|
25.4.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 105/31 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/638
tat-23 ta' April 2018
li tistabbilixxi miżuri ta' emerġenza li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid ġewwa l-Unjoni tal-organiżmu ta' ħsara Spodoptera frugiperda (Smith)
(notifikata bid-dokument C(2018) 2291)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b'mod partikolari t-tielet sentenza tal-Artikolu 16(3) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Is-Spodoptera frugiperda (Smith) (minn hawn 'il quddiem: “l-organiżmu speċifikat”), huwa elenkat fil-punt 22 tas-Sezzjoni I(a) tal-Parti A tal-Anness I tad-Direttiva 2000/29/KE bħala organiżmu ta' ħsara li mhuwiex magħruf li jseħħ fl-Unjoni. |
|
(2) |
Fil-punt 27.2 tas-Sezzjoni I tal-Parti A tal-Anness IV tad-Direttiva 2000/29/KE hemm stipulati l-miżuri speċifiċi li jipprevjenu li l-organiżmu speċifikat jidħol u jinfirex fl-Unjoni. Dawk il-miżuri jikkonsistu minn rekwiżiti speċjali dwar l-introduzzjoni fl-Unjoni ta' pjanti tal-ġeneri Dendranthema (DC.) Des Moul., Dianthus L. u Pelargonium l'Hérit. ex Ait., li jistgħu jospitaw l-organiżmu ta' ħsara. |
|
(3) |
L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-EFSA) tat opinjoni xjentifika dwar il-kategorizzazzjoni bħala organiżmu ta' ħsara tal-organiżmu speċifikat, u din ġiet adottata fit-28 ta' Ġunju 2017 (2). Barra minn hekk, l-Istati Membri ppreżentaw id-dejta dwar l-interċezzjoni ta' organiżmi li nstabu fuq komoditajiet innegozjati. |
|
(4) |
Minħabba l-introduzzjoni u t-tifrix riċenti tal-organiżmu speċifikat fl-Afrika, u minħabba d-distribuzzjoni tiegħu fuq il-kontinent tal-Amerka u d-dejta ta' interċezzjoni li ppreżentaw xi Stati Membri, ċerti pjanti oħrajn li jospitaw l-organiżmu speċifikat u li joriġinaw mill-Afrika jew mill-kontinent Amerikan (minn hawn 'il quddiem: “il-pjanti speċifikati”), jenħtieġ li jkunu soġġetti għal miżuri speċifiċi meta jiddaħħlu fl-Unjoni. |
|
(5) |
Jenħtieġ li dawk il-miżuri speċifiċi jipprevedu s-sejba bikrija tal-organiżmu speċifikat fit-territorju tal-Unjoni, jipprevedu r-rekwiżiti għall-introduzzjoni tal-pjanti speċifikati fl-Unjoni, fosthom ċertifikat fitosanitarju, u jipprevedu verifiki uffiċjali fil-ħin li dawk il-pjanti jkunu qed jiddaħħlu fl-Unjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jwettqu stħarriġiet annwali dwar il-preżenza tal-organiżmu speċifikat fit-territorji tagħhom u jenħtieġ li jiżguraw li l-operaturi professjonali jkunu infurmati dwar il-preżenza potenzjali tiegħu u dwar il-miżuri li jridu jittieħdu. |
|
(6) |
Dawk il-miżuri huma meħtieġa biex ikun żgurat li t-territorju tal-Unjoni jkun protett aħjar mid-dħul, mill-istabbiliment u mit-tifrix tal-organiżmu speċifikat. |
|
(7) |
Biex il-korpi uffiċjali responsabbli u l-operaturi professjonali jkollhom biżżejjed żmien biex jaddattaw ruħhom għal dawk ir-rekwiżiti, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta' Ġunju 2018. |
|
(8) |
Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun temporanja u tibqa' tapplika sal-31 ta' Mejju 2020 biex tkun tista' tiġi evalwata qabel dik id-data. |
|
(9) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni jikkonformaw mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
“organiżmu speċifikat” tfisser Spodoptera frugiperda (Smith); |
|
(b) |
“pjanti speċifikati” tfisser il-frott tal-Capsicum L., Momordica L., Solanum aethiopicum L., Solanum macrocarpon L. u Solanum melongena L., u l-pjanti, minbarra t-trab tad-dakra ħaj, kulturi tat-tessut tal-pjanti, żerriegħa u ħbub ta' Zea mays L. li joriġinaw mill-Afrika jew mill-kontinent Amerikan; |
|
(c) |
“sit tal-produzzjoni” tfisser parti ddefinita tal-post tal-produzzjoni, li tkun ġestita bħala unità separata għal għanijiet fitosanitarji. “Post tal-produzzjoni” tfisser kwalunkwe post jew grupp ta' għelieqi li jitħaddmu bħala unità ta' produzzjoni jew unità ta' biedja waħda. |
Artikolu 2
Is-sejba jew is-suspett tal-preżenza tal-organiżmu speċifikat
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull persuna li tissuspetta jew issir taf bil-preżenza tal-organiżmu speċifikat fit-territorju tagħhom tinforma lill-korp uffiċjali responsabbli minnufih u tipprovdilu l-informazzjoni rilevanti kollha li tikkonċerna l-preżenza, jew il-preżenza suspettata, tal-organiżmu speċifikat.
2. Il-korp uffiċjali responsabbli għandu jirreġistra din l-informazzjoni minnufih.
3. Meta l-korp uffiċjali responsabbli jkun ġie infurmat bil-preżenza, jew bil-preżenza suspettata, tal-organiżmu speċifikat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jikkonferma dik il-preżenza, jew il-preżenza suspettata.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull persuna li jkollha fil-kontroll tagħha xi pjanti li għandhom mnejn ikunu infestati bl-organiżmu speċifikat tiġi avżata minnufih bil-preżenza jew bil-preżenza suspettata tal-organiżmu speċifikat, tingħata t-tagħrif dwar il-konsegwenzi possibbli u dwar ir-riskji, u dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu.
Artikolu 3
Ir-rekwiżiti għad-dħul tal-pjanti speċifikati fl-Unjoni
Il-pjanti speċifikati għandhom jiddaħħlu fl-Unjoni biss jekk jiġu ssodisfati r-rekwiżiti li ġejjin:
|
(a) |
għandu jkollhom magħhom ċertifikat fitosanitarju, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1)(ii) tad-Direttiva 2000/29/KE; |
|
(b) |
għandhom jikkonformaw mal-punti (a), (b), (c), (d) jew (e) tal-Artikolu 4 ta' din id-Deċiżjoni. Il-punt rilevanti għandu jkun indikat fiċ-ċertifikat fitosanitarju taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni Addizzjonali”. Fil-każ tal-punti (c) u (d) tal-Artikolu 4, iċ-ċertifikat fitosanitarju għandu jindika wkoll l-informazzjoni li tiżgura t-traċċabbiltà, indikata taħt il-punt (c)(iv); |
|
(c) |
malli jidħlu fl-Unjoni, għandhom jiġu eżaminati mill-korp uffiċjali responsabbli bi qbil mal-Artikolu 5 ta' din id-Deċiżjoni, u ma għandhomx jinstabu sinjali tal-preżenza tal-organiżmu speċifikat. |
Artikolu 4
L-oriġini tal-pjanti speċifikati
Il-pjanti speċifikati għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti f'waħda mill-punti li ġejjin:
|
(a) |
joriġinaw minn pajjiż terz li fih mhuwiex magħruf li jeżisti l-organiżmu speċifikat; |
|
(b) |
joriġinaw minn żona ħielsa mill-organiżmu speċifikat, kif stabbilit mill-organizzazzjoni nazzjonali tal-protezzjoni tal-pjanti skont l-Istandards Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji rilevanti; l-isem ta' dik iż-żona għandu jkun iddikjarat fiċ-ċertifikat fitosanitarju taħt l-intestatura “post tal-oriġini”; |
|
(c) |
joriġinaw minn żoni differenti minn dawk imsemmijin fil-punti (a) u (b), u jikkonformaw mal-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
|
(d) |
joriġinaw minn żoni differenti minn dawk imsemmijin fil-punti (a) u (b), u jikkonformaw mal-punti (c)(i sa iv) u jkunu ngħataw trattament effettiv li jiżgura li jkunu ħielsa mill-organiżmu speċifikat; |
|
(e) |
joriġinaw minn żoni differenti minn dawk imsemmijin fil-punti (a) sa (b), u jkunu ingħataw trattament ta' wara l-ħsad effettiv li jiżgura li jkunu ħielsa mill-organiżmu speċifikat, u dan it-trattament ikun indikat fiċ-ċertifikat fitosanitarju. |
Artikolu 5
Kontrolli uffiċjali mal-introduzzjoni fl-Unjoni
1. Kull konsenja tal-pjanti speċifikati li tiddaħħal fl-Unjoni għandha tkun ikkontrollata b'mod uffiċjali fil-punt tad-dħul fl-Unjoni jew fil-post tad-destinazzjoni stabbilit skont id-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/103/KE (3).
2. Il-korp uffiċjali responsabbli għandu jwettaq dawn il-kontrolli li ġejjin:
|
(a) |
spezzjoni viżwali u |
|
(b) |
jekk ikun hemm suspett tal-preżenza tal-organiżmu speċifikat, jittieħdu l-kampjuni u jiġi identifikat l-organiżmu li jinstab. |
Artikolu 6
Stħarriġ dwar l-organiżmu speċifikat fit-territorji tal-Istati Membri
1. L-Istati Membri għandhom iwettqu stħarriġiet annwali dwar il-preżenza tal-organiżmu speċifikat fuq il-pjanti speċifikati fit-territorju tagħhom.
2. Dawn l-istħarriġiet għandhom jitwettqu mill-korp uffiċjali responsabbli, jew taħt is-superviżjoni uffiċjali tal-korp uffiċjali responsabbli. Għandhom jinkludu mill-inqas l-użu ta' nases xierqa, bħal nases bil-feromoni jew nases bid-dawl, u, fil-każ li jkun hemm suspett ta' infestazzjoni mill-organiżmu speċifikat, iridu jittieħdu l-kampjuni biex l-organiżmu jiġi identifikat. L-istħarriġiet għandhom jissejsu fuq prinċipji xjentifiċi u tekniċi tajba, u għandhom jitwettqu fi żminijiet xierqa tas-sena fir-rigward tal-possibbiltà li jinstab l-organiżmu speċifikat.
3. Sat-30 ta' April ta' kull sena, kull Stat Membru għandu jibgħat ir-riżultati tal-istħarriġiet li jkunu twettqu fis-sena kalendarja preċedenti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.
Artikolu 7
Data tal-applikazzjoni
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Ġunju 2018.
Artikolu 8
Data ta' skadenza
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta' Mejju 2020.
Artikolu 9
Destinatarji
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta' April 2018.
Għall-Kummissjoni
Vytenis ANDRIUKAITIS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.
(2) EFSA Journal 2017;15(7):4927.
(3) Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/103/KE tas-7 ta' Ottubru 2004 dwar il-kontrolli tal-identità u s-saħħa tal-pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra, elenkati f'Parti B tal-Anness V tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE, li jistgħu jiġu esegwiti f'post ieħor li mhuwiex il-punt tad-dħul fil-Komunità jew f'post ieħor fil-qrib u tispeċifika l-kundizzjonijiet li jirrigwardaw dawn il-kontrolli (ĠU L 313, 12.10.2004, p. 16).