6.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 90/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/538

tas-7 ta' Diċembru 2017

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Emenda 1 għall-Memorandum ta' Kooperazzjoni NAT-I-9406 bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) u (7) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni nnegozjat, f'isem l-Unjoni, emenda għall-Memorandum ta' Kooperazzjoni NAT-I-9406 bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea (1) (“Memorandum ta' kooperazzjoni NAT-I-9406”), f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Mejju 2017 li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati.

(2)

L-Emenda 1 għall-Memorandum ta' Kooperazzjoni NAT-I-9406 bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea (“l-Emenda 1”) ġiet inizjalata fit-28 ta' Lulju 2017.

(3)

L-Emenda 1 jenħtieġ li tiġi ffirmata f'isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tagħha f'data aktar tard.

(4)

L-Emenda 1, inkluż l-addendum tagħha, jenħtieġ li jiġu applikati fuq bażi provviżorja, f'konformità mal-Artikolu II.A tal-Emenda 1, sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tagħha.

(5)

Huwa meħtieġ li jiġu stipulati l-arranġamenti proċedurali għall-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-ġestjoni eżekuttiva tal-Memorandum ta' Kooperazzjoni NAT-I-9406 A bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea dwar l-immodernizzar tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, ir-riċerka u l-iżvilupp fl-avjazzjoni ċivili u l-interoperabilità globali (“Memorandum ta' Kooperazzjoni NAT-I-9406 A”), li jinsab fl-addendum għall-Emenda 1 u jissostitwixxi l-Memorandum ta' Kooperazzjoni NAT-I-9406

(6)

F'konformità mal-Artikolu 218(7) tat-Trattat, huwa xieraq li l-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni biex tapprova modifiki fl-Annessi għall-Memorandum ta' Kooperazzjoni NAT-I-9406 A u fl-Appendiċijiet għal dawk l-Annessi, kif ukoll l-adozzjoni ta' annessi u appendiċijiet addizzjonali, soġġett għall-konsultazzjoni minn quddiem u fil-waqt tal-kumitat speċjali ddeżinjat mill-Kunsill,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar f'isem l-Unjoni tal-Emenda 1 għall-Memorandum ta' Kooperazzjoni NAT-I-9406 bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-Emenda msemmija.

It-test tal-Emenda 1 huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuna li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw l-Emenda 1 f'isem l-Unjoni.

Artikolu 3

L-Emenda 1, inkluż l-addendum tagħha, għandha tiġi applikata fuq bażi provviżorja, f'konformità mal-Artikolu II.A tal-Emenda 1, mill-iffirmar tagħha (2), sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tagħha.

Artikolu 4

Il-Kummissjoni, wara konsultazzjonijiet ma' kumitat speċjali ddeżinjat mill-Kunsill, għandha tiddetermina l-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Unjoni fil-ġestjoni eżekuttiva tal-Memorandum ta' Kooperazzjoni NAT-I-9406 A u l-Annessi tiegħu, kif imsemmi fl-Artikolu III tal-Memorandum ta' Kooperazzjoni NAT-I-9406 A, fir-rigward ta':

(a)

l-adozzjoni ta' annessi addizzjonali għall-Memorandum ta' Kooperazzjoni NAT-I-9406 A u appendiċijiet għall-Annessi għall-Memorandum ta' Kooperazzjoni NAT-I-9406 A; u

(b)

l-adozzjoni ta' emendi tal-Annessi għall-Memorandum ta' Kooperazzjoni NAT-I-9406 A u tal-Appendiċijiet għal dawk l-Annessi.

Artikolu 5

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tista' tieħu kwalunkwe azzjoni xierqa skont l-Artikoli III, IV, V, VII u VIII tal-Memorandum ta' Kooperazzjoni NAT-I-9406 A.

Artikolu 6

Il-Kummissjoni għandha tirrappreżenta lill-Unjoni f'konsultazzjonijiet skont l-Artikolu XI tal-Memorandum ta' Kooperazzjoni NAT-I-9406 A.

Artikolu 7

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill regolarment dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-Memorandum ta' Kooperazzjoni NAT-I-9406 A.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Diċembru 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

A. ANVELT


(1)  Memorandum ta' Kooperazzjoni NAT-I-9406 bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea (ĠU L 89, 5.4.2011, p. 3).

(2)  Id-data tal-iffirmar tal-Emenda 1 ser tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.