2.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 112/42


DEĊIŻJONI (UE) 2018/646 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta' April 2018

dwar qafas komuni għall-għoti ta' servizzi aħjar għall-ħiliet u l-kwalifiki (Europass) u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 165 u 166 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-individwi, meta jfittxu xogħol, jew meta jieħdu deċiżjonijiet dwar it-tagħlim, l-istudju jew ix-xogħol jeħtieġu aċċess għal informazzjoni u orjentament dwar liema opportunitajiet huma disponibbli, dwar kif jivvalutaw il-ħiliet tagħhom u dwar modi li bihom jippreżentaw l-informazzjoni rigward il-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom.

(2)

Id-differenzi fid-definizzjonijiet, fil-formats tad-dokumenti, fil-lingwi kif ukoll fil-metodi ta' valutazzjoni u validazzjoni, kollha jippreżentaw sfidi konsiderevoli għall-individwi, għall-impjegaturi, għall-awtoritajiet u l-korpi kompetenti. Dawk l-isfidi jinqalgħu l-aktar meta l-individwi jiċċaqalqu minn pajjiż għall-ieħor, inklużi pajjiż terzi, iżda wkoll meta jkunu qed ifittxu impjieg ġdid jew jinvolvu ruħhom fit-tagħlim u l-ġestjoni tal-karriera. Informazzjoni ċara u b'firxa wiesgħa, fehim kondiviż, kif ukoll trasparenza mtejba tal-ħiliet u tal-kwalifiki huma importanti sabiex jiġu indirizzati dawk l-isfidi.

(3)

L-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa, adottata mill-Kummissjoni fl-10 ta' Ġunju 2016, tistieden lill-Istati Membri, lill-imsieħba soċjali, l-industrija u partijiet interessati oħrajn biex jaħdmu flimkien fuq għaxar azzjonijiet li jtejbu l-kwalità u r-rilevanza tal-formazzjoni tal-ħiliet, li jagħmlu l-ħiliet iktar viżibbli u komparabbli, u li jtejbu l-informazzjoni dwar il-ħiliet u partikolarment l-informazzjoni għal għażliet aħjar għall-karriera. Ġiet proposta reviżjoni tal-Qafas tal-Europass bħala waħda mill-għaxar azzjonijiet li joffru rotta ewlenija biex jinkisbu u jkunu appoġġati dawk l-objettivi.

(4)

Id-Deċiżjoni 2241/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) stabbilixxiet qafas biex jiġu indirizzati l-isfidi relatati mat-tfittxija ta' impjieg, involviment fit-tagħlim u l-ġestjoni tal-karriera. L-għan ta' dik id-Deċiżjoni kien li tinkiseb aktar trasparenza tal-kwalifiki u tal-kompetenzi permezz ta' portafoll ta' dokumenti, magħrufa bħala “Europass”, li l-individwi jkunu jistgħu jużaw fuq bażi volontarja. Dik id-Deċiżjoni stabbilixxiet ukoll il-korpi nazzjonali, magħrufa bħala ċ-Ċentri Nazzjonali tal-Europass, sabiex jimplimentaw il-qafas tal-Europass.

(5)

Sabiex jintlaħaq l-objettiv ewlieni tiegħu, il-qafas tal-Europass jiffoka fuq l-għodod għad-dokumentazzjoni tal-ħiliet u tal-kwalifiki. Dawk l-għodod saru jintużaw ħafna permezz tas-sistema ta' informazzjoni Europass ibbażata fuq l-Internet.

(6)

Iċ-Ċentri Nazzjonali tal-Europass jipprovdu appoġġ lill-utenti u jippromwovu d-dokumentazzjoni tal-ħiliet u l-kwalifiki. In-netwerk tal-Euroguidance, li jippromwovi d-dimensjoni Ewropea tal-orjentament u jipprovdi informazzjoni ta' kwalità għolja dwar l-orjentament tul il-ħajja u l-mobilità transnazzjonali għal għanijiet ta' tagħlim, ikkontribwixxa wkoll għall-iżvilupp fl-għoti ta' informazzjoni rigward l-għodod tal-Unjoni għall-ħiliet u l-kwalifiki. Il-Punti ta' Koordinazzjoni Nazzjonali tal-qafas Ewropew tal-Kwalifiki jappoġġaw lill-awtoritajiet nazzjonali fir-referenzjar tal-oqfsa jew sistemi nazzjonali tal-kwalifiki mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki u jiffukaw fuq it-tqarrib akbar tal-QEK lejn l-individwi u l-organizzazzjonijiet. Jenħtieġ li jiġi żgurat appoġġ iktar qawwi għal dawn is-servizzi nazzjonali, kif ukoll koordinazzjoni ikbar bejniethom, sabiex jissaħħaħ l-impatt tagħhom filwaqt li tiġi rispettata d-diversità tas-sistemi nazzjonali.

(7)

Fir-rapport tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 2013 dwar l-evalwazzjoni tal-Europass, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-missjoni taċ-Ċentri Nazzjonali tal-Europass li jżidu l-għarfien dwar il-Europass u jipprovdu t-tagħrif meħtieġ lill-partijiet interessati tirrappreżenta mudell sodisfaċenti għall-implimentazzjoni tal-Europass. Il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll, madankollu, li l-parti l-kbira tal-għodod tal-Europass xorta ma laħqux lill-utenti potenzjali kollha u kellhom diffużjoni mhux ugwali f'termini ta' ġeografija u grupp ta' età, u li koordinazzjoni u integrazzjoni aħjar ta' servizzi ta' appoġġ għall-orjentament u l-mobilità fi ħdan il-qafas tal-Europass jippermettu li jkunu fil-mira aktar utenti potenzjali.

(8)

L-evidenza turi li l-Europass jintuża minn gruppi soċjali b'livell għoli ta' litteriżmu diġitali filwaqt li gruppi anqas vantaġġati, bħalma huma persuni b'livelli baxxi ta' edukazzjoni, persuni anzjani jew persuni qiegħda għal żmien twil, ta' spiss ma jkunux jafu bl-eżistenza tal-Europass u l-għodod tiegħu u għalhekk ma jistgħux jibbenefikaw minnu.

(9)

Il-portafoll tal-Europass, huwa wieħed minn għadd ta' għodod u strumenti li ġew stabbiliti fil-livell tal-Unjoni biex jitjiebu t-trasparenza u l-għarfien tal-ħiliet u l-kwalifiki.

(10)

Il-portafoll tal-Europass jinkludi ħames mudelli ta' dokumenti. Il-mudell tal-Europass tal-Curriculum Vitae (CV) jippermetti lill-individwi jimlew is-CVs tagħhom f'format standardizzat. Minn meta ġie stabbilit għall-ewwel darba s-CV tal-Europass fl-2004, aktar minn 100 miljun CV tal-Europass inħolqu onlajn. Żewġ mudelli ta' suppliment għall-kwalifiki, jiġifieri s-Suppliment tal-Europass għad-Diploma u s-Suppliment tal-Europass għaċ-Ċertifikat, joffru informazzjoni dwar il-kontenut u r-riżultati tat-tagħlim assoċjati ma' kwalifika u dwar is-sistema tal-edukazzjoni tal-pajjiż li joħroġ il-kwalifika. Il-Passaport Lingwistiku tal-Europass jintuża biex jiddeskrivi l-ħiliet lingwistiċi. Il-mudell tal-Europass Mobility jiddeskrivi l-ħiliet miksuba barra mill-pajjiż fuq esperjenzi ta' mobilità għal tagħlim jew xogħol.

(11)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2017 (4) tipprovdi referenza komuni biex tingħata għajnuna lill-individwi u lill-organizzazzjonijiet meta jqabblu sistemi ta' kwalifiki differenti u l-livelli ta' kwalifiki minn dawn is-sistemi.

(12)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 (5) stiednet lill-Istati Membri jistabbilixxu, sal-2018, f'konformità maċ-ċirkostanzi u l-ispeċifiċitajiet nazzjonali, u kif iqisu xieraq, arranġamenti għall-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali li jippermettu lill-individwi li jkollhom konoxxenza, ħiliet u kompetenzi tagħhom, li nkisbu permezz tat-tagħlim mhux formali u informali, validati, u biex jiksbu kwalifika sħiħa, jew, fejn applikabbli, kwalifika parzjali.

(13)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Mejju 2004 dwar it-tisħiħ tal-linji ta' politika, is-sistemi u l-prattika fil-qasam tal-orjentament tul il-ħajja kollha, tippreċiża l-objettivi prinċipali ta' politika ta' orjentament tul il-ħajja għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni. Ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2008 (6), tenfasizza l-importanza tal-orjentament għat-tagħlim tul il-ħajja.

(14)

Il-portal tal-Opportunitajiet ta' Tagħlim u Kwalifiki fl-Ewropa jagħti aċċess għal informazzjoni dwar opportunitajiet ta' tagħlim u kwalifiki offruti f'sistemi differenti ta' edukazzjoni fl-Ewropa u dwar il-paragun ta' oqfsa nazzjonali ta' kwalifiki bl-użu tal-QEK.

(15)

Il-Panorama ta' Ħiliet tal-UE tipprovdi informazzjoni dwar ħiliet għal okkupazzjonijiet differenti u industriji speċifiċi, inklużi d-domanda u l-provvista fil-livell nazzjonali.

(16)

L-analiżi tal-postijiet tax-xogħol battala u ta' xejriet oħra tas-suq tax-xogħol huwa mod stabbilit biex tiġi żviluppata l-informazzjoni dwar il-ħiliet biex wieħed jifhem il-kwistjonijiet tad-diskrepanzi fil-ħiliet u n-nuqqas ta' ħiliet kif ukoll in-nuqqas ta' tqabbil fir-rigward tal-kwalifiki.

(17)

Il-klassifikazzjoni multilingwistika Ewropea ta' Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi (“ESCO”), żviluppata u aġġornata b'mod kontinwu mill-Kummissjoni f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u l-partijiet interessati, għandha l-għan li tippromwovi t-trasparenza tal-ħiliet u l-kwalifiki għall-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll għal skopijiet relatati max-xogħol. Wara ttestjar xieraq, u b'kunsiderazzjoni dovuta tal-pożizzjoni tal-Istati Membri, l-ESCO tista' tintuża mill-Kummissjoni fi ħdan il-qafas tal-Europass; l-użu tal-ESCO mill-Istati Membri huwa fuq bażi volontarja, wara li jsiru l-ittestjar u l-evalwazzjoni mill-Istati Membri.

(18)

In-netwerk tas-servizzi Ewropej tal-impjiegi (“EURES”), stabbilit mir-Regolament (UE) 2016/589 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), hu netwerk kooperattiv għall-iskambju tal-informazzjoni u l-iffaċilitar tal-interazzjoni bejn dawk li qed ifittxu impjieg u l-impjegaturi. Dan jipprovdi assistenza bla ħlas lill-persuni li qed ifittxu impjieg u li jixtiequ jiċċaqalqu lejn pajjiż ieħor u jgħin lill-impjegaturi li jixtiequ jirreklutaw ħaddiema minn pajjiżi oħra. Is-sinerġiji u l-kooperazzjoni bejn il-portals Europass u EURES jistgħu jsaħħu l-impatt taż-żewġ servizzi.

(19)

Il-proċessi tas-suq tax-xogħol bħalma huma l-pubblikazzjoni ta' postijiet vakanti tal-impjiegi, l-applikazzjonijiet għall-impjiegi, il-valutazzjonijiet dwar il-ħiliet u r-reklutaġġ qed jiġu amministrati dejjem aktar onlajn bl-użu ta' għodod li jużaw mezzi soċjali, big data u teknoloġiji oħra. L-għażla tal-kandidati hija amministrata permezz ta' għodod u proċessi li jfittxu l-informazzjoni dwar il-ħiliet u l-kwalifiki miksuba f'kuntesti formali, mhux formali u informali.

(20)

Tagħlim formali, mhux formali u informali bħalissa iseħħ wkoll f'forom u kuntesti ġodda, u huwa offrut minn varjetà ta' fornituri, partikolarment permezz tal-użu ta' teknoloġiji u pjattaformi diġitali, tagħlim mill-bogħod, tagħlim elettroniku, tagħlim bejn il-pari, korsijiet onlajn miftuħa massivi kif ukoll riżorsi edukattivi miftuħa. Barra minn hekk, il-ħiliet, l-esperjenzi u l-kisbiet fit-tagħlim huma rikonoxxuti f'forom differenti, bħal pereżempju badges miftuħa diġitali. It-teknoloġiji diġitali huma wkoll użati għall-ħiliet miksuba permezz ta' tagħlim mhux formali bħal fil-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ u tal-volontarjat.

(21)

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, il-ħiliet huma mifhuma f'sens wiesa' li jkopri dak li persuna taf, tifhem u tista' tagħmel. Il-ħiliet jirreferu għal tipi differenti ta' riżultati ta' tagħlim, inkluż l-għarfien u l-kompetenzi kif ukoll l-abbiltà li tapplika l-għarfien u li tuża dak li taf sabiex twettaq il-kompiti u ssolvi l-problemi. Barra mill-importanza rikonoxxuta tal-ħiliet professjonali, hemm rikonoxximent li l-ħiliet trasversali u personali bħall-ħsieb kritiku, il-ħidma f'tim, is-soluzzjoni tal-problemi, u l-kreattività, ħiliet ta' kreattività jew lingwistiċi, qed ikunu dejjem aktar importanti u huma prerekwiżiti essenzjali għas-sodisfazzjon personali u professjonali u jistgħu jiġu applikati f'oqsma differenti. L-individwi jistgħu jibbenefikaw minn għodod u orjentamenti dwar il-valutazzjoni u dwar id-deskrizzjoni ta' dawk il-ħiliet kif ukoll ta' ħiliet oħrajn.

(22)

Tradizzjonalment, individwi ppreżentaw l-informazzjoni dwar il-ħiliet u l-kwalifiki miksuba tagħhom f'CV u dokumenti ta' prova bħal ċertifikati jew diplomi. Attwalment, huma disponibbli għodod ġodda li jistgħu jiffaċilitaw il-preżentazzjoni tal-ħiliet u l-kwalifiki bl-użu ta' diversi formati diġitali u onlajn. L-għodod ġodda jistgħu jappoġġaw ukoll l-awtovalutazzjoni mill-individwi tal-ħiliet miksuba f'kuntesti differenti.

(23)

Il-qafas tal-Europass jenħtieġ li jirrispondi għall-bżonnijiet attwali u futuri. L-utenti jeħtieġu għodod biex jiddokumentaw il-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom. Barra minn hekk, l-għodod għall-valutazzjoni tal-ħiliet u l-awtovalutazzjoni tal-ħiliet, kif ukoll aċċess għall-informazzjoni rilevanti, inkluża l-informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta' validazzjoni u orjentament, jistgħu jkunu ta' benefiċċju meta jieħdu deċiżjonijiet dwar opportunitajiet ta' xogħol u ta' taħriġ.

(24)

L-għodod tal-Unjoni għall-ħiliet u l-kwalifiki jenħtieġ li jadattaw għall-prattiki li qed jinbidlu u l-avvanzi fit-teknoloġija sabiex ikun żgurat li jibqgħu rilevanti u ta' benefiċċju għall-utenti. Dan jenħtieġ li jinkiseb permezz, fost affarijiet oħra, tal-ħolqien ta' karatteristiċi innovattivi, (bħal għodod interattivi, l-editjar u d-disinn tad-dokumenti, billi wieħed ifittex li jiżgura għodod aktar komprensivi, effettivi u effiċjenti u s-semplifikazzjoni, kif ukoll aktar interoperabilità teknika u s-sinerġiji bejn l-għodod relatati, inklużi dawk żviluppati minn partijiet terzi, u filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi tal-persuni b'diżabilità. Minbarra dan, miżuri ta' awtentikazzjoni jistgħu jintużaw biex jappoġġaw il-verifika ta' dokumenti diġitali b'rabta mal-ħiliet u l-kwalifiki.

(25)

Għalhekk il-qafas tal-Europass stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE jenħtieġ li jiġi sostitwit minn qafas ġdid biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet li qed jinbidlu.

(26)

Il-qafas tal-Europass ġdid jenħtieġ li jissodisfa l-bżonnijiet u l-aspettattivi individwali tal-utenti finali, bħall-istudenti, dawk li qed ifittxu x-xogħol, inklużi l-persuni qiegħda u l-ħaddiema, kif ukoll partijiet interessati rilevanti oħra, bħall-impjegaturi, (b'mod partikolari impriżi żgħar u ta' daqs medju), il-kmamar tal-kummerċ, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-voluntiera, il-professjonisti tal-orjentament, is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, l-imsieħba soċjali, il-fornituri tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, il-fornituri ta' ħidma fost iż-żgħażagħ, l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli u l-fassala tal-politika. Jenħtieġ ukoll li dan jikkunsidra l-ħtiġijiet ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jaslu u jgħixu fl-Unjoni biex jappoġġa l-integrazzjoni tagħhom.

(27)

Il-qafas tal-Europass jenħtieġ li jevolvi sabiex jippermetti d-deskrizzjoni ta' tipi differenti ta' tagħlim u ħiliet u, b'mod partikolari, dawk miksuba permezz tat-tagħlim mhux formali u informali.

(28)

Il-qafas tal-Europass jenħtieġ li jiġi żviluppat permezz ta' approċċ iċċentrat fuq l-utent abbażi tal-feedback, u permezz tal-ġbir tar-rekwiżiti, inkluż permezz ta' stħarriġ u testjar, b'attenzjoni partikolari għall-bżonnijiet attwali u futuri tal-gruppi fil-mira tal-Europass. Il-karatteristiċi tal-Europass jenħtieġ li b'mod partikolari jirriflettu l-impenn li ħadu l-Istati Membri u l-Unjoni biex jiżguraw li l-persuni b'diżabilità jkollhom aċċess ugwali għas-suq tax-xogħol kif ukoll għas-sistemi u t-teknoloġiji ta' informazzjoni u komunikazzjoni. L-għodod tal-Europass jenħtieġ li jkunu perċepibbli, operabbli, li jinftiemu u b'saħħithom, biex b'hekk ikunu jistgħu jkunu aktar aċċessibbli għall-utenti, b'mod partikolari għal persuni b'diżabilità.

(29)

Aġġornamenti u bidliet għall-qafas tal-Europass jenħtieġ li jsiru b'kooperazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti, bħalma huma s-servizzi tal-impjiegi, il-professjonisti tal-orjentament, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-imsieħba soċjali bħat-trejdjunjins u l-assoċjazzjonijiet tal-impjegaturi, u b'rispett sħiħ lejn kooperazzjoni politika kontinwa, bħall-Proċess ta' Bologna fiż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja. Il-kollaborazzjoni kostruttiva bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet interessati hija ta' importanza kbira għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni b'suċċess tal-qafas tal-Europass.

(30)

Id-dritt rilevanti tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali u l-miżuri nazzjonali ta' implimentazzjoni jenħtieġ li japplikaw għall-ipproċessar tad-data personali maħżuna u pproċessata skont din id-Deċiżjoni. L-utenti jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jirrestrinġu l-aċċess għad-data personali tagħhom.

(31)

Il-parteċipazzjoni fil-qafas jenħtieġ li tkun miftuħa għall-membri kollha taż-Żona Ekonomika Ewropea li mhumiex Stati Membri tal-Unjoni, għall-Istati aderenti, l-Istati kandidati u l-Istati kandidati potenzjali għall-adeżjoni mal-Unjoni, minħabba l-interess u l-kooperazzjoni fit-tul tagħhom mal-Unjoni f'dan il-qasam. Il-parteċipazzjoni jenħtieġ li tkun skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-istrumenti li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn l-UE u dawk il-pajjiżi. L-informazzjoni dwar il-ħiliet u l-kwalifiki pprovduta permezz tal-qafas tal-Europass jenħtieġ li tiġi minn firxa usa' ta' pajjiżi u sistemi edukattivi minn dawk tal-pajjiżi parteċipanti u tirrifletti movimenti migratorji minn u lejn partijiet oħra tad-dinja.

(32)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżgura l-implimentazzjoni koerenti u l-monitoraġġ ta' din id-Deċiżjoni permezz ta' grupp ta' konsulenti tal-Europass magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri u mill-partijiet interessati rilevanti. Il-grupp konsultattiv jenħtieġ li, b'mod partikolari, jiżviluppa approċċ strateġiku għall-implimentazzjoni u l-iżvilupp futur tal-Europass, u jagħti pariri dwar l-iżvilupp ta' għodod onlajn, inkluż permezz tal-ittestjar, u dwar l-informazzjoni pprovduta permezz tal-pjattaforma onlajn tal-Europass, f'kooperazzjoni ma' gruppi oħrajn, fejn rilevanti.

(33)

Kofinanzjament għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni huwa pprovdut, inter alia, mill-programm Erasmus + tal-Unjoni, kif stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Il-Kumitat maħluq skont dak ir-Regolament huwa involut f'-diskussjonijiet strateġiċi dwar il-progress tal-implimentazzjoni tal-Europass, u dwar żviluppi futuri.

(34)

Peress li l-objettiv ta' din id-Deċiżjoni, jiġifieri l-istabbiliment ta' qafas komprensiv u interoperabbli ta' għodod u informazzjoni, b'mod partikolari għal finijiet ta' impjieg u ta' mobilità ta' tagħlim transnazzjonali, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista' pjuttost, minħabba l-effetti tal-azzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dan l-objettiv.

(35)

Bħala prinċipju ġenerali, l-obbligi u l-piżijiet amministrattivi u finanzjarji fuq l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu bbilanċjati f'termini ta' spejjeż u benefiċċji.

(36)

L-attivitajiet imwettqa fil-qafas ta' din id-Deċiżjoni jenħtieġ li jkunu appoġġati mill-għarfien espert tal-Aġenziji tal-Unjoni, b'mod partikolari miċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Professjonali, fi ħdan l-oqsma ta' kompetenza tagħhom.

(37)

Id-Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE jenħtieġ għalhekk li titħassar, mingħajr preġudizzju għall-validità jew l-istatus maħruġa minn qabel mid-dokument i tal-Europass. Il-mudelli tad-dokumenti tal-Europass kollha stabbiliti jenħtieġ li jinżammu fi ħdan il-qafas il-ġdid sa meta jsiru bidliet jew aġġornamenti meħtieġa skont din id-Deċiżjoni. Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel lejn il-pjattaforma onlajn tal-Europass, is-sistema ta' informazzjoni Europass ibbażata fuq l-Internet stabbilita bid-Deċiżjoni 2241/2004/KE jenħtieġ li tkompli taħdem sa meta l-pjattaforma onlajn tal-Europass tiġi stabbilita u ssir operattiva,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi qafas Ewropew biex jiġu appoġġati t-trasparenza u l-fehim tal-ħiliet u l-kwalifiki akkwistati f'ambjent formali, mhux formali u informali, inkluż permezz ta' esperjenzi prattiċi, mobilità u volontarjat (“Europass”).

2.   Il-Europass għandu jikkonsisti f'għodod ibbażati fuq il-web u informazzjoni rilevanti disponibbli, inkluża informazzjoni li tappoġġa d-dimensjoni Ewropea tal-orjentament ipprovduta permezz ta' pjattaforma onlajn u appoġġata minn servizzi nazzjonali intiżi biex jgħinu lill-utenti jtejbu l-komunikazzjoni u jippreżentaw il-ħiliet u l-kwalifiki u biex iqabblu l-kwalifiki.

3.   Il-Europass għandu jkun immirat lejn:

(a)

utenti aħħarin individwali, bħalma huma l-istudenti, dawk li qed ifittxu impjieg, il-ħaddiema u l-voluntiera, u

(b)

partijiet interessati rilevanti, bħalma huma l-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, il-professjonisti tal-orjentament, l-impjegaturi, is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, l-imsieħba soċjali, il-fornituri ta' ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-fassala tal-politika.

4.   L-użu tal-Europass għandu jkun volontarju u ma għandu jimponi l-ebda obbligu jew ma għandu jikkonferixxi l-ebda dritt għajr dawk definiti f'din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“Suppliment għaċ-Ċertifikat” tfisser dokument mehmuż ma' ċertifikat ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali jew ċertifikat professjonali maħruġ mill-awtoritajiet jew il-korpi kompetenti, sabiex jagħmilha iktar faċli għal terzi persuni — partikolarment f'pajjiż ieħor — biex jifhmu r-riżultati tat-tagħlim miksuba mid-detentur tal-kwalifika, kif ukoll in-natura, il-livell, il-kuntest, il-kontenut u l-istatus tal-edukazzjoni u t-taħriġ li tlestew u l-ħiliet miksuba;

(b)

“Suppliment għad-Diploma” tfisser dokument mehmuż ma' diploma ta' edukazzjoni għolja maħruġ mill-awtoritajiet jew il-korpi kompetenti, sabiex jagħmilha iktar faċli għal terzi persuni — partikolarment f'pajjiż ieħor — biex jifhmu r-riżultati tat-tagħlim miksuba mid-detentur tal-kwalifika kif ukoll in-natura, il-livell, il-kuntest, il-kontenut u l-istatus tal-edukazzjoni u t-taħriġ li tlestew u l-ħiliet miksuba;

(c)

“Supplimenti tal-Europass” tfisser sett ta' dokumenti, bħalma huma s-supplimenti għad-diploma u s-supplimenti għaċ-ċertifikat, maħruġa mill-awtoritajiet jew il-korpi kompetenti;

(d)

“orjentament” tfisser proċess kontinwu li jagħmilha possibbli għall-individwi li jidentifikaw il-kapaċitajiet, il-ħiliet u l-interessi tagħhom, permezz ta' firxa ta' attivitajiet individwali u kollettivi biex jieħdu deċiżjonijiet dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjieg u jimmaniġġjaw il-perkorsi tal-ħajja individwali tagħhom fil-kuntesti tat-tagħlim, tax-xogħol u f'kuntesti oħra li fihom jistgħu jinkisbu jew jintużaw dawk il-kapaċitajiet u l-ħiliet;

(e)

“id-dimensjoni Ewropea ta' orjentament” tfisser kooperazzjoni u appoġġ fil-livell tal-Unjoni favur it-tisħiħ tal-linji ta' politika, is-sistemi u l-prattika ta' orjentament fi ħdan l-Unjoni;

(f)

“kwalifika” tfisser riżultat formali ta' proċess ta' valutazzjoni u ta' validazzjoni li jinkiseb meta awtorità jew korp kompetenti jiddetermina li individwu kiseb ir-riżultati tat-tagħlim sal-istandards preskritti;

(g)

“valutazzjoni tal-ħiliet” tfisser il-proċess jew il-metodu użat għall-evalwazzjoni, il-kejl u eventwalment id-deskrizzjoni, permezz ta' awtovalutazzjoni jew valutazzjoni ċċertifikati minn parti terza, jew it-tnejn, tal-ħiliet tal-individwi miksuba f'ambjent formali, mhux formali jew informali;

(h)

“awtovalutazzjoni tal-ħiliet” tfisser il-proċess ta' riflessjoni sistematika minn individwi dwar il-ħiliet tagħhom permezz ta' referenza għal deskrizzjoni stabbilita tal-ħiliet;

(i)

“l-għarfien dwar il-ħiliet” tfisser analiżi kwantitattiva jew kwalitattiva ta' data aggregata dwar il-ħiliet minn sorsi eżistenti b'rabta mas-suq tax-xogħol u ta' opportunitajiet ta' tagħlim korrispondenti fi ħdan is-sistema edukattiva u ta' taħriġ li jistgħu jikkontribwixxu għall-orjentament u l-konsulenza, il-proċessi ta' reklutaġġ, l-għażla tal-perkors tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-karriera;

(j)

“servizzi ta' awtentikazzjoni” tfisser proċessi tekniċi, bħalma huma l-firem elettroniċi u l-awtentikazzjoni tas-siti web, li jippermettu lill-utenti jivverifikaw l-informazzjoni, pereżempju l-identità tagħhom, permezz tal-Europass;

(k)

“interoperabilità” tfisser il-kapaċità tas-sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni biex jinteraġixxu sabiex jippermettu l-kondiviżjoni ta' informazzjoni, miksuba permezz ta' ftehim mill-partijiet u s-sidien kollha tal-informazzjoni;

(l)

“validazzjoni” tfisser il-proċess li permezz tiegħu awtorità jew korp kompetenti jikkonfermaw li individwu jkun kiseb riżultati tat-tagħlim, inklużi dawk miksuba f'ambjenti ta' tagħlim mhux formali u informali mkejla skont standard rilevanti u li tikkonsisti f'erba' fażijiet distinti, jiġifieri l-identifikazzjoni, id-dokumentazzjoni, il-valutazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tar-riżultati tal-valutazzjoni fil-forma ta' kwalifika sħiħa, ta' krediti jew ta' kwalifika parzjali, kif xieraq u skont iċ-ċirkustanzi nazzjonali;

(m)

“standards miftuħa” tfisser standards tekniċi li jkunu ġew żviluppati fi proċess kollaborattiv, u jkunu ġew ippubblikati għall-użu bla ħlas minn kwalunkwe parti interessata;

(n)

“pjattaforma onlajn” tfisser applikazzjoni bbażata fuq il-web li tipprovdi informazzjoni u għodod għall-utenti finali u tippermettilhom li jlestu kompiti speċifiċi onlajn;

(o)

Data personali” tfisser kwalunkwe informazzjoni marbuta ma' persuna fiżika identifikata jew identifikabbli.

Artikolu 3

Pjattaforma onlajn

1.   Il-Europass għandu jipprovdi, permezz ta' pjattaforma onlajn, l-għodod ibbażati fuq il-web:

(a)

għad-dokumentazzjoni u d-deskrizzjoni ta' informazzjoni personali f'varjetà ta' formati, inklużi mudelli ta' curriculum vitae (CV);

(b)

għad-dokumentazzjoni u d-deskrizzjoni ta' ħiliet u kwalifiki miksuba permezz ta' esperjenzi ta' ħidma u ta' tagħlim, inkluż permezz tal-mobilità u l-volontarjat;

(c)

għall-valutazzjoni tal-ħiliet u l-awtovalutazzjoni tal-ħiliet;

(d)

għad-dokumentazzjoni tar-riżultati u kwalifiki ta' tagħlim, fosthom il-mudelli ta' Supplimenti tal-Europass, kif imsemmi fl-Artikolu 5.

L-użu ta' għodod tal-Europass għall-valutazzjoni tal-ħiliet u l-awtovalutazzjoni tal-ħiliet kif imsemmi fil-punt (c) m'għandux iwassal direttament għal rikonoxximent formali jew għall-ħruġ ta' kwalifiki.

2.   Il-pjattaforma onlajn tal-Europass għandha tipprovdi informazzjoni disponibbli jew links għal informazzjoni disponibbli dwar it-temi li ġejjin:

(a)

opportunitajiet ta' tagħlim;

(b)

kwalifiki u oqfsa jew sistemi ta' kwalifiki;

(c)

opportunitajiet għall-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali

(d)

prattiki u leġiżlazzjoni rilevanti ta' rikonoxximent f'diversi pajjiżi, inklużi pajjiżi terzi;

(e)

servizzi li joffru orjentament għall-mobilità transnazzjonali tat-tagħlim u l-ġestjoni tal-karriera;

(f)

l-informazzjoni dwar il-ħiliet kif prodotti minn attivitajiet rilevanti fil-livell tal-Unjoni u aġenziji fi ħdan l-oqsma ta' kompetenza tagħhom;

(g)

informazzjoni addizzjonali dwar il-ħiliet u l-kwalifiki li tista' tkun rilevanti għall-ħtiġijiet partikolari ta' ċittadini minn pajjiżi terzi li jaslu jew li jgħixu fl-UE, b'mod legali, sabiex jingħata appoġġ lill-integrazzjoni tagħhom.

Artikolu 4

Prinċipji u karatteristiċi ewlenin

1.   Il-pjattaforma onlajn tal-Europass u l-għodod ibbażati fuq il-web, inkluż il-kontenut u l-funzjonalità tagħhom, għandhom ikunu faċli biex jintużaw u siguri u jkunu disponibbli mingħajr ħlas għall-utenti kollha.

2.   Il-pjattaforma onlajn tal-Europass u l-għodod ibbażati fuq il-web, inkluż il-kontenut u l-funzjonalità tagħhom, għandhom ikunu aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità, f'konformità mar-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà stabbiliti fil-liġi rilevanti tal-Unjoni.

3.   L-għodod web tal-Europass għandhom jużaw standards miftuħa li jridu jkunu disponibbli, mingħajr ħlas, għal użu mill-ġdid mill-Istati Membri u partijiet interessati oħra fuq bażi volontarja.

4.   L-għodod web tal-Europass għandhom jirreferu għall-QEK rigward l-informazzjoni dwar il-kwalifiki fid-deskrizzjonijiet tas-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ nazzjonali u f'oqsma rilevanti oħra, kif xieraq u skont iċ-ċirkustanzi nazzjonali.

5.   Il-pjattaforma onlajn tal-Europass tista' tinkludi opzjoni għall-utenti biex jaħżnu data personali bħal profil personali. Fl-ipproċessar ta' tali data personali għandha tapplika l-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data. Għandu jkun hemm għadd ta' opzjonijiet disponibbli għall-utenti biex ikunu jistgħu jillimitaw l-aċċess għad-data tagħhom jew għal ċerti attributi.

6.   Il-Europass għandu jappoġġa s-servizzi ta' awtentikazzjoni għal kwalunkwe dokument diġitali jew rappreżentazzjoni ta' informazzjoni dwar il-ħiliet u l-kwalifiki.

7.   L-għodod web tal-Europass għandhom jiġu pprovduti bil-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

8.   L-għodod web tal-Europass għandhom jappoġġaw u jiżguraw l-interoperabilità teknika u s-sinerġiji ma' strumenti u servizzi oħra rilevanti offruti fil-livell tal-UE u, fejn xieraq, f'dak nazzjonali.

Artikolu 5

Supplimenti tal-Europass

1.   Is-Supplimenti tal-Europass għall-Kwalifiki għandhom jinħarġu, skont il-mudelli, mill-awtoritajiet jew il-korpi kompetenti. B'mod partikolari, l-ordni ta' kull element fil-mudelli għandha tiġi rispettata sabiex ikun żgurat li jiġu ffaċilitati l-fehim u l-għoti ta' informazzjoni sħiħa.

2.   Il-mudelli msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu żviluppati u, fejn meħtieġ, riveduti mill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni u konsultazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u ma' partijiet interessati oħra bħall-Kunsill tal-Ewropa u l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura sabiex jiġu żgurati r-rilevanza u l-utilizzabilità tas-supplimenti.

3.   Is-supplimenti tal-Europass għandhom jinħarġu mingħajr ħlas u, fejn possibbli, f'forma elettronika. Is-supplimenti tal-Europass għandhom jinħarġu bil-lingwa nazzjonali u, fejn ikun possibbli, b'lingwa Ewropea oħra.

4.   Is-supplimenti tal-Europass ma għandhomx jieħdu post id-diplomi jew iċ-ċertifikati oriġinali u ma għandhomx jammontaw għal ebda dritt għal rikonoxximent formali tad-diploma jew taċ-ċertifikat oriġinali mill-awtoritajiet jew il-korpi kompetenti ta' pajjiżi oħra.

Artikolu 6

Il-kompiti tal-Kummissjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tamministra l-pjattaforma onlajn tal-Europass. F'dak ir-rigward il-Kummissjoni għandha:

(a)

tiżgura d-disponibbiltà u l-kwalità għolja tal-informazzjoni fil-livell tal-Unjoni jew tal-links għal dik l-informazzjoni disponibbli kif imsemmi fl-Artikolu 3(2);

(b)

tiżviluppa, tittestja u, fejn meħtieġ, taġġorna l-pjattaforma onlajn tal-Europass, inklużi l-istandards miftuħa, b'konformità mal-ħtiġijiet tal-utenti u mal-avvanzi teknoloġiċi kif ukoll il-bidliet fis-swieq tax-xogħol u fl-għoti tal-edukazzjoni u t-taħriġ;

(c)

tibqa' aġġornata mal-aħħar żviluppi teknoloġiċi li jistgħu jtejbu l-aċċessibbiltà tal-Europass għal nies aktar anzjani u persuni b'diżabilità u, fejn rilevanti, tinkorpora tali żviluppi;

(d)

tiżgura li kwalunkwe żvilupp jew aġġornament tal-pjattaforma onlajn tal-Europass, inklużi l-istandards miftuħa, jappoġġa l-konsistenza tal-informazzjoni u juri valur miżjud ċar;

(e)

tiżgura li l-għodod ibbażati fuq il-web, b'mod partikolari l-għodod għall-valutazzjoni u l-awtovalutazzjoni, ikunu ttestjati b'mod sħiħ u tiġi assigurata l-kwalità tagħhom; u

(f)

tiżgura l-kwalità u timmonitorja l-effikaċja tal-pjattaforma onlajn tal-Europass inklużi l-għodod ibbażati fuq il-web skont il-ħtiġijiet tal-utenti.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-implimentazzjoni effettiva ta' din id-Deċiżjoni. F'dak ir-rigward il-Kummissjoni għandha:

(a)

tiżgura l-parteċipazzjoni attiva u l-involviment tal-Istati Membri fl-ippjanar strateġiku, inkluż l-iffissar ta' objettivi strateġiċi u ta' tmexxija, l-assigurazzjoni tal-kwalità u l-finanzjament, u tieħu kont dovut tal-pożizzjonijiet tagħhom;

(b)

tiżgura l-parteċipazzjoni attiva u l-involviment tal-Istati Membri fl-iżvilupp, l-ittestjar, l-aġġornament u l-evalwazzjoni tal-pjattaforma onlajn tal-Europass, inklużi l-istandards miftuħa, u tieħu kont dovut tal-pożizzjonijiet tagħhom;

(c)

tiżgura li, fil-livell tal-Unjoni, il-partijiet interessati rilevanti jkunu involuti fl-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta' din id-Deċiżjoni;

(d)

tistabbilixxi attivitajiet ta' tagħlim bejn il-pari u skambji tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri u, fejn xieraq, tiffaċilita l-għoti ta' konsulenza bejn il-pari fuq talba tal-Istati Membri; u

(e)

tiżgura li jitwettqu attivitajiet effettivi u adegwati ta' promozzjoni, orjentament u informazzjoni fil-livell tal-Unjoni sabiex jintlaħqu l-utenti u l-partijiet interessati rilevanti, inklużi l-persuni b'diżabilità;

Artikolu 7

Kompiti tal-Istati Membri

1.   Kull Stat Membru għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' dik id-Deċiżjoni fil-livell nazzjonali permezz tas-servizzi nazzjonali rilevanti u mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti nazzjonali f'termini ta' implimentazzjoni u organizzazzjoni. F'dak ir-rigward, l-Istati Membri għandhom:

(a)

jikkoordinaw l-attivitajiet relatati mal-implimentazzjoni tal-għodod web tal-Europass;

(b)

jippromwovu l-użu u jsaħħu l-għarfien u l-viżibbiltà tal-Europass;

(c)

jippromwovu u jipprovdu informazzjoni dwar servizzi li joffru orjentament għall-mobilità transnazzjonali tat-tagħlim u l-ġestjoni tal-karriera, inklużi, fejn xieraq, servizzi ta' orjentament individwali;

(d)

iqiegħdu għad-dispożizzjoni informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta' tagħlim, il-kwalifiki u l-prattiki ta' rikonoxximent disponibbli fuq il-pjattaforma onlajn tal-Europass, inkluż permezz ta' links għal siti web nazzjonali rilevanti;

(e)

jinvolvu lill-partijiet interessati mis-setturi rilevanti kollha u jippromwovu kooperazzjoni fost il-partijiet interessati pubbliċi u privati, fl-attivitajiet taħt ir-responsabilità tagħhom;

2.   L-għoti ta' informazzjoni lill-pjattaforma onlajn tal-Europass skont l-Artikolu 3(2) ma għandux joħloq xi obbligi addizzjonali għall-Istati Membri.

Artikolu 8

Proċessar u protezzjoni tad-data

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni għandhom jitwettqu skont il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali, b'mod partikolari d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

Artikolu 9

Monitoraġġ u evalwazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta fuq il-progress u l-iżviluppi futuri mistennija wara l-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, kif xieraq, fil-kuntest tal-oqfsa tal-politika rilevanti dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjiegi.

2.   Sat-23 ta' Mejju 2023, u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta' evalwazzjoni dwar l-implimentazzjoni u l-impatt ta' din id-Deċiżjoni.

3.   L-evalwazzjoni għandha titwettaq minn korp indipendenti fuq il-bażi ta' indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi żviluppati mill-Kummissjoni f'konsultazzjoni mal-Istati Membri.

Artikolu 10

Pajjiżi parteċipanti

1.   Il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet imsemmija f'din id-Deċiżjoni għandha tkun miftuħa għall-membri taż-Żona Ekonomika Ewropea li mhumiex Stati Membri tal-Unjoni skont il-kondizzjonijiet stipulati fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

2.   Il-parteċipazzjoni għandha tkun miftuħa wkoll għall-Istati aderenti, l-Istati kandidati u l-Istati kandidati potenzjali għall-adeżjoni mal-Unjoni skont il-Ftehimiet konklużi mal-Unjoni.

Artikolu 11

Dispożizzjonijiet finanzjarji

L-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni fil-livelli nazzjonali għandha tiġi kofinanzjata permezz tal-programmi tal-Unjoni. L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali.

Artikolu 12

Tħassir u dispożizzjonijiet transitorji

1.   Id-Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE hija mħassra.

2.   Is-sistema ta' informazzjoni tal-Europass ibbażata fuq l-Internet stabbilita bid-Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE għandha tibqa' tiffunzjona sa meta l-pjattaforma onlajn tal-Europass stabbilita b'din id-Deċiżjoni tiġi stabbilita u ssir operattiva.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, it-18 ta' April 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

L. PAVLOVA


(1)  ĠU C 173, 31.5.2017, p. 45.

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2018 (għadha mhix ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' April 2018.

(3)  Id-Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar qafas Komunitarju waħdieni għat-trasparenza tal-kwalifiki u tal-kompetenzi (Europass) (ĠU L 390, 31.12.2004, p. 6).

(4)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2017 dwar il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja u li tħassar ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar l-istabbiliment ta' Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (ĠU C 189, 15.6.2017, p. 15).

(5)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1).

(6)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2008, dwar kif l-iggwidar tul il-ħajja jista' jiġi integrat aħjar fl-istrateġiji ta' tagħlim tul il-ħajja (ĠU C 319, 13.12.2008, p. 4).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2016/589 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' April 2016 dwar netwerk Ewropew ta' servizzi tal-impjiegi (EURES), aċċess tal-ħaddiema għas-servizzi ta' mobilità u integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tax-xogħol u li jemenda Regolamenti (UE) Nru 492/2011 u (UE) Nru 1296/2013 (ĠU L 107, 22.4.2016, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi “Erasmus+”: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50).

(9)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).