26.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 82/15


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/501

tat-22 ta' Marzu 2018

dwar ir-rikonoxximent tas-Saltna tal-Oman skont id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistemi ta' taħriġ u ċertifikazzjoni tal-baħħara

(notifikata bid-dokument C(2018) 1640)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-livell minimu ta' taħriġ tal-baħħara (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 19(3) tagħha,

Billi:

(1)

Skont id-Direttiva 2008/106/KE, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jirrikonoxxu b'approvazzjoni ċ-ċertifikati xierqa ta' kompetenza jew tal-profiċjenza tal-baħħara, li jkunu nħarġu minn pajjiżi terzi, sakemm il-pajjiż terz ikkonċernat ikun rikonoxxut mill-Kummissjoni. Dawk il-pajjiżi terzi jridu jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali dwar Standards ta' Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara, tal-1978 (il-“Konvenzjoni STCW”).

(2)

Permezz tal-ittra tad-19 ta' Awwissu 2015, in-Netherlands talbu r-rikonoxximent tas-Saltna tal-Oman. Wara dik it-talba, il-Kummissjoni kkuntattjat lill-awtoritajiet Omani bl-għan li twettaq valutazzjoni tas-sistema tat-taħriġ u taċ-ċertifikazzjoni tagħhom biex tivverifika jekk is-Saltna tal-Oman tissodisfax ir-rekwiżiti kollha tal-Konvenzjoni STCW u jekk ittiħdux il-miżuri xierqa biex tiġi evitata l-frodi konnessa maċ-ċertifikati. Kien spjegat li l-valutazzjoni se tkun ibbażata fuq ir-riżultati ta' spezzjoni għall-ġbir ta' fatti li għandha titwettaq mill-esperti tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (“l-Aġenzija”).

(3)

L-ispezzjoni saret f'Awwissu 2016 u ġew identifikati diversi oqsma li kellhom bżonn jiġu indirizzati sewwa mill-awtoritajiet Omani, inklużi n-nuqqasijiet marbutin mal-proċeduri tal-ġestjoni tal-kwalità, l-approvazzjoni tal-programmi edukattivi u tal-korsijiet tat-taħriġ u l-attivitajiet tal-Kulleġġ Marittimu Internazzjonali tal-Oman (IMCO). F'Jannar 2017, l-awtoritajiet Omani ppreżentaw pjan volontarju ta' azzjoni korrettiva.

(4)

Il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tas-sistema tat-taħriġ u taċ-ċertifikazzjoni tas-Saltna tal-Oman, abbażi tar-riżultati tal-ispezzjoni u tal-pjan ta' azzjoni korrettiva volontarja. F'Mejju 2017, il-Kummissjoni pprovdiet lill-awtoritajiet Omani b'rapport ta' valutazzjoni fejn ikkonkludiet li n-nuqqasijiet kollha kienu ġew indirizzati bil-pjan ta' azzjoni korrettiv volontarju, ħlief għal żewġ sejbiet relatati mal-proċedura ta' approvazzjoni tal-programm ta' taħriġ tal-IMCO, u t-tlestija tal-kostruzzjoni ta' sit ta' taħriġ fis-sikurezza fl-istess istituzzjoni edukattiva.

(5)

L-awtoritajiet Omani ppreżentaw azzjonijiet korrettivi ulterjuri f'Lulju 2017 li jindirizzaw dawn is-sejbiet.

(6)

Abbażi tal-informazzjoni disponibbli kollha, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-awtoritajiet Omani ħadu miżuri biex is-sistema tat-taħriġ u taċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara tal-Oman issir konformi mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni STCW.

(7)

L-eżitu finali tal-valutazzjoni juri li s-Saltna tal-Oman hija konformi mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni STCW, indirizzat in-nuqqasijiet identifikati kollha, u li ttieħdu l-miżuri xierqa biex tiġi evitata l-frodi konnessa maċ-ċertifikati.

(8)

L-Istati Membri ngħataw rapport dwar ir-riżultati tal-valutazzjoni.

(9)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta' Tniġġis minn Bastimenti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2008/106/KE, is-Saltna tal-Oman hija rrikonoxxuta f'dak li għandu x'jaqsam mas-sistemi għat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Marzu 2018.

Għall-Kummissjoni

Violeta BULC

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 323, 3.12.2008, p. 33.