23.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 103/8


DEĊIŻJONI (UE) 2018/598 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta' April 2018

li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Georgia

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 212(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea (“l-Unjoni”) u l-Georgia qegħdin ikomplu jiżviluppaw fi ħdan il-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) u s-Sħubija tal-Lvant. Il-Georgia ssieħbet fis-Sħubija tal-Lvant tal-UE fl-2009, li kienet segwita minn negozjati ta' ftehim ta' assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Georgia. Dak il-Ftehim (2) (“il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni”), li jinkludi l-introduzzjoni gradwali ta' żona ta' kummerċ ħieles approfondita u komprensiva (Deep and Comprehensive Free Trade Area - DCFTA), ġie ffirmat f'Ġunju 2014 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2016.

(2)

Il-Georgia kompliet taffaċċja ambjent estern dgħajjef, li permezz ta' esportazzjonijiet u rimessi mnaqqsa kkontribwixxa għat-tkabbir tal-PDG relattivament baxx fl-2016. Filwaqt li t-tkabbir reġjonali u globali tjieb fl-2017, huwa jibqa' soġġett għar-riskji negattivi.

(3)

Id-defiċit fiskali tal-Georgia għadu sinifikanti, u l-propozjon ta' dejn pubbliku tagħha għall-PDG qed jiżdied. Il-pożizzjoni tal-bilanċ tal-pagamenti wkoll għadha vulnerabbli minħabba defiċit kbir ħafna fil-kont kurrenti u dejn estern kbir. Ir-riżervi tal-munita barranija tal-Georgia ilhom stabbli f'termini assoluti, iżda fid-dawl ta' numru akbar ta' ħtiġijiet ta' riżerva dawn waqgħu taħt il-livell stmat mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) bħala xieraq. Il-Georgia qed tkompli wkoll tadatta għar-rekwiżiti tad-DCFTA mal-Unjoni.

(4)

F'dan il-kuntest, l-awtoritajiet tal-Georgia u l-FMI qablu, f'April 2017, dwar arranġament ta' Faċilità ta' Fond Estiża (Extended Fund Facility - EFF) ta' tliet snin għall-perjodu 2017-2020 bl-ammont ta' USD 285,3 miljun. Il-ftehim ġie approvat mill-Bord Eżekuttiv tal-FMI fit-12 ta' April 2017. L-għan tal-arranġament tal-EFF huwa li jappoġġa programm ta' riforma ekonomika li se jgħin lill-Georgia tnaqqas il-vulnerabbiltajiet ekonomiċi, u tippromwovi tkabbir ekonomiku akbar u aktar inklużiv.

(5)

Fid-dawl tal-ħtiġijiet finanzjarji esterni residwi tal-Georgia, l-awtoritajiet tal-Georgia talbu assistenza makrofinanzjarja komplementari mill-Unjoni f'Ġunju 2017.

(6)

Sa mill-kunflitt militari mar-Russja f'Awwissu 2008, il-Georgia bbenefikat minn żewġ operazzjonijiet ta' assistenza makrofinanzjarja mwegħda mill-Unjoni fil-Konferenza tad-Donaturi Internazzjonali fi Brussell f'Ottubru 2008. L-ewwel waħda minn dawn l-operazzjonijiet, li kienet tammonta għal EUR 46 miljun, kompletament fil-forma ta' għotjiet, ġiet implimentata fl-2009-2010. It-tieni waħda, li għal darb'oħra kienet tammonta għal EUR 46 miljun, nofsha f'għotjiet u nofsha f'self, ġiet implementata fl-2015-2017. L-Unjoni għamlet disponibbli wkoll EUR 610-746 miljun lill-Georgia mill-Istrument Ewropew ta' Viċinat għall-perjodu 2014-2020, inklużi appoġġ baġitarju u assistenza teknika. Barra minn hekk, il-Georgia tibbenefika mill-Faċilità ta' Investiment tal-Viċinat li kkontribwiet madwar EUR 86 miljun għal proġetti fil-Georgia matul il-perjodu tal-2008-2017.

(7)

Minħabba li l-Georgia hija pajjiż kopert mill-PEV, jenħtieġ li titqies bħala eliġibbli biex tirċievi l-assistenza makrofinanzjarja mill-Unjoni.

(8)

L-assistenza makrofinanzjarja mill-Unjoni jenħtieġ li tkun strument finanzjarju eċċezzjonali ta' appoġġ mingħajr irbit u mhux speċifikat għall-bilanċ tal-pagamenti, bl-għan li tindirizza l-ħtiġijiet finanzjarji esterni immedjati tal-benefiċjarju u jenħtieġ li tirfed l-implimentazzjoni ta' programm ta' politika li fih miżuri qawwija ta' riforma strutturali u ta' aġġustament immedjat maħsuba biex itejbu l-pożizzjoni tal-bilanċ tal-pagamenti fuq perjodu ta' żmien qasir.

(9)

Minħabba li għad hemm diskrepanza sinifikanti fil-finanzjament estern residwu tal-bilanċ tal-pagamenti lil hinn mir-riżorsi pprovduti mill-FMI u minn istituzzjonijiet multilaterali oħrajn, l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni lill-Georgia, fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali qed titqies bħala tweġiba xierqa għat-talba tal-Georgia li tappoġġa l-istabilizzazzjoni ekonomika tagħha flimkien mal-programm tal-FMI. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tgħin lill-istabbilizzazzjoni ekonomika u lill-aġenda ta' riforma strutturali tal-Georgia, filwaqt li tissupplimenta r-riżorsi magħmula disponibbli taħt l-arranġament finanzjarju tal-FMI.

(10)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li jkollha l-għan li tappoġġa l-ħolqien mill-ġdid ta' sitwazzjoni finanzjarja esterna sostenibbli għall-Georgia, u b'hekk tappoġġa l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tagħha.

(11)

Id-determinazzjoni tal-ammont tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni hija bbażata fuq valutazzjoni kwantitattiva kompleta tal-ħtiġijiet ta' finanzjament estern residwu tal-Georgia, u tqis il-kapaċità tagħha ta' awtofinanzjament bir-riżorsi proprji, partikolarment ir-riżervi internazzjonali għad-dispożizzjoni tagħha. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tikkomplementa l-programmi u r-riżorsi pprovduti mill-FMI u mill-Bank Dinji. Id-determinazzjoni tal-ammont tal-assistenza tqis ukoll il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mistennija mingħand donaturi bilaterali u multilaterali u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-kondiviżjoni ġusta tal-piż bejn l-Unjoni u donaturi oħrajn, kif ukoll l-implimentazzjoni diġà eżistenti tal-istrumenti ta' finanzjament esterni l-oħrajn tal-Unjoni fil-Georgia u l-valur miżjud tal-involviment kumplessiv tal-Unjoni.

(12)

Meta jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet ta' finanzjament estern residwu tal-Georgia, il-livell tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali tagħha kif imkejjel bl-introjtu per capita u l-inċidenza tal-faqar, kif ukoll il-livell ta' dejn tagħha, parti mill-assistenza jenħtieġ li tingħata fil-forma ta' għotjiet.

(13)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżgura li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tkun ġuridikament u sostanzjalment konformi mal-prinċipji fundamentali tal-azzjoni esterna stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u mal-objettivi u mal-miżuri meħuda fl-oqsma differenti tal-azzjoni esterna u politiki oħrajn rilevanti tal-Unjoni.

(14)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa l-politika esterna tal-Unjoni rigward il-Georgia. Is-servizzi tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jenħtieġ li jaħdmu flimkien mill-qrib matul l-operazzjoni ta' assistenza makrofinanzjarja kollha bl-għan li jikkoordinaw il-politika esterna tal-Unjoni u li jiżguraw il-konsistenza tagħha.

(15)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa l-impenn tal-Georgia fir-rigward tal-valuri kondiviżi mal-Unjoni, inkluż id-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-iżvilupp sostenibbli u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll l-impenn tagħha favur il-prinċipji ta' kummerċ miftuħ, ibbażat fuq regoli u ġust.

(16)

Prekundizzjoni għall-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li tkun li l-Georgia tirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi – inklużi sistema parlamentari multipartitika – u l-istat tad-dritt, u tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Barra minn hekk, l-objettivi speċifiċi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li jsaħħu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà fis-sistemi tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fil-Georgia, u li jippromwovu r-riformi strutturali li għandhom l-għan li jappoġġaw it-tkabbir sostenibbli u inklużiv, il-ħolqien tax-xogħol u l-konsolidazzjoni fiskali. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni lill-Georgia jenħtieġ li tinkludi wkoll miżuri ta' appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, inkluż id-DCFTA. Biex ikun żgurat li l-objettivi speċifiċi jkunu jistgħu jiġu valutati b'mod xieraq, dawn jeħtieġ li jiġu stabbiliti b'mod verifikabbli u li jista' jitkejjel. Kemm it-twettiq tal-prekundizzjonijiet kif ukoll il-kisba ta' dawk l-objettivi jenħtieġ li jiġu mmonitorjati regolarment mill-Kummissjoni u mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna. Jekk il-prekundizzjoni u l-objettivi ma jintlaħqux jew jekk l-għanijiet u l-prinċipji tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jiġu ġeneralment injorati, jenħtieġ li l-Kummissjoni b'mod temporanju tissospendi jew tikkanċella l-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

(17)

Sabiex tkun żgurata l-protezzjoni effikaċi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni marbuta mal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, il-Georgia jenħtieġ li tadotta l-miżuri xierqa relatati mal-prevenzjoni tal-frodi, il-korruzzjoni u kull irregolarità oħra marbuta ma' din l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, u biex tiġġieled kontrihom. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun hemm dispożizzjonijiet biex il-Kummissjoni twettaq verifiki u l-Qorti tal-Awdituri twettaq awditi.

(18)

Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, bħala awtorità baġitarja.

(19)

L-ammonti ta' assistenza makrofinanzjarja mogħtija fil-forma ta' għotjiet u l-ammonti tal-allokazzjonijiet meħtieġa għall-assistenza makrofinanzjarja fil-forma ta' self jenħtieġ li jkunu konsistenti mal-approprazzjonijiet baġitarji previsti fil-qafas finanzjarju pluriennali.

(20)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li tkun ġestita mill-Kummissjoni. Sabiex ikun żgurat li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu jistgħu jsegwu l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tinfurmahom regolarment bl-iżviluppi relatati mal-assistenza u tipprovdilhom id-dokumenti rilevanti.

(21)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħat ta' implimentazzjoni. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(22)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li tkun soġġetta għal kundizzjonijiet ta' politika ekonomika, li għandhom jiġu stabbiliti f'Memorandum ta' Qbil. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni u għal raġunijiet ta' effiċjenza, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tinnegozja dawn il-kundizzjonijiet mal-awtoritajiet tal-Georgia taħt is-superviżjoni tal-kumitat tar-rappreżentanti tal-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011. Skont dan ir-Regolament, bħala regola ġenerali jenħtieġ li tapplika l-proċedura konsultattiva fil-każijiet kollha ħlief kif previst f'dan ir-Regolament. Meta jiġi kkunsidrat l-impatt potenzjalment importanti tal-assistenza ta' aktar minn EUR 90 miljun, huwa xieraq li l-proċedura ta' eżami tintuża għal operazzjonijiet li jeċċedu dak il-limitu minimu. Meta jitqies l-ammont ta' assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni lill-Georgia, il-proċedura konsultattiva jenħtieġ li tapplika għall-adozzjoni tal-Memorandum ta' Qbil, u għal kwalunkwe tnaqqis, sospensjoni jew tħassir tal-assistenza,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Unjoni għandha tagħmel assistenza makrofinanzjarja ta' ammont massimu ta' EUR 45 miljun disponibbli lill-Georgia (“l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni”), bil-ħsieb li tappoġġa l-istabbilizzazzjoni ekonomika tal-Georgia u aġenda ta' riforma sostanzjali. Minn dak l-ammont massimu, sa EUR 35 miljun għandhom jingħataw bħala self u sa EUR 10 miljuni għandhom jingħataw bħala għotjiet. Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jiddependi mill-approvazzjoni tal-baġit tal-Unjoni għas-sena rilevanti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. L-assistenza għandha tikkontribwixxi biex tkopri l-ħtiġijiet tal-Georgia għall-bilanċ tal-pagamenti kif inhuma identifikati fil-programm tal-FMI.

2.   Sabiex jiġi ffinanzjat il-komponent tas-self tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, il-Kummissjoni, f'isem l-Unjoni, għandu jkollha s-setgħa li tissellef il-fondi neċessarji fuq is-swieq kapitali jew minn istituzzjonijiet finanzjarji, biex imbagħad, min-naħa tagħha, tislef il-fondi mislufa lill-Georgia. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta' 15-il sena.

3.   Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandu jiġi ġestit mill-Kummissjoni b'mod konsistenti mal-ftehimiet jew mal-arranġamenti milħuqa bejn l-FMI u l-Georgia u mal-prinċipji u l-objettivi ewlenin tar-riformi ekonomiċi stabbiliti fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, inkluż id-DCFTA.

Il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-iżviluppi fir-rigward tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, inkluż l-iżborsi tagħha, u għandha tipprovdi lil dawk l-istituzzjonijiet bid-dokumenti rilevanti fi żmien xieraq.

4.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli għal perjodu ta' sentejn u nofs, li jibda mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ tal-Memorandum ta' Qbil imsemmi fl-Artikolu 3(1).

5.   Jekk il-ħtiġijiet ta' finanzjament tal-Georgia jonqsu b'mod fundamentali matul il-perjodu tal-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni meta mqabbla mal-projezzjonijiet inizjali, il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 7(2), għandha tnaqqas l-ammont tal-assistenza jew tissospendiha jew tħassarha.

Artikolu 2

1.   Prekundizzjoni għall-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun li l-Georgia tirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi – inkluża sistema parlamentari multipartitika – u l-istat tad-dritt, u tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.

2.   Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandhom jimmonitorjaw li l-prekundizzjoni, stipulata fil-paragrafu 1, tiġi ssodisfata matul iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu applikati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (4).

Artikolu 3

1.   Il-Kummissjoni, f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 7(2), għandha tilħaq ftehim mal-awtoritajiet tal-Georgia dwar politika ekonomika u kundizzjonijiet finanzjarji definiti b'mod ċar, ikkonċentrati fuq riformi strutturali u finanzi pubbliċi sodi, li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun soġġetta għalihom, li għandhom jitniżżlu f'memorandum ta' qbil (il-Memorandum ta' Qbil) li għandu jinkludi perjodu taż-żmien għat-twettiq ta' dawk il-kundizzjonijiet. Il-politika ekonomika u l-kundizzjonijiet finanzjarji stabbiliti fil-Memorandum ta' Qbil għandhom ikunu konsistenti mal-ftehimiet jew mal-arranġamenti mesmmija fl-Artikolu 1(3), inklużi l-programmi ta' aġġustament makroekonomiku u ta' riforma strutturali implimentati mill-Georgia bl-appoġġ tal-FMI.

2.   Il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jimmiraw, b'mod partikolari, li jtejbu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà tas-sistemi ta' ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fil-Georgia, inkluż għall-użu tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Il-progress fil-ftuħ reċiproku tas-swieq, l-iżvilupp ta' kummerċ ġust u bbażat fuq ir-regoli u prijoritajiet oħrajn fil-kuntest tal-politika esterna tal-Unjoni għandhom ukoll jitqiesu bil-mod dovut fit-tfassil tal-miżuri ta' politika. Il-progress fl-ilħuq ta' dawn l-objettivi għandu jiġi mmonitorjat regolarment mill-Kummissjoni.

3.   Il-kundizzjonijiet finanzjarji ddettaljati tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom jiġu stabbiliti fil-ftehim tas-self u fil-ftehim tal-għotja li għandhom jiġu miftehma bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Georgia.

4.   Il-Kummissjoni għandha tivverifika, f'intervalli regolari, li l-kundizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 4(3) jibqgħu jiġu ssodisfati, inkluż jekk il-linji ta' politika ekonomika tal-Georgia jkunux f'konformità mal-objettivi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Hija u tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tikkoordina mill-qrib mal-FMI u mal-Bank Dinji u, fejn ikun meħtieġ, mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill.

Artikolu 4

1.   Soġġett għall-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3, l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni f'żewġ ħlasijiet parzjali, u kull wieħed minnhom għandu jkun jikkonsisti f'element ta' self u element ta' għotja. Id-daqs ta' kull ħlas parzjali għandu jiġi stabbilit fil-Memorandum ta' Qbil.

2.   Għall-ammonti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni mogħtija f'forma ta' self għandha tkun prevista allokazzjoni, fejn meħtieġ, f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (5).

3.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar ir-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali soġġetti għat-twettiq tal-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-prekundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(1);

(b)

l-implimentazzjoni kontinwament sodisfaċenti ta' programm ta' politika li fih miżuri ta' aġġustament u ta' riforma strutturali b'saħħithom appoġġati minn arranġament ta' kreditu mill-FMI mhux prekawzjonarju; u

(c)

l-implimentazzjoni sodisfaċenti tal-politika ekonomika u tal-kundizzjonijiet finanzjarji miftiehma fil-Memorandum ta' Qbil.

Ir-rilaxx tat-tieni ħlas parzjali m'għandux, fil-prinċipju, isir qabel tliet xhur wara r-rilaxx tal-ewwel ħlas parzjali.

4.   Meta l-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 ma jiġux issodisfati, il-Kummissjoni temporanjament tissospendi jew tħassar l-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. F'tali każijiet, hija għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-raġunijiet għal din is-sospensjoni jew dan it-tħassir.

5.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi żborżata lill-Bank Nazzjonali tal-Georgia. Soġġetti għad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu miftiehma fil-Memorandum ta' Qbil, inkluża konferma tal-ħtiġijiet finanzjarji baġitarji residwi, il-fondi tal-Unjoni jistgħu jiġu ttrasferiti lill-Ministeru tal-Finanzi tal-Georgia bħala l-benefiċjarju aħħari.

Artikolu 5

1.   L-operazzjonijiet ta' għoti u teħid b'self marbutin mal-komponent ta' self tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom isiru fil-munita euro bl-użu tal-istess data tal-valur u m'għandhomx jinvolvu lill-Unjoni fit-trasformazzjoni tal-maturitajiet, jew jesponuha għal kwalunkwe riskju marbut mar-rata tal-kambju jew mar-rata tal-imgħax, jew għal kwalunkwe riskju kummerċjali ieħor.

2.   Meta ċ-ċirkostanzi jippermettu, u jekk il-Georgia titlob dan, il-Kummissjoni tista' tieħu l-passi meħtieġa biex tiżgura li tiddaħħal klawżola dwar ir-rimborż bikri fil-patti u l-kundizzjonijiet tas-self u li din tkun appoġġata minn klawżola korrispondenti fil-patti u l-kundizzjonijiet tal-operazzjonijiet ta' teħid b'self.

3.   Meta ċ-ċirkostanzi jippermettu titjib fir-rata tal-imgħax tas-self u jekk il-Georgia titlob dan, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tiffinanzja mill-ġdid it-teħid b'self inizjali kollu jew parti minnu jew tista' tirristruttura l-kundizzjonijiet finanzjarji korrispondenti. L-operazzjonijiet ta' finanzjament mill-ġdid jew ta' ristrutturar għandhom isiru f'konformità mal-paragrafi 1 u 4 u ma għandux ikollhom l-effett li jestendu l-maturità tat-teħid ta' self ikkonċernat jew li jżidu l-ammont ta' kapital pendenti fid-data tal-finanzjament mill-ġdid jew tar-ristrutturar.

4.   Il-kostijiet kollha sostnuti mill-Unjoni li huma relatati mal-operazzjonijiet tal-għoti jew teħid ta' self skont din id-Deċiżjoni għandhom jiġġarrbu mill-Georgia.

5.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżviluppi fl-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3.

Artikolu 6

1.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi implimentata f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u mar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (7).

2.   L-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun taħt ġestjoni diretta.

3.   Il-ftehim dwar is-self u l-ftehim dwar l-għotja msemmi fl-Artikolu 3(3) li jridu jiġu maqbula mal-awtoritajiet tal-Georgia għandu jkun fihom dispożizzjonijiet:

(a)

li jiżguraw li l-Georgia tivverifika regolarment li l-finanzjament ipprovdut mill-baġit tal-Unjoni jkun intuża kif suppost, li din tieħu miżuri xierqa biex tipprevjeni l-irregolaritajiet u l-frodi u, jekk ikun meħtieġ, tieħu azzjoni legali biex tirkupra kwalunkwe fondi pprovduti skont din id-Deċiżjoni li jkunu ġew indebitament approprjati;

(b)

li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b'mod partikolari billi jipprevedu miżuri speċifiċi fir-rigward tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe irregolarità oħra li taffettwa l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (8), mar-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (9) u mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10);

(c)

li jawtorizzaw espressament lill-Kummissjoni, inkluż lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, jew lir-rappreżentanti tiegħu li jwettqu verifiki, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post;

(d)

jawtorizzaw espressament lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri jagħmlu awditjar matul u wara l-perjodu ta' disponibbiltà tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, inkluż awditjar ta' dokumenti u awditjar fuq il-post, bħal pereżempju valutazzjonijiet operazzjonali; u

(e)

li jiżguraw li l-Unjoni tkun intitolata għal ħlas lura bikri tas-self u/jew għal ħlas lura sħiħ tal-għotja meta jkun stabbilit li, fir-rigward tal-ġestjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, il-Georgia tkun ħadet sehem f'xi att ta' frodi jew ta' korruzzjoni jew f'xi attività illegali oħra li tkun ta' detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

4.   Qabel l-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tivvaluta, permezz ta' valutazzjoni operazzjonali, is-solidità tal-arranġamenti finanzjarji, il-proċeduri amministrattivi, u l-mekkaniżmi ta' kontroll interni u esterni tal-Georgia li huma rilevanti għall-assistenza.

Artikolu 7

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 8

1.   Sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni fis-sena ta' qabel, inkluża evalwazzjoni ta' din l-implimentazzjoni. Dak ir-rapport għandu:

(a)

jeżamina l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni;

(b)

jivvaluta s-sitwazzjoni ekonomika u l-prospettivi tal-Georgia, kif ukoll il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta' politika msemmija fl-Artikolu 3(1);

(c)

jindika r-rabta bejn il-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika stabbiliti fil-Memorandum ta' Qbil, il-prestazzjoni ekonomika u fiskali attwali tal-Georgia u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni biex tirrilaxxa l-ħlasijiet parzjali tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

2.   Sa mhux aktar tard minn sentejn wara li jiskadi l-perjodu ta' disponibbiltà msemmi fl-Artikolu 1(4), il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport ta' evalwazzjoni ex post lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta r-riżultati u l-effiċjenza tal-assistenza makrofinanzjarja kompleta tal-Unjoni u sa liema punt din ikkontribwiet għall-għanijiet tal-assistenza.

Artikolu 9

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, it-18 ta' April 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

L. PAVLOVA


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2018 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' April 2018.

(2)  Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (ĠU L 261, 30.8.2014, p. 4).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 tal-25 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi Fond ta' Garanzija għall-azzjonijiet esterni (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 10).

(6)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(7)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(10)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).