-tul u bil-ħsieb li jiġu stabbiliti l-livelli tal-għajnuna bħala ammonti medji fuq ħames snin, jixraq li kull ħames snin jintbagħat rapport dwar l-effetti soċjoekonomiċi tal-għajnuna u li jingħataw rapporti annwali li jkun fihom l-informazzjoni finanzjarja u l-informazzjoni l-oħra marbuta mal-implimentazzjoni li tkun meħtieġa biex ikun żgurat li jitħarsu l-kundizzjonijiet stabbiliti f'din id-Deċiżjoni. |
|
(25) |
Jenħtieġ li l-Finlandja tiżgura li jittieħdu l-miżuri ta' kontroll ix-xierqa fejn jidħlu l-benefiċjarji tal-għajnuna. Sabiex tiġi żgurata l-effettività ta' dawk il-miżuri u t-trasparenza fl-implimentazzjoni tal-iskema, jenħtieġ li, sa fejn ikun possibbli, dawk il-miżuri ta' kontroll jiġu allinjati ma' dawk li jittieħdu fil-kuntest tal-politika agrikola komuni. |
|
(26) |
Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 3067 titħassar, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għajnuna awtorizzata
1. Mill-1 ta' Jannar 2017 sal-31 ta' Diċembru 2021, il-Finlandja hija awtorizzata timplimenta l-iskema ta' għajnuna fit-tul għall-agrikoltura fir-reġjuni tat-Tramuntana tagħha li jinkludu l-muniċipalitajiet (il-“kunta”) imniżżlin fl-Anness I.
2. L-ammont totali tal-għajnuna li jingħata ma għandux jaqbeż l-ammont ta' EUR 563,9 miljun fis-sena kalendarja, li minnhom EUR 216,9 miljun għandhom jiġu allokati għall-produzzjoni tal-ħalib tal-baqar. Dawn l-ammonti għandhom jitqiesu bħala ammonti medji annwali tal-għajnuna mogħtija fil-perjodu ta' ħames snin kalendarji kopert b'din id-Deċiżjoni.
3. L-Anness II jistabbilixxi l-kategoriji tal-għajnuna u l-oqsma tal-produzzjoni għal kull kategorija, l-ammonti massimi medji annwali permessi għal kull kategorija tal-għajnuna, ikkalkulati kif speċifikat fil-paragrafu 2, kif ukoll l-għadd massimu annwali ta' fatturi tal-produzzjoni li huma eliġibbli għal kull kategorija tal-għajnuna.
4. L-għajnuna għandha tingħata abbażi tal-fatturi tal-produzzjoni kif ġej:
|
(a) |
għal kull unità tal-bhejjem fil-każ tat-trobbija tal-annimali; |
|
(b) |
għal kull ettaru fil-każ tal-produzzjoni tal-pjanti; |
|
(c) |
għal kull metru kwadru fil-każ tal-produzzjoni fis-serer; |
|
(d) |
għal kull metru kubu fil-każ tal-ħżin tal-prodotti ortikulturali; u |
|
(e) |
bħala kumpens għall-ispejjeż li kien hemm fir-realtà fil-każ tat-trasport tal-ħalib u tal-laħam u ta' servizzi li huma indispensabbli għat-trobbija tal-annimali, filwaqt li jitnaqqas kull appoġġ pubbliku ieħor li jingħata għall-istess spejjeż. |
L-għajnuna għall-produzzjoni tal-ħalib tal-baqar u għall-ħżin tal-frott artab salvaġġ u tal-faqqiegħ salvaġġ tista' tingħata għal kull kilogramm li jkun ġie prodott fir-realtà.
L-għajnuna għat-trobbija tar-renni ma għandhiex twassal għal kumpens żejjed meta tingħata flimkien mal-għajnuna mogħtija skont l-Artikolu 213 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
L-Anness III jistabbilixxi r-rati ta' konverżjoni f'unitajiet tal-bhejjem għad-diversi tipi ta' bhejjem.
5. Skont il-paragrafu 3 u fil-limiti stabbiliti fl-Anness II, il-Finlandja għandha tiddistingwi l-għajnuna fir-reġjuni tat-Tramuntana tagħha u tistabbilixxi, ta' kull sena, l-ammonti tal-għajnuna għal kull fattur tal-produzzjoni, għal kull spiża jew għal kull unità tal-produzzjoni abbażi ta' kriterji oġġettivi marbutin ma' kemm ikun gravi l-iżvantaġġ naturali u ma' fatturi oħrajn li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet stipulati fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 142(3) tal-Att tal-Adeżjoni.
Artikolu 2
Perjodi ta' referenza u ċertu għadd massimu ta' fatturi tal-produzzjoni
1. Il-perjodu ta' referenza msemmi fit-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 142(3) tal-Att tal-Adeżjoni għandu jkun kif ġej:
|
(a) |
fejn tidħol il-produzzjoni: l-1992 fil-każ tal-baqar u tal-ħalib tal-baqar, l-1993 fil-każ tal-ortikultura, u l-ammont medju għall-1991, għall-1992 u għall-1993 fil-każ tal-prodotti l-oħrajn; |
|
(b) |
fejn jidħol il-livell tal-appoġġ ġenerali: l-1993. |
2. L-għadd massimu ta' baqar tal-ħalib eliġibbli għandu jkun ta' 227 200 baqra.
3. L-għadd massimu ta' ettari tal-produzzjoni tal-pjanti eliġibbli għandu jkun ta' 944 300 ettaru, li minnhom ammont massimu ta' 481 200 ettaru jistgħu jkunu bwar, u 203 ettari jkunu għall-produzzjoni fis-serer.
Artikolu 3
Kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna
1. Fil-limiti previsti f'din id-Deċiżjoni, il-Finlandja għandha tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna lid-diversi kategoriji ta' benefiċjarji. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom jinkludu l-kriterji tal-eliġibbiltà u tal-għażla applikati u għandhom jiżguraw li l-benefiċjarji jiġu ttrattati bl-istess mod.
2. Il-Finlandja għandha tagħti l-għajnuna ta' kull sena lill-benefiċjarji, abbażi tal-fatturi jew tal-unitajiet tal-produzzjoni fir-realtà msemmijin fl-Artikolu 1(3). Jistgħu jsiru pagamenti bil-quddiem tal-għajnuna abbażi tal-istima inizjali għal sena partikulari.
3. L-għajnuna għall-ħalib tal-baqar tista' tingħata permezz ta' pagamenti parzjali ta' kull xahar ibbażati fuq iċ-ċifri tal-produzzjoni fir-realtà.
4. Meta jinqabeż l-għadd massimu annwali ta' fatturi tal-produzzjoni eliġibbli għall-għajnuna stabbilit fl-Anness II, għandu jkun hemm tnaqqis korrispondenti fl-għadd ta' fatturi tal-produzzjoni eliġibbli għall-għajnuna fis-sena kalendarja ta' wara dik li fiha jkun inqabeż l-għadd massimu.
5. Meta jkun sar pagament żejjed jew pagament mhux dovut lil benefiċjarju, dan għandu jiġi rkuprat billi l-ammonti korrispondenti jitnaqqsu mill-għajnuna li tingħata lill-benefiċjarju fis-sena ta' wara jew inkella b'xi mod ieħor matul dik is-sena meta l-benefiċjarju ma jkollu jingħata l-ebda ammont ieħor tal-għajnuna.
Artikolu 4
Miżuri ta' informazzjoni u ta' kontroll
1. Bħala parti mill-informazzjoni li tipprovdi skont l-Artikolu 143(2) tal-Att tal-Adeżjoni, ta' kull sena qabel l-1 ta' Ġunju l-Finlandja għandha tibgħat informazzjoni lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-għajnuna li tkun ingħatat tul is-sena kalendarja ta' qabel fil-kuntest ta' din id-Deċiżjoni.
L-informazzjoni għandha tinkludi, b'mod partikulari, l-affarijiet li ġejjin:
|
(a) |
l-identifikazzjoni tal-muniċipalitajiet li fihom ingħatat l-għajnuna permezz ta' mappa ddettaljata u ta' dejta oħra, fejn dan ikun meħtieġ; |
|
(b) |
il-produzzjoni totali li kien hemm fis-sena li dwarha qed isir ir-rapport fir-reġjuni eliġibbli għall-għajnuna skont din id-Deċiżjoni, mogħtija fil-kwantitajiet għal kull wieħed mill-prodotti speċifikati fl-Anness II; |
|
(c) |
l-għadd totali ta' fatturi tal-produzzjoni, l-għadd ta' fatturi tal-produzzjoni eliġibbli għall-għajnuna u l-għadd ta' fatturi tal-produzzjoni li ngħataw appoġġ skont l-oqsma tal-produzzjoni speċifikati fl-Anness II, imqassmin skont kull prodott f'kull qasam, fosthom informazzjoni dwar kull qbiż li seta' kien hemm tal-għadd massimu annwali ta' fatturi tal-produzzjoni permess; |
|
(d) |
l-ammont totali tal-għajnuna li ngħatat, l-ammont totali tal-għajnuna li ngħatat għal kull kategorija tal-għajnuna u għal kull tip ta' produzzjoni, l-ammonti li tħallsu lill-benefiċjarji għal kull fattur tal-produzzjoni jew għal kull unità oħra, kif ukoll il-kriterji li jkunu ntużaw biex l-ammonti tal-għajnuna jiġu ddivrenzjati skont is-sottoreġjuni u t-tipi ta' azjendi agrikoli differenti jew abbażi ta' affarijiet oħrajn; |
|
(e) |
is-sistema ta' pagamenti li tkun ġiet applikata u d-dettalji dwar kull pagament bil-quddiem li jkun sar abbażi tal-istimi, dwar il-pagamenti finali u dwar il-pagamenti żejda li jkunu ġew innutati u l-irkupru tagħhom; |
|
(f) |
l-ammonti tal-għajnuna li tkun ingħatat skont l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u skont l-Artikolu 213 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fil-muniċipalitajiet koperti b'din id-Deċiżjoni; u |
|
(g) |
ir-referenzi għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha tiġi implimentata l-għajnuna. |
2. Minbarra r-rapport annwali li jkopri l-2021, qabel l-1 ta' Ġunju 2022 il-Finlandja għandha tibgħat rapport lill-Kummissjoni li jkun ikopri l-perjodu ta' ħames snin mill-1 ta' Jannar 2017 sal-31 ta' Diċembru 2021.
Dak ir-rapport għandu jinkludi, b'mod partikulari, l-affarijiet li ġejjin:
|
(a) |
l-ammont totali tal-għajnuna li ngħatat matul il-perjodu ta' ħames snin u t-tqassim tiegħu fost il-kategoriji tal-għajnuna, it-tipi ta' produzzjoni u s-sottoreġjuni differenti; |
|
(b) |
il-produzzjoni totali, l-għadd ta' fatturi tal-produzzjoni u l-livell tad-dħul tal-bdiewa fir-reġjuni eliġibbli għall-għajnuna; |
|
(c) |
l-evoluzzjoni tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli fil-kuntest soċjali u ekonomiku tar-reġjuni tat-Tramuntana; |
|
(d) |
l-effetti tal-għajnuna fuq il-ħarsien tal-ambjent u tal-kampanja; u |
|
(e) |
proposti għall-iżvilupp tal-għajnuna abbażi tad-dejta ppreżentata fir-rapport, abbażi tal-kuntest tal-produzzjoni agrikola fil-livell nazzjonali u f'dak tal-Unjoni, kif ukoll abbażi ta' fatturi rilevanti oħrajn. |
3. Il-Finlandja għandha tipprovdi d-dejta f'forma li tkun kompatibbli mal-istandards li tuża l-Unjoni fil-qasam tal-istatistika.
4. Il-Finlandja għandha tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tapplika din id-Deċiżjoni u biex tapplika l-miżuri ta' kontroll ix-xierqa fejn jidħlu l-benefiċjarji tal-għajnuna.
5. Sa fejn ikun possibbli, il-miżuri ta' kontroll għandhom ikunu armonizzati mas-sistemi ta' kontroll li jiġu applikati fil-kuntest tal-iskemi ta' appoġġ tal-Unjoni.
Artikolu 5
Applikazzjoni tal-emendi
Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li temenda din id-Deċiżjoni, b'mod partikulari abbażi ta' xi bidla fl-organizzazzjonijiet komuni tas-swieq jew fl-iskema ta' appoġġ dirett jew abbażi ta' bidla fl-ammont ta' kull għajnuna nazzjonali mill-Istat awtorizzata għas-settur tal-agrikoltura, kull emenda fl-għajnuna awtorizzata b'din id-Deċiżjoni għandha tibda tapplika biss mis-sena ta' wara dik li fiha tkun ġiet adottata l-emenda.
Artikolu 6
Tħassir
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 3067 titħassar.
Artikolu 7
Destinatarju
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Finlandja.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Diċembru 2016.
Għall-Kummissjoni
Phil HOGAN
Membru tal-Kummissjoni
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 95/196/KE tal-4 ta' Mejju 1995 dwar l-iskema ta' għajnuna nazzjonali fit-tul għall-agrikoltura fir-reġjuni tat-Tramuntana tal-Finlandja [traduzzjoni mhix uffiċjali] (ĠU L 126, 9.6.1995, p. 35).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009)3067 tat-30 ta' April 2009 dwar l-iskema ta' għajnuna nazzjonali fit-tul għall-agrikoltura fir-reġjuni tat-Tramuntana tal-Finlandja [traduzzjoni mhix uffiċjali].
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).
ANNESS I
IL-MUNIĊIPALITAJIET IMSEMMIJIN FL-ARTIKOLU 1(1)
Enonkoski, Hankasalmi, Heinävesi, Ilmajoki, Isokyrö, Joensuu, Joroinen, Juva, Jyväskylä, Jämsä (1), Kaskinen, Kauhajoki, Kauhava, Kitee, Korsnäs, Kristiinankaupunki, Kuopio, Kuortane, Kurikka, Laihia, Lapua, Laukaa, Leppävirta, Liperi, Maalahti, Mikkeli, Mustasaari, Muurame, Mänttä-Vilppula, Närpiö, Outokumpu, Parikkala, Pieksämäki, Puumala, Rantasalmi, Rautjärvi, Ruokolahti, Ruovesi, Rääkkylä, Savitaipale, Savonlinna, Seinäjoki, Siilinjärvi, Sulkava, Suonenjoki, Taipalsaari, Teuva, Tuusniemi, Uusikaarlepyy, Vaasa, Varkaus, Vöyri, Alajärvi, Alavieska, Alavus, Evijärvi, Haapajärvi, Haapavesi, Halsua, Hirvensalmi, Honkajoki, Iisalmi, Isojoki, Joutsa, Juankoski, Kaavi, Kalajoki, Kangasniemi, Kannonkoski, Kannus, Karijoki, Karstula, Karvia, Kaustinen, Keitele, Kempele, Keuruu, Kihniö, Kinnula, Kiuruvesi, Kivijärvi, Kokkola, Konnevesi, Kontiolahti, Kruunupyy, Kyyjärvi, Kärsämäki, Lapinlahti, Lappajärvi, Lestijärvi, Liminka, Luhanka, Lumijoki, Luoto, Merijärvi, Merikarvia, Muhos, Multia, Nivala, Oulainen, Parkano, Pedersören kunta, Perho, Pertunmaa, Petäjävesi, Pielavesi, Pietarsaari, Pihtipudas, Polvijärvi, Pyhäjoki, Pyhäjärvi, Pyhäntä, Raahe, Rautalampi, Reisjärvi, Saarijärvi, Sievi, Siikainen, Siikajoki, Siikalatva, Soini, Sonkajärvi, Tervo, Tohmajärvi, Toholampi, Toivakka, Tyrnävä, Uurainen, Vesanto, Veteli, Vieremä, Viitasaari, Vimpeli, Virrat, Ylivieska, Ylöjärvi (2), Ähtäri, Äänekoski, Ilomantsi, Juuka, Kajaani, Lieksa, Nurmes, Paltamo, Rautavaara, Ristijärvi, Sotkamo, Vaala, Valtimo, Oulu, Utajärvi, Hailuoto, Hyrynsalmi, Ii, Kemi, Keminmaa, Kuhmo, Simo, Tervola, Tornio, Kemijärvi, Pello, Pudasjärvi, Puolanka, Ranua, Rovaniemi, Suomussalmi, Taivalkoski, Ylitornio, Kuusamo, Posio, Kittilä, Kolari, Pelkosenniemi, Salla, Savukoski, Sodankylä, Enontekiö, Inari, Muonio u Utsjoki.
(1) Iż-żona ta' dawk li qabel kienu l-muniċipalitajiet ta' Jämsänkoski u Kuorevesi biss.
(2) Iż-żona ta' dik li qabel kienet il-muniċipalità ta' Kuru biss.
ANNESS II
INFORMAZZJONI DDETTALJATA DWAR L-GĦAJNUNA MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1(3)
|
Kategorija tal-għajnuna |
Oqsma tal-produzzjoni |
Ammont massimu medju annwali tal-għajnuna fil-perjodu ta' bejn l-1 ta' Jannar 2017 u l-31 ta' Diċembru 2021 (f'miljuni ta' EUR) (1) |
L-għadd massimu annwali ta' fatturi tal-produzzjoni eliġibbli |
||
|
Il-ħalib tal-baqar, l-annimali bovini, in-nagħaġ u l-mogħoż, iż-żwiemel, il-ħnieżer u l-pollam |
433,7 li minnu l-ammont li ġej għall-ħalib tal-baqar: 216,9 |
227 200 baqra tal-ħalib, 181 000 unità oħra tal-bhejjem u 139 200 unità tal-bhejjem fil-każ tal-ħnieżer u tal-pollam (1) |
||
|
Il-produzzjoni fl-għelieqi u fis-serer u l-ħżin tal-prodotti ortikulturali |
110,5 |
944 300 ettaru fil-każ tal-produzzjoni fl-għelieqi, li minnhom 481 200 ettaru jistgħu jkunu bwar; u 203 ettari fil-każ tal-produzzjoni fis-serer |
||
|
Ir-renni, it-trasport tal-ħalib u tal-laħam, is-servizzi li huma indispensabbli għat-trobbija tal-annimali u l-ħżin tal-frott artab salvaġġ u tal-faqqiegħ salvaġġ |
19,7 |
171 100 renna |
||
|
L-ammont totali tal-għajnuna |
|
563,9 |
|
(1) Il-kwantità ta' referenza għall-għajnuna diżakkoppjata għall-ħnieżer u għall-pollam.
ANNESS III
IL-KOEFFIĊJENTI GĦALL-KONVERŻJONI F'UNITAJIET TAL-BHEJJEM IMSEMMIJIN FL-ARTIKOLU 1(4)
It-tabella li ġejja trid tintuża meta jkun qed jiġi stabbilit l-għadd medju ta' unitajiet tal-bhejjem
L-għadd massimu ta' unitajiet tal-bhejjem
|
|
Unitajiet tal-bhejjem |
||
|
L-annimali bovini ta' iktar minn sentejn u l-baqar li jreddgħu |
1,0 |
||
|
L-erieħ li jkollhom bejn tmien xhur u sentejn |
0,6 |
||
|
Annimali bovini oħrajn li jkollhom bejn sitt xhur u sentejn |
0,6 |
||
|
In-nagħaġ |
0,2 |
||
|
Il-mogħoż |
0,2 |
||
|
Iż-żwiemel (ta' iktar minn sitt xhur): |
|
||
|
1,0 |
||
|
1,0 |
||
|
0,6 |