27.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 108/22


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/653

tas-26 ta' April 2018

dwar l-istabbiliment ta' faċilità ta' maħżen għal missjonijiet ta' maniġġar ċivili ta' kriżijiet

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari l-Artikoli 42(4) u 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Għall-fini tal-operazzjonijiet tal-Unjoni ta' maniġġar ċivili ta' kriżijiet huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-ħtiġijiet tal-istazzjonament rapidu u r-rekwiżiti operazzjonali jkunu sodisfatti.

(2)

Fit-13 ta' Novembru 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/698/PESK (1), biex stabbilixxa maħżen għal missjonijiet ta' maniġġar ċivili ta' kriżijiet. Taħt l-Artikolu 6 ta' dik id-Deċiżjoni, saret reviżjoni tal-utilità, l-effikaċja u l-kosteffiċjenza tal-maħżen mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE). Ir-riżultat ta' dik ir-reviżjoni ġie diskuss mal-korpi preparatorji rilevanti tal-Kunsill fl-ewwel nofs tal-2016.

(3)

Fit-3 ta' Mejju 2016, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà reġa' afferma li l-istabbiliment ta' faċilità ta' maħżen huwa miżura utli li tappoġġa l-istazzjonament rapidu tal-missjonijiet taħt il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK). Huwa qabel li jenħtieġ li l-faċilità ġdida ta' maħżen tkun operata minn korp regolat bil-liġi pubblika jew korp regolat bil-liġi privata b'missjoni ta' servizz pubbliku tal-Istati Membri kif previst fil-punt (c) tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), u talab lis-SEAE biex imexxi l-proċedura tal-għażla. It-termini ta' referenza għall-proċedura tal-għażla ġew approvati mill-korpi preparatorji rilevanti tal-Kunsill.

(4)

Wara r-rapport tas-SEAE, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (“ir-Rappreżentant Għoli”) għamlet rakkomandazzjoni lill-Kunsill biex tintgħażel l-Aġenzija Żvediża għal Kontinġenzi Ċivili (Myndigheten för samhällsskydd och beredskap – MSB) bħala l-operatur tal-faċilità ta' maħżen għall-implimentazzjoni tal-faċilità ta' maħżen.

(5)

Jenħtieġ li l-faċilità ta' maħżen takkwista, taħżen, tmantni u tirrikostitwixxi stokk strateġiku ta' tagħmir u assi ewlenin meħtieġa għall-istazzjonament rapidu ta' missjonijiet ċivili tal-PSDK. Jenħtieġ ukoll li takkwista, taħżen, tmantni u tqiegħed għad-dispożizzjoni oġġetti ġodda u użati ta' tali tagħmir u assi, kif ukoll tipprovdi servizzi ta' appoġġ, għal missjonijiet ċivili tal-PSDK. Għandu wkoll ikun possibbli għaliha li takkwista, taħżen u tqiegħed għad-dispożizzjoni kwalunkwe oġġett ieħor ta' tagħmir u assi użati rkuprati minn tali missjonijiet.

(6)

Jenħtieġ ukoll li jkun possibbli għall-faċilità ta' maħżen li tipprovdi, bħala kompitu sekondarju, l-istess appoġġ għal azzjonijiet operazzjonali oħra tal-Unjoni taħt l-Artikolu 28 tat-Trattat u għar-Rappreżentanti Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE).

(7)

Jenħtieġ li l-faċilità ta' maħżen tiġi implimentata għal perijodu ta' tliet snin, bil-possibbiltà ta' estensjoni ta' sena oħra,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Objettivi

1.   Għall-finijiet li jkunu żgurati l-istazzjonament rapidu ta' tagħmir u assi ewlenin u l-għoti ta' servizzi ta' appoġġ adegwati għall-missjonijiet tagħha ta' maniġġar ċivili ta' kriżijiet, kif ukoll li jkun żgurat aċċess rapidu u kontinwu minn dawk il-missjonijiet għal tali tagħmir u assi, l-Unjoni għandha ssaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha permezz tal-istabbiliment ta' faċilità ta' maħżen.

2.   Il-faċilità ta' maħżen tista' tipprovdi wkoll, kif meħtieġ, l-istess appoġġ fir-rigward ta' tagħmir, assi u servizzi, għal azzjonijiet operazzjonali oħra tal-Unjoni taħt l-Artikolu 28 tat-Trattat u għar-RSUE.

Artikolu 2

Stabbiliment ta' faċilità ta' maħżen

1.   Għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1, għandha tiġi stabbilita faċilità ta' maħżen. Hija għandha twettaq il-kompiti li ġejjin:

(a)

takkwista, taħżen, tmantni u tirrikostitwixxi stokk strateġiku ta' tagħmir u assi ewlenin, kif identifikati fl-Anness;

(b)

takkwista, taħżen, tmantni u tqiegħed għad-dispożizzjoni oġġetti ġodda u użati ta' tagħmir u assi ewlenin u tipprovdi servizzi ta' appoġġ, kif identifikati fl-Anness, għal missjonijiet ċivili tal-PSDK, inklużi oġġetti rkuprati minn tali missjonijiet oħrajn.

2.   Il-faċilità ta' maħżen tista' wkoll takkwista, taħżen, tmantni u tqiegħed għad-dispożizzjoni għal missjonijiet ċivili tal-PSDK oġġetti rilevanti ta' tagħmir u assi li jkunu ta' natura u użu simili għall-oġġetti identifikati fl-Anness.

3.   Il-faċilità ta' maħżen tista' wkoll takkwista, taħżen, u tqiegħed għad-dispożizzjoni għal missjonijiet ċivili tal-PSDK oġġetti ta' tagħmir u assi użati rkuprati minn tali missjonijiet oħrajn li jkunu ta' natura u użu differenti mill-oġġetti identifikati fl-Anness.

4.   Il-faċilità ta' maħżen tista' twettaq ukoll, kif meħtieġ, il-funzjonijiet stabbiliti fil-punt (b) tal-paragrafu 1 u fil-paragrafi 2 u 3 fir-rigward ta' azzjonijiet operazzjonali oħrajn tal-Unjoni u fir-rigward ta' RSUE.

Artikolu 3

Implimentazzjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandha tkun responsabbli mill-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika ta' din id-Deċiżjoni għandha titwettaq mill-Aġenzija Żvediża għal Kontinġenzi Ċivili, li għandha taġixxi bħala l-operatur tal-faċilità ta' maħżen. L-Aġenzija Żvediża għal Kontinġenzi Ċivili għandha twettaq il-kompiti tagħha taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet finanzjarji tal-Kummissjoni kif stipulati fl-Artikolu 4(3).

3.   Għandu jintlaħaq qbil dwar arranġamenti dettaljati għall-implementazzjoni ta' din id-Deċiżjoni bejn l-Aġenzija Żvediża għal Kontinġenzi Ċivili u l-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili f'konsultazzjoni mas-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni. Dawk l-arranġamenti għandhom, b'mod partikolari, jiżguraw li l-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili jkollu aċċess għall-maħżen biex jeżerċita s-sorveljanza teknika u operazzjonali sabiex jiżgura l-kapaċità ta' stazzjonament u l-funzjonament tajjeb tal-missjonijiet ta' maniġġar ċivili ta' kriżijiet. Il-Kmandant Ċivili tal-Operazzjoni għandu wkoll jivvaluta l-adegwatezza teknika ta' assi użati għall-ħżin u l-użu futur, u jirrapporta dwar il-ħtieġa li l-ħażniet jiġu rikostitwiti u mġedda.

4.   Il-faċilità ta' maħżen għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni t-tagħmir u l-assi msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1) u fl-Artikolu 2(2) fuq talba ta' missjoni ċivili tal-PSDK, abbażi tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-missjoni u f'konformità mal-mandat tal-missjoni. L-istess kondizzjonijiet għandhom japplikaw mutatis mutandis fir-rigward ta' azzjonijiet operazzjonali oħra tal-Unjoni u r-RSUE.

Artikolu 4

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni ta' din id-deċiżjoni għall-perijodu ta' 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3 għandu jkun ta' EUR 52 240 608,49.

2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont ta' referenza finanzjarja msemmi fil-paragrafu 1 għandha tkun ġestita skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni tajba tan-nefqa msemmija fil-paragrafu 2. Għall-dak il-fini, hija għandha tikkonkludi ftehim mal-Aġenzija Żvediża għal Kontinġenzi Ċivili bħala l-operatur tal-faċilità ta' maħżen.

4.   Il-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3 għandu jipprevedi fost l-oħrajn li:

(a)

it-tagħmir u l-assi msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 2(1) u fl-Artikolu 2(2) għandhom jinxtraw mill-Aġenzija Żvediża għal Kontinġenzi Ċivili f'isimha stess u f'konformità mar-regoli tal-akkwist tagħha stess;

(b)

l-Aġenzija Żvediża għal Kontinġenzi Ċivili għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħmir u assi mingħajr ħlas għal missjonijiet ċivili tal-PSDK, u teħodhom lura kif meħtieġ;

(c)

qabel ma jiskadi l-ftehim, l-Aġenzija Żvediża għal Kontinġenzi Ċivili għandha tagħti bħala donazzjoni t-tagħmir u l-assi kollha maħżuna minnha lill-Kummissjoni jew lil kwalunkwe entità oħra ddeżinjata mill-Kummissjoni.

5.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill dwar kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u dwar id-data tal-konklużjoni tal-ftehim.

Artikolu 5

Rapportar

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni kull sitt xhur.

2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Kunsill bl-informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-funzjonament tal-faċilità ta' maħżen kull sitt xhur.

Artikolu 6

Reviżjoni

Il-Kunsill għandu, 18-il xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 4(3), jirrivedi l-ammont ta' referenza finanzjarja msemmi fl-Artikolu 4(1) fir-rigward tal-ammont meqjus neċessarju biex jiġu sodisfatti talbiet mill-missjonijiet ċivili tal-PSDK, għal oġġetti ta' tagħmir u assi flimkien mal-kwantità ta' oġġetti maħżuna fl-istokk strateġiku, sabiex jiġi żgurat li l-ammont ta' referenza finanzjarja jieħu kont b'mod debitu tal-ħtiġijiet li jkunu qed jevolvu ta' tali missjonijiet. Ir-reviżjoni għandha wkoll tieħu kont tal-ħtiġijiet li jkunu qed jevolvu ta' azzjonijiet operazzjonali oħra tal-Unjoni u tar-RSUE.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ u skadenza

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha. Hija għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 4(3), ħlief jekk il-Kunsill jiddeċiedi li jestendih għal perijodu ulterjuri ta' 12-il xahar.

Artikolu 8

Tħassir

Id-Deċiżjoni 2012/698/PESK hija b'dan imħassra.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' April 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

E. ZAHARIEVA


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/698/PESK tat-13 ta' Novembru 2012 dwar l-istabbiliment ta' maħżen għal missjonijiet ta' maniġġar ta' kriżijiet ċivili (ĠU L 314, 14.11.2012, p. 25).

(2)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).


ANNESS

TAGĦMIR U ASSI EWLENIN LI GĦANDHOM JIĠU PPROVDUTI MILL-OPERATUR TAL-FAĊILITÀ TA' MAĦŻEN

L-istokk strateġiku jinkludi t-tagħmir u l-assi ewlenin meħtieġa għall-istazzjonament ta' missjoni ċivili tal-PSDK li tasal sa 200 membru tal-persunal fi kwalunkwe żona ta' operazzjoni fi żmien 30 jum.

It-tagħmir u l-assi ewlenin huma kif ġej:

Vetturi

Vettura utilitarja sportiva (“SUV”)

SUV kompatta

Minibus

4×4 Heavy Duty

Sedan/station wagon

Tagħmir tal-IT

Servers

Firewalls

Desktops

Laptops

Moniters

Printers/toners u drums

Provvista tal-elettriku mingħajr interruzzjoni (UPS)

Punti ta' aċċess Wi-Fi

Aċċessorji ta' kompjuters/servers/netwerks

Tagħmir tal-komunikazzjoni

Telefowns bis-satellita

Radjijiet bi frekwenza għolja ħafna (VHF)

Apparati ta' Sistema ta' Pożizzjonament bis-Satellita (GPS)

Telefowns ċellulari

Sistema ta' vidjo u telekonferenzjar (VTC)

Tagħmir ta' protezzjoni personali (PPE)

Ġkieket rinfurzati

Elmi

Aċċessorji

Tagħmir mediku

Kits tal-ewwel għajnuna (basktijiet b'oġġetti kruċjali biex jgħinu fil-kontroll tat-trawmi mill-korrimenti)

Defibrillaturi esterni awtomatiċi (AEDs)

Oġġetti ta' viżibbiltà

Bnadar

Oġġetti personali ta' viżibbiltà (bħal brieret, braċċali, ġkieket ta' viżibbiltà, eċċ)

Stikers tal-vetturi

Mixxellanja

Magna tal-istampar tal-karti tal-identità (printer għal karti ta' identifikazzjoni personali)

Tagħmir ta' barcoding (qarrej tal-barcodes u printer ta' tikketti bil-barcodes)

SERVIZZI TA' APPOĠĠ LI GĦANDHOM JIĠU PPROVDUTI MILL-OPERATUR TAL-FAĊILITÀ TA' MAĦŻEN

Akkwisti

L-operatur tal-faċilità ta' maħżen jakkwista l-istokk strateġiku f'ismu billi juża r-regoli tal-akkwist tiegħu stess.

Ħażna, kodifikazzjoni u bar coding tal-istokk strateġiku

Trasport tal-merkanzija

L-operatur tal-faċilità ta' maħżen iħejji t-tagħmir maħżun għat-trasport.

L-operatur tal-faċilità ta' maħżen ikun responsabbli li jiżgura/jikkuntratta t-trasport ta' tagħmir kif ġej:

mill-maħżen ċentrali lejn il-missjoni tal-PSDK

mill-missjoni tal-PSDK lejn il-maħżen ċentrali

bejn missjonijiet tal-PSDK

minn u lill-fornituri

Sistema tal-ippjanar tar-riżorsi għall-intrapriżi (ERP, Enterprise resource planning)

L-operatur tal-faċilità ta' maħżen jipprovdi sistema ERP b'sistemi ta' riżerva xierqa biex jiżgura l-kontinwità ta' attivitajiet/proċessi relatati u jipprovdi l-manutenzjoni tas-sistema ERP. L-operatur tal-faċilità ta' maħżen jipprovdi servizzi marbuta mal-konfigurazzjoni, il-personalizzazzjoni u l-aġġornament tas-sistema ERP. L-operatur tal-faċilità ta' maħżen jamministra wkoll il-liċenzji kollha meħtieġa għall-użu tas-sistema ERP.

Manutenzjoni teknika u tiswija ta' tagħmir ġdid u użat

L-operatur tal-faċilità ta' maħżen jipprovdi l-manutenzjoni teknika u jmexxi testijiet operazzjonali kemm għat-tagħmir użat kif ukoll għal dak ġdid li jkunu maħżuna fil-maħżen. L-operatur tal-faċilità ta' maħżen jiżgura wkoll it-tiswija ta' tagħmir użat jekk jingħata struzzjoni li jagħmel hekk mill-Awtorità Kontraenti.

Rinnovament ta' vetturi blindati

L-operatur tal-faċilità ta' maħżen huwa mistenni li jipprovdi manutenzjoni, rinnovazzjoni u ċertifikazzjoni (mill-ġdid) għal vetturi blindati, jekk jiġi inkarigat biex jagħmel hekk mill-Awtorità Kontraenti.

Servizzi ta' rimi

L-operatur tal-faċilità ta' maħżen jipprovdi servizzi marbuta mar-rimi ta' materjal perikoluż (hazmat, hazardous material), bħal batteriji, lubrikanti tal-karozzi, munizzjon, vetturi blindati u tagħmir tar-radju, li għal diversi raġunijiet (sigurtà, ambjentali eċċ.) ma jistgħux ikunu pprovduti lokalment mill-Missjoni. L-operatur tal-faċilità ta' maħżen jarmi tagħmir ta' stokk strateġiku li jkun sar ekonomikament mhux vijabbli li jissewwa.

Prodotti farmaċewtiċi u oġġetti ta' konsum mediċi

L-operatur tal-faċilità ta' maħżen jiżgura provvisti ta' prodotti farmaċewtiċi u oġġetti ta' konsum mediċi direttament mingħand il-fornitur lill-persunal mediku awtorizzat tal-missjoni tal-PSDK.